Visualizzazione post con etichetta translazzjoni. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta translazzjoni. Mostra tutti i post

venerdì 19 giugno 2026

Elementi tal-Festa Maltija

Wasal Ġunju u dalwaqt jgħaddi wkoll, u għalhekk waslu il-jiem marbutin mal-festi tradizzjonali li jsiru fl-ibliet u l-irħula tagħna l-Maltin. Dwar dawn il-festi hemm ħafna x’wieħed jgħid, fosthom li hawn min jgħix is-sena kollha għall-festa u hawn imbagħad oħrajn li jieħdu qatgħa malli jisimgħu l-ewwel murtal. Hu x’inhu, tħobbhom jew ma tħobbhomx, minn l-aħħar ta’ Mejju jew il-bidu ta’ Ġunju sa Settembru jew il-bidu ta’ Ottubru f’pajjiżna jkun għaddej l-istaġun tal-festi.

Elementi ta’ ġewwa

Bħal kollox, il-festa Maltija fiha elementi li jsawruha, elementi li mingħajrhom ma tkunx festa kompluta. Prinċipalment il-festa tar-raħal hija avveniment reliġjuż, biss dan il-fatt spiss jintesa u jsir aktar enfasi fuq dak li jseħħ fit-toroq milli dwar dak li l-aktar huwa importanti fil-festa.

Il-ġimgħa tal-festa tibda bil-ħruġ tal-vara min-niċċa. Din wara sena msakkra terġa’ tinħareġ ftit għall-arja biex titgawda. Mhux l-għan tiegħi li nsemmi xi festi partikolari, imma ngħid biss li l-ħruġ tal-vara minn ġewwa n-niċċa hawn festi li jattendu għalih nies daqs kemm jattendu għall-purċissjoni. Element ieħor tal-ġimgħa tal-festa huma it-tlett ijiem tat-tridu. Dawn għandhom l-għan li fihom isiru prietki minn saċerdot mistieden biex il-parruċċani jagħrfu l-virtujiet li bihom kien imżejjen il-qaddis patrun tar-raħal. Hawn kultant tħoss uġigħ ta’ qalb, tara knisja armata sa snienha, predikatur li jkun fittex li jħejji prietka mill-aqwa biex imbagħad ikun hemm knisja kważi vojta. Mhux l-istess isir fil-marċ, hemm ikun hemm folla mhux ħażin! Ara l-knisja fil-jiem tat-tridu, inħalluha għal dawk ix-xjuħ li wara l-funzjoni jmorru lejn darhom għax issa ma għadhomx imorru jaqbżu mal-banda!Iżda ngħid ukoll li hawn festi fejn il-knisja tkun mimlija wkoll. Imbagħad hemm it-Te Deum, li normalment kien isir fil-jum tas-Sibt filgħodu. Minħabba n-nuqqas ta’ attendenza, llum hawn festi li qed jagħmluh il-Ġimgħa filgħaxija. Personalment nippreferi s-Sibt filgħodu, imma aħjar hekk milli ma jsir xejn. Is-Sibt ukoll issir it-transulazzjoni tar-relikwija tal-qaddis jew qaddisa u hekk uffiċjalment jibda l-jum tal-festa. Imbagħad jisbaħ il-Ħadd, filgħodu l-quddiesa tal-festa u tard waranofsinhar l-Għasar Solenni u l-purċissjoni bl-istatwa tal-qaddis jew qaddisa.

Dan huwa bejn wieħed u ieħor il-programm tal-knisja fil-festa Maltija. Jiena ħadt tip ta’ festa li tkun iċċelebrata l-Ħadd għax fl-istaġun tal-festi Maltin hemm festi li jiġu ċċelebrati fost il-ġimgħa fil-jum liturġiku tal-festa tal-qaddis jew qaddisa u hemm festi oħra li l-programm tagħhom ikun xi ftit differenti minn dan li ktibt jiena.

Elementi ta’ barra

Jekk fil-jiem tal-festa l-knisja tkun armata sa snienha, l-istess nistgħu ngħidu għat-toroq tal-parroċċa. Illum fil-jiem tal-festi tagħna nkunu nistgħu ngawdu bosta opri artistiċi mill-aqwa; xogħol ta’ pilandri u trofej, kolonni, statwi, xogħol ta’ ħjata ta’ pavaljuni, bandalori u bnadar, kollha fuq disinn inħażżeż minn artist Malti, li jkollna ngħiduha kif inhi, illum hawn minn dawn l-artisti li tabilħaqq huma ta’ livell. Ma’ dawn jidħol ħafna xogħol ieħor, bħall-irħamar tal-pilandri u armar ieħor u xogħol ieħor li ma jidhirx, bħal xogħol ta’ ħadid u xogħol tad-dawl. Insomma fi ftit kliem nistgħu ngħidu li fil-jiem tal-festa t-toroq tagħna jinbidlu f’vetrina ta’ artiġjanat u ta’ volontarjat, għax bosta mix-xogħol li naraw ikun sar matul is-sena minn numru ta’ volontiera.

Element ieħor li nsibu fil-festa esterna hija l-mużika. Għal kull soċjetà mużikali, il-ġimgħa tal-festa hija l-aktar waħda impenjattiva. Normalment isiru għadd ta’ marċi matul il-ġimgħa filgħaxija u s-Sibt jew il-Ħadd filgħodu, imma l-akbar impenn żgur li jkun il-programm mużikali ta’ fuq il-planċier. Mal-ħoss tal-mużika jingħaqad il-ħoss tan-nar. Nemmen li fost l-aktar kritika li jaqilgħu l-festi tagħna tkun minħabba l-eseġerazzjoni fil-logħob tan-nar. Wisq nibża’ li dan jiġri minħabba l-ħoss qawwi kif ukoll minħabba li dawn il-ħsejjes idumu wisq. Sa fejn naf jien hemm liġi f’Malta li kull storbju jrid jieqaf fil-ħdax ta’ bil-lejl. Ma jidhirlix li din il-liġi xi darba tneħħiet imma nemmen li tpoġġiet fuq l-ixkaffa. Jiġi mill-organizzaturi tal-festa li jiġi irrispettat dan il-ħin.

Tal-qubbajd u tal-hotdogs

Ħa ngħidha kif inħossha, festa fejn ma ssibx lil tal-qubbajd u l-gabbana tal-hotdogs naraha festa mhux kompluta b’kollox. Jista’ jkun li nħoss dan is-sentiment għax fi tfuliti tal-qubbajd u tal-hotdogs kienu l-uniċi bejjiegħa fil-festi tagħna. Mhux bħal-lum issib minn kollox, fi tfuliti tixtri hotdog u flixkun luminata, li kienu jiswew 5 ċenteżmi, u forsi jekk tkun il-każin tal-banda tixtri sandwich bil-butir mielaħ u l-perżut. Il-bqija ma kont issib xejn aktar. Nammetti li meta llum inkun f’xi festa u nara xi gabbana mill-antiki (jekk fadal xi waħda) jew xi mejda tal-quddajd, tiġini nostalġija kbira għal snin tfuliti.

Li ma kienx hemm żgur fil-festi ta’ tfuliti kienu l-parties li jsiru llum, li ngħid id-dritt ma naqbel xejn magħhom, imma mhux billi ngħid jien. Biss nistaqsi mistoqsija dwar dawn tal-aħħar, allura issa li l-festa Maltija hija ddikjarata bħala wirt intanġibbli, dawn il-parties jagħmlu parti minn dan il-wirt ukoll?

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 20 ta' Ġunju 2026



mercoledì 21 giugno 2017

It-Transulazzjoni

Appuntament importanti fil-festa Maltija huwa dak ta’ lejlet il-festa filgħaxija, dik li tissejjaħ it-transulazzjoni fejn ir-relikwa tal-qaddis jew qaddisa tinġarr minn xi kappella fil-parroċċa jew xi artal fil-knisja parrokkjali stess għal fuq l-artal maġur biex titpoġġa għall-qima tal-pubbliku. Din hija drawwa li nsibuha fil-festa Maltija u ma jidher li tinstab fl-ebda festa oħra barra mill-gżejjer tagħna, iżda l-bidu ta’ din id-drawwa ma huwiex Malti.

Bidu
Sant' Ambroġġ
Jingħad li kien l-Isqof ta’ Milan Sant’ Ambroġ,li bejn is-snin 374 u 397 kien l-isqof ta’dik il-belt,  l-ewwel bniedem fil-Knisja Oċċidentali li fetaħ qabar ta’ martri u ħa l-fdalijiet ġewwa l-knisja u poġġiehom taħt l-artal. Fis-sena 386 tlesta l-bini ta’ knisja ġewwa Milan. Din kienet inbniet fuq xewqa tal-Isqof Ambroġ stess. Huwa ried li l-konsagrazzjoni ta’ din il-knisja issir bħalma kien isir ġewwa Ruma. F’ Ruma il-knejjes kienu jinbnew fuq l-oqbra tal-martri,iżda f’ Milan ma ġarax hekk, allura Ambroġ ħaseb biex jinġiebu l-fdalijiet ta’ San Ġervażju u San Protasju Martri u jitpoġġew fil-kripta tal-knisja.  Lejlet il-konsagrazzjoni tal-knisja saret it-transulazzjoni mill-qabar għall-knisja u saret velja ta’ talb. Aktarx li din kienet l-ewwel transulazzjoni li qatt saret. Il-knisja li semmejna, illum hija magħrufa bħala l-Bażilika ta’ Sant’ Ambroġ. Fiha għadna nsibu l-fdalijiet ta’ dawn iż-żewġ qaddisin martri kif ukoll il-fdalijiet ta’ Sant’ Ambroġ.

Din il-ħaġa jidher li niżlet tajjeb u bdiet issir kullimkien. Lejlet il-konsagrazzjoni ta’ xi knisja bdiet issir transulazzjoni bil-fdalijiet ta’ xi martri. Kienet issir purċissjoni minn xi post qrib il-knisja u matul il-lejl kienet issir velja ta’ talb. Din id-drawwa insibuha mhux biss fir-rit Latin iżda wkoll f’ dak Biżantin. Nassumu li hekk ġara lejlet is-6 ta’ Mejju, 1731 meta l-knisja parrokkjali tagħna, iddediakta lil San Ġorġ kienet ikkonsagrata lil Alla. Għandna għax nifhmu li saret it-transulazzjoni bil-relikwi tal-qaddisin Bonifaċju, Venusta u Abbundanza qabel ma dawn tpoġġew fl-artal maġġur.

Fis-seklu XVI
Il-kongregazzjoni tar-riti liturġiċi ħarġet digriet  nhar id-19 ta’ Ottubru tas-sena 1691. Dan id-digriet kien jitlob li r-relikwi tal-qaddisin ikunu esposti għall-pubbliku fil-festa tagħhom. Minn hemm bdew isiru l-purċissjonijiet bir-relikwi ġewwa r-relikwarji lejlet il-festi titulari u sekondarji. Din id-drawwa ħadet post drawwa oħra aktar antika. Qabel, f’lejlet il-festa kienet issir purċissjoni qasira b’ kurċifiss. Għadna nsibu xi kurċifissi minn dawn li kienu jintużaw għall-purċissjoni ta’ lejlet il-festa, dawn nistgħu narawhom fil-parroċċa ta’ Ħal Lija u fil-katidral tal-Imdina.

Qabel ma bdejna nsibu l-istatwi titulari tal-qaddis jew qaddisa fil-parroċċi tagħna, il-purċissjoni ta’ nhar il-festa kienet issir bir-relikwa. Din il-ħaġa ma nistgħux ngħidu li spiċċat, anzi l-aktar ħaġa importanti fil-purċissjoni tal-qaddis jew qaddisa ma hijiex l-istatwa iżda r-relika. Madankollu n-nies aktar donnha tkun ħsiebha fl-istatwa milli mir-relikwa – sfortunatament!

F’ Ħal Qormi
Sa ftit snin ilu t-transulazzjoni tal-festa ta’ San Ġorġ kienet issir madwar il-knisja parrokkjali stess. Kien hemm xi okkażjonijiet speċjali fejn din saret mill-kappella ta’ San Franġisk ta’ Paola iżda normalment  kienet issir minn fuq l-artal tal-Madonna tar-Rużarju sa fuq l-artal maġġur. Kien hemm okkażjonijiet, bħal dik taċ-ċentinarju tas-sena 2003 kif ukoll tal-275 anniversarju tal-istatrwa titulari fis-sena 2016, li t-transulazzjoni bdiet mill-kappella tal-Vitorja. Fis-sena 2009 kienet irrestawrata l-kappella ta’ Santa Marija tal-Qrejqċa u mis-sena ta’ wara t-transulazzjoni solenni ta’ San Ġorġ Martri bdiet issir minn din il-kappella u bdiet issir aktar solenni, bis-sehem tal-fratelli tal-parroċċa. Min fuq l-artal tar-Rużarju għadha ssir it-transulazzjoni nhar it-23 ta’ April.

In-nar
Billi wieħed mill-elementi importanti fil-festa Maltija huwa l-logħob tan-nar, ma jistax jonqos li waqt it-transulazzjoni ma jinħaraqx xi nar. It-transulazzjoni saret appuntament importanti għal kull għaqda tan-nar u għalhekk tipprepara programm għaliha. Tabilħaqq li lejlet il-festa l-poplu aktar jiffoka fuq il-ħarqa li tkun sejra ssir aktar tard, iżda dan ma jnaqqasx mill-importanza tal-ħarqa li ssir waqt li tkun għaddejja t-trasulazzjoni. F’ dan il-waqt inkunu nistgħu napprezzaw xogħol pirotekniku bħalma huma s-salut, varjetà ta’ murtali u murtali bil-logħob kif ukoll il-kaxxa Spanjola. Nistgħu ngħidlu li t-transulazzjoni llum għandha wkoll l-element pirotekniku tagħha li jkompli jkabbarha għaliex matulha jista’ jinħaraq xogħol li ma narawħx f’ ħin ieħor.

Mela nistgħu ngħidu li llum it-transulazzjoni saret dik li hi billi hemm bosta elementi li jiffurmawha. L-importanza ta’ din il-funzjoni hija kbira għaliex is-sens tagħha hu li l-qaddis patrun ikun milqugħ fil-knisja, ikkonsagrata lil Alla iżda taħt il-patroċinju ta’ dak il-qaddis, jew qaddisa. Mhux ta’ b’ xejn li t-transulazzjon issir b’ dik il-pompa kollha, iva għax tabilħaqq hekk jixraq.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher fuq il-programm tal-Festa ta' San Ġorġ 2017 maħruġ mill-Għaqda tan-nar 23 ta' April