Visualizzazione post con etichetta corona virus. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta corona virus. Mostra tutti i post

venerdì 5 giugno 2020

Solidarjetà


Jekk qatt niftakar żmien li rajt daqstant solidarjetà bejn il-bnedmin kien dawn l-aħħar ġimgħat jew aħjar xhur li d-dinja ntlaqtet mill-imxija tal-Corona Virus. Ma rridx nillimita ruħi għal pajjiżna għaliex is-solidarjetà rajnieha fuq livell dinji, solidarjetà bejn pajjiż u ieħor, solidarjetà bejn belt u oħra u naturalment solidarjetà bejn familja u oħra, bejn bniedem u ieħor. L-imxija tal-Covid 19 għamlet ħafna ħsara lid-dinja, kemm mil-lat ekonomiku kif ukoll fejn tidħol is-saħħa tal-bniedem, imma ġabitna f’sensina u ndunajna li ħadd ma jista’ jgħix mingħajr il-proxxmu, kulħadd għandu bżonn lil ħaddieħor, ħadd ma għandu kollox b’tali mod li ma għandu bżonn lil ħadd. Erġajan bdejna nifhmu kemm hi importanti l-għajnuna ta’ ħaddieħor.

X’inhi s-solidarjetà
Is-solidarjetà hija kelma li nużaw aħna l-Maltin. Kliem jixxiebaħ jintuża f’ilsna oħra bħataljan, l-Ingliż u l-Ispanjol. Hija kelma li ġejja mill-Franċiż <solidarité>. Dan huwa nom li jindika fuq kollox forma ta’ impenn etiku-soċjali favur ħaddieħor, jew attitudni ta’ benevolenza u komprensjoni li turi ruħha sal-punt li tiġi espressa fi sforz attiv u ħieles, bl-iskop biex jgħin bżonnijiet jew qagħdiet skomdi jew diffiċli ta’ xi ħadd li għandu bżonn l-għajnuna.

Hekk niddefinixxiha jiena s-solidarjetà iżda tajjeb nispjega fil-qosor dak li qed ngħid hawn fuq. Meta ktibt impenn etiku-soċjali rrid nifhem li dak li jkun biex ikun solidali ma’ xi ħadd jew ma’ xi kawża jrid jimpenja ruħu b’mod li jibqa’ sod anke meta jkollu jgħum kontra l-mewġ. Imma dan l-impenn għandu jkun etikament korrett u ma jmurx kontra s-soċjetà. Eżempju jien ma nistax nisraq lill-imgħallem biex nagħti xi ħaġa li min għandu bżonn. Ma nistax nivvinta metodi li jmorru kontra s-soċjetà biex ngħin parti minn din is-soċjetà, eżempju, jien ma nistax inkeċċi familja minn darha biex f’dik id-dar imur joqgħod xi ħadd li ma għadnux saqaf fuq rasu għax hekk inkun qed noħloq problema oħra minflok insolvi l-ewwel waħda.

Bil-kelma benevolenza rrid ngħid li lil dak li jkun nixtieqlu kull ġid, nixtieq li jkun komdu fid-dinja, fil-ħajja, fil-familja, fuq il-post tax-xogħol. Il-kelma stess jekk nifhmuha ftit turina t-tifsira tagħha. Din hija kelma Taljana, il-Volere bene, li trid it-tajjeb, trid is-sewwa għal ħaddieħor. Mela benevolenza ma hija xejn għajr ix-xewqa li inti tkun tajjeb daqsi.

Il-kelma kompassjoni tista’ titfisser bil-kelma mħabba, imma hawn ma aħniex qed nitkellu fuq imħahha erotika jew imħabba lejn xi ħaġa, dik li nsejħulha delizzju, hawn l-imħabba li qed nitkellmu dwarha hija mħabba lejn il-bniedem innifsu, imħabba bla ebda ħsieb ulterjuri, imħabba lejn bniedem jew lejn kawża sempliċiment għax dak li jkun jew dik il-kawża jistħoqqilhom li jkunu maħbubin u rrispettati.

Dan huwa argument ta’ personaliżmu, fejn jien nixtieq li inti tkun qiegħed sewwa mhux biex nigwadanja xi ħaġa mingħandek imma għax fik nara bniedem li jixraqlek id-dinjità bħalma jixraqli jien. Din hija s-solidarjetà.

Omissjoni
Issa ladarba semmejna s-solidarjetà tajjeb naraw ftit sitwazzjoni oħra li bħal din li diġà semmejna hija sikkina taqta’ miż-żewġ naħat. Din hija l-omissjoni. X’inhi l-omissjoni? Omissjoni hija s-sitwazzjoni fejn inti titraskura l-obbligi tiegħek, meta ma tagħmilx dmirijietek. Aħna bħala bnedmin għandna ċerti obbligi li rridu nsegwu biex ngħixu f’soċjetà bla nkwiet żejjed. Iżda l-obbligi li għandu l-bniedem ma jistgħux imorru kontra l-bniedem stess. Ħalli nispjega ruħi. Nagħmlu mod inkun għaddej minn xatt il-baħar u nara bniedem jgħum u qiegħed f’diffikultà. Jien obbligat ngħinu, obbligat naqbeż il-baħar u nsalvah. Jekk indawwar wiċċi ’l hemm inkun qed nagħmel omissjoni. Imma jekk jiena ma nafx ngħum, jekk ikun il-każ li jekk naqbeż il-baħar jien minflok ngħin lil dak il-bniedem nispiċċaw ngħerqu t-tnejn, allura f’dan il-każ ma nkunx qed nonqos mill-obbligi tiegħi. F’dan il-każ jiena obbligat insib min jgħin lil dak li qed jgħereq u mhux naqbeż il-baħar jien. Din hija l-omissjoni li tmur id f’id mas-solidarjetà.

Fid-dinja tagħna
Nerġa’ nsemmi dawn il-ġimgħat li għaddejna. Kemm rajna solidarjetà, kemm għajnuna rajna tingħata lil min għandu bżonn. Mill-istat, mill-Knisja lokali, mill-Kunsilli Lokali, minn gruppi parrokkjali jew gruppi soċjali oħra, mill-ġirien, mill-ħbieb. Dawn il-ġimgħat koroh li għaddew minn fuqna ħarġu l-qalb tal-bniedem. Mhux nillimita ruħi għal Malta biss. Tkellimt ma’ ħbieb u familjari li jgħixu barra minn Malta u tista’ tgħid li kulħadd qalli li jew qed jgħin lil ħaddieħor jew sab lil min jgħinu. Tabilħaqq nistgħu ngħidu li minkejja kollox, dawn huma ġimgħat ta’ solidarjetà fejn il-bniedem induna li hemm min għandu bżonnu u fejn kien hemm min induna li għandu bżonn li ħaddieħor. Din hi s-solidarjetà vera.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 6 ta' Ġunju 2020


venerdì 24 aprile 2020

Riflessjonijiet bejn erba' ħitan


Bħalissa żgur lkoll kemm aħna qegħdin ngħaddu ħafna u ħafna aktar ħin bejn il-ħitan tad-dar, irridu jew ma rridux. Bħalissa mhux ser mmorru xi attività, mhux ser nattendu xi funzjoni, lanqas quddiesa ma nistgħu mmorru. Bħalissa żgur li mhux iż-żmien li nsiefru u nħallu xtutna. Lanqas stess kieku rridu ma nistgħu nagħmlu ħaġa bħal din għax kemm l-ajru kif ukoll il-portijiet tagħna huma magħluqin.

Biss billi qegħdin f’din il-qagħda ma jfissirx li ser nibqgħu hekk għal dejjem. Għad jiġi żmien ieħor, għad jiġi żmien isbaħ, għad jiġi żmien fejn inħarsu lura u naraw dawn ix-xhur koroh li għaddejjin minn fuqna bħala xi ħaġa tal-passat. Min jaf dawk it-tfal tal-lum kemm għad iridu jirrakkuntaw lill-uliedhom. Min jaf dawk il-koppji żgħażagħ kemm għad iridu jirrakkuntaw stejjer dwar dan iż-żmien lil ulied uliedhom, sewwaserw kif in-nanniet tagħna kienu jirrakkuntaw  l-istejjer tat-tieni gwerra dinjija lilna.

Ħafna ħin id-dar
Int min int, inti ta’ liema kategorija jew triq fil-ħajja int, żgur li bħalissa qed tqatta’ aktar ħin mis-soltu d-dar. Bil-fors għax bħalissa attivitajiet fil-pajjiż ma hawn xejn. Fejn trid tmur? Fejn tista’ tmur? Imkien! Hemm ukoll min qed jaħdem mid-dar u għalhekk ma għandux għalfejn jirfes mill-għatba ’l barra.
Il-Blelt Valletta - Vojta

Ħalli nibda bl-ewwel riflessjoni tiegħi, propju dwar ix-xogħol mid-dar. F’dawn il-ġimgħat indunajna li bosta minna jistgħu jkomplu jagħmlu l-ħidma tagħhom bla ma jkun fiżikament fuq il-post tax-xogħol. Dan għandu jiftaħ għajnejn ħafna ħaddiema li jistgħu jagħmlu xogħol minn darhom. Hemm ħafna vantaġġi meta jsir dan it-tip ta’ xogħol. Ħa nipprova naħseb u naqsam magħkom xi wħud minnhom. L-ewwel ħaġa jekk tkun se taħdem mid-dar ma jkollokx għalfejn tqum kmieni biex ma tinqabadx fit-traffiku sakemm tasal l-uffiċċju, tista’ torqod nofs siegħa oħra. Tista’ tibqa’ taħdem bil-ħwejjeġ tad-dar kważi kważi anke b’dawk li torqod bihom. In-nisa ma għandhomx għalfejn jagħmlu make up għax dawk li se jarawhom ikunu mdorrijin jarawhom bla żebgħa ma’ wiċċhom u fuq kollox jistgħu jadattaw il-ħin tax-xogol huma stess, jistgħu jagħmlu xi ħaġa oħra fl-istess ħin li jkunu qed jaħdmu mid-dar, bħal per eżepju jsajru, sakemm ma jaħarqux il-borma. Ma’ dan inżid li l-karozza tista’ tibqa’ fil-garage jew quddiem id-dar u b’hekk tnaqqas il-konsum ta’ fuel u tnaqqas ukoll it-tniġġiż.

Nemmen li ta’ min din il-ħaġa jikkonsidraha bis-serjetà u la jgħaddi kollox b’wiċċ il-ġid ma nerġgħux lura għal dak li konna fih sa Jannar jew nofs Frar li għadda. Tajjeb li l-impjegat jitkellem ma’ min iħaddmu dwar din il-possibilità u jara jekk tistax tiġi attwata.

Ovvjament hemm dawk ix-xogħlijiet li fihom ħaġa bħal din ma tistax issir għax il-preżenza fiżika tal-impejgat hija neċessarja, imma jekk ikollna imqar għoxrin fil-mija tal-ħaddiema Maltin jaħdmu bit-teleworking ara kemm se jonqsu karozzi mit-toroq u kemm inqas tniġġiż u kemm aktar kumdità għal min jagħmel dan ix-xogħol.

Ma naħlux ħin
Qrajna li qed iħajruna nżommu dajru ta’ dak li qed nagħmlu bħalissa waqt li ninsabu maqfulin f’darna. Jien li l-kitba ħija waħda mid-delizji tiegħi nistqarr magħkom li bdejt insibha diffiċli nikteb dak li nagħmel. Forsi minħabba s-sitwazzjoni xejn pjaċevoli li għaddejja minhom id-dinja bħalissa. Bdejt minkejja li b’nofs qalb u jkolli ngħid li tant sibt x’nikteb li wara ftti bdejt nieħu gost nikteb dak li ma jinteressa lil ħadd ħliefi. Imma ’l quddiem forsi għad ikun ta’ interess għal ħaddieħor.

Lil hinn minn darna
Fil-bidu ta’ dan l-artiklu semmejt is-safar. Nistqarr mgħkom li meta qed nikteb dan l-artiklu suppost qiegħed l-Italja, mhux b’vaganza imma b’ħidma. Il-Covid 19 ċaħditni minn dan il-vjaġġ u minn din il-ħidma. Imma ippermettuli naqsam magħkom ukoll din ir-riflessjoni kemmxejn kerha: U din l-imxija qed iċċaħħad tant nies minn mewt madwar il-maħbubin tal-persuna, iċċaħħdet difna diċenti lil tant eluf madwar id-dinja, se taqa’ d-dinja għax ċaħħdet lili milli mmur ġimgħa l-Italja b’xogħol?

L-aħħar riflessjoni tiegħi hi din: Tassew li bħalissa ninsabu maqfulin bla ħtija u ħaġa bħal din iġġib stress u tbatija mentali, imma nafu li għad jiġi żmien li l-ġurnata tal-lum tkun tagħmel mal-passat, ix-xhur ta’ issa għad ikunu biss memorji, anke jekk xejn sbieħ. Mela ejjew inħarsu b’ottimiżmu lejn il-ġejjieni u nippjanaw fejn se mmorr, mhux bil-fors  lil hinn minn xtutna, ladarba jgħaddi kollox, la nkunu ħielsa mmorru fejn irridu, la l-mitjar jerġa’ jieħul- ħajja u la l-port jerġa’ jibda jilqa’ fih vapuri ġejjin u sejrin.

Dawn huma ftit mir-riflessjonijiet li għamilt waqt li ninsab bejn erba’ ħitan u ridt naqsamhom magħkom.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  25 ta' April 2020