Visualizzazione post con etichetta William Shakespear. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta William Shakespear. Mostra tutti i post

sabato 27 febbraio 2021

Id-dinja palk

William Shakespear
Il-kittieb magħruf Ingliż William Shakspear darba kiteb li d-dinja hija palk u l-bnedmin huma kollha atturi, min jidħol f’xena u min joħroġ. Attur jista’ jagħmel bosta partijiet fl-istess produzzjoni. Jista’ jaħdem seba’ etajiet. L-ewwel ikun għadu tfal għadu f’idejn il-majjistra, u ftit wara tarah tifel sejjer l-iskola, bil-basket f’idu, wiċċu jixhel, miexi donnu bebbuxu għax donnu ma jridx jidħol l-iskola. Ħin minnhom tara lil dan l-attur bħala l-maħbub li jitgħaxxaq bil-maħbuba tiegħu. Imbagħad tarah ma’ martu, u wara tilmħu bħala suldat jieħu l-ġurament. Tarah ukoll xwejjaħ, mimli bl-unur tal-ħajja li jkun għadda u mimli xewqat li ta’ warajh ikunu bħalu.

Kemm ta xena awtentika u veritiera tad-dinja dan l-awtur ċelebri Ingliż. Kemm verament id-dinja hija palk f’teatru u l-ħajja tagħna l-bnedmin hija bħal storja miktuba minn xi awtur. Ħajja li tista’ tkun dramm jew kummiedja, farsa jew buzzett. Hi x’inhi kull ħajja fija l-partijiet komiċi, tad-daħq, redikoli jew farseski. Fiha waqtiet traġiċi, ta’ niket, ta’ biki u ta’ problemi.

Atturi u atturi

F’dan id-dramm tal-ħajja nsibu tipi differenti ta’ artisti. Hawn dawk li jitwieldu sempliċi, jgħaddu ħajja fis-sempliċità u jtemmu l-parti tad-dramm tagħhom fl-istess sempliċità li jkunu twieldu u għexu fiha. Hawn min jitwieled sempliċi iżda jaħdem u jirsisti biex itejjeb il-qagħda soċjali tiegħu. Hawn min jirnexxi u hawn min ma jirnexxix. Il-ħażin hu meta wieħed jaspira li jasal fejn hu għoli wisq għalih. Ħażin meta attur jipprova jaħdem il-parti  ta’ ħaddieħor, min jilbes kostum li jkun kbir wisq għalih. Dawn tarahom jagħmlu minn kollox biex jitfgħu attenzjoni ta’ kulħadd fuqhom, biex kulħadd jgħidilhom “Prosit”, biex kulħadd ifaħħarhom. Imsieken dawn atturi li ma jindunawx li min ifaħħrek, jekk xi darba tonqsu jdur kontra tiegħek daqs kemm idur pinnur meta jdur ir-riħ. Hemm dawk li twieldu fix-xejn u x-xorti daħqitilhom u kibru u bdew jaħsbu li x-xemx ma titlax jekk ma jkunux huma. Xi minn daqqiet dawn jikkalpestaw li dawk li jinzertaw taħthom. Malajr jinsew minn fejn ikunu ġejjin, ma jiftakrux l-imgħoddi tagħhom u għax illum saru “xi ħaġa” jgħakksu u jirfsu fuq dawk li d-destin poġġa taħthom.

Imbagħad hemm dawk li jaħsbu li twieldu bil-ħwejjeġ, dawk li jaraw in-nies dubbien. Dawn jitwieledu u jgħixu ħajjithom kollha fil-fantasija ta’ moħħhom, mehdijin fit-titli u xinxilli li ma jiswew għal xejn. Dawn joħolmu ħolm bil-kulur, Jemmnu li huma jinsabu fi klassi għalihom u ftit huma dawk li jistgħu jidħlu fiċ-ċirku dejjaq tal-ħajja tagħhom u tal-klassi immaġinarja li jgħixu ħajjithom fiha.

Qegħdin taraw kemm hawn tipi ta’ artisti? Aħsbu ftit, ieqfu ftit mill-ġenn tal-ħajja u tinduna li inti mdawwar b’nies bħal dawn, tinduna li anke inti tinsab f’xi waħda minn dawn il-kategoriji. Tinsa qatt li aħna lkoll atturi, u kollha ninsabu fuq l-istess palk, lilek messek tagħmel parti u lili messni naħdem parti oħra, imma t-tnejn li aħna qegħdin naħdmu l-istess kummieda jew dramm.

F’Baħar wieħed

Wieħed mill-ewwel rappreżentazzjonijiet bil-Malti fuq it-televiżjoni lokali kien iġib l-isem ta’ “F’Baħar Wieħed”, sensiela miktuba mill-awtur u artist Lino Grech. Din id-drama kienet titratta storja interessanti, Avukat żagħżugħ, iben maġigtrat, tefa’ għajnejh fuq tfajla tamparu. It-tfajla kienet għalliema imma ma kinitx mill-istess klassi tas-soċjetà li kien ġej minnha l-avukat. Fil-fatt missier it-tfajla kien jagħmel il-pastizzi. X’differenza bejn dawn iż-żewġ klassijiet, x’partijiet totalment differenti kellhom jaħdmu l-atturi fuq il-palk dinji! Imma minkejja kollox kulħadd jinsab f’baħar wieħed u l-gwaj u l-inkwiet jolqtok sew jekk tkun pastizzar kif ukoll jekk tkun maġistrat. Xi sfortuna tmissek dejjem sew jekk tkun ta’ klassi baxxa kif ukoll jekk tkun tappartjeni għall-alta soċjetà.

Din is-sensiela inħadmet darbtejn, apparti li qabel kienet tixxandar fuq ir-Rediffusion. Fis-snin sebgħin meta nħadmet l-ewwel darba, it-tieni parti tas-sensiela kienet issemmiet “Kull par għal paru,” Dan huwa wkoll proverbju mimli għerf għax jekk il-par ma jkunx jaqbel nispiċċaw fi taġedja fuq il-palk ta’ ħajjitna. Id-differenza bejn il-palk tat-teatru u l-palk tad-dinja hija li filwaqt li fl-ewwel wieħed l-attur itemm il-parti tiegħu, jinża’ l-kostum u jkompli bil-mixja ta’ ħajtu, fit-tieni wieħed l-attur jibqa’ għaddej bil-parti tiegħu għax dik tkun ħajtu u jagħmel x’jagħmel dak ikun id-destin tiegħu u jagħmel x’jagħmel ma jista’ jibdlu qatt.

Qegħdin taraw kemm kellu raġun Shakespear jgħid li d-dinja hija palk. Ħajjitna tista’ tkun dramm traġiku jekk ma nagħrfux naħdmu l-parti tagħna tajjeb. Biss anke dramm nistgħu nibdluh f’kumiedja. Din hija ħajjitna, għandna l-parti tagħna imma għandna wkoll il-libertà li naħdmu l-parti tagħna kif ikun l-aħjar għalina

Fr Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 27 ta' Frar 2021



venerdì 4 maggio 2018

Kliem il-għerf




William Shakespear kien qal: “Inħossni ferħan u taf għalfejn? Għax ma nistenna xejn mingħand ħadd. L-istennija taf tweġġa’. Il-problemi ma humiex eterni u dejjem wieħed jista’ jsib soluzzjoni għalihom. Il-ħaġa waħdanija li ma għandniex rimedu għaliha hija l-mewt. Tħalli lil ħadd jinsulentak, jumiljak jew iċekknek u jbaxxilek l-istima li għandek lejk innifsek. L-għajjat huwa l-għodda tal-beżżiegħ, ta’ dak li ma jafx jirraġuna. Dejjem niltaqgħu ma’ persuni li nżommuhom ħatja tal-gwaj li ġabu b’idejhom stess. Kulħadd jieħu dak li ħaqqu. Irridu nkunu b’saħħitna u rridu nqumu mill-waqgħat li naqgħu fihom fil-ħajja tagħna. Irridu niftakru li wara l-mina skura mimlija solitudni jaslu ħwejjeġ tabilħaqq sbieħ. Ma jeżisti l-ebda ħażin li xi darba ma jwassalx għat-tajjeb; għalhekk gawdi l-ħajja għax hija qasira wisq, ħobbha u kun ferħan. Tbissem dejjem u għix intensament għalik innifsek u fakkar lilek innifsek li qabel tibda tiddiskuti għandek tieqaf tieħu nifs. Qabel ma titkellem, isma’; qabel ma tikritika, eżamina lilek innifsek; qabel ma tikteb, aħseb; qabel ma tweġġa lil ħaddieħor, ħoss dak l-uġigħ inti stess; qabel ma tagħtiha b’telfa, ipprova, agħmel ħiltek; qabel ma tmut, għix. L-aqwa relazzjoni ma hijiex dik ma’ persuna perfetta imma dik li fiha il-partijiet jitgħallmu jgħixu mad-difetti ta’ xulxin u jkunu ammirati l-kwalitajiet li għandha l-parti l-oħra. Min ma jagħtix valur għal dak li għandu għad jasal jum li jilmenta u jiddispjaċih li jkun tilfu u min jagħmel id-deni għad jasal jum li jirċievi dak li jixraqlu. Jekk trid tkun ferħan, agħmel ferħan lil xi ħadd ieħor; jekk trid u tixtieq tirċievi, agħti ftit minnek innifsek. Kun imdawwar dejjem minn nies twajba u kun twajjeb bħalhom. Ftakar li kultant meta l-inqas li tkun qed tistenna, jkun hemm min jgħinek tgħix esperejnzi mill-isbaħ. Tirrovina qatt il-preżent tiegħek minħabba passat li ma għandux futur. Bniedem b’saħtu jaf kif għandu jżomm sod fil-ħajja tiegħu anke meta jkollu d-dmugħ iġelben minn għajnejh, u bi tbissima jirranġa kollox u jasal jgħid ‘Ninsab tajjeb’.”

Ħadd ma jaf sew jekk dan il-kliem huwiex verament ta’ William Shakespear jew le, jien irċevejtu u ma stajtx ma naqsmux magħkom  għax huwa kliem tabilħaqq li fih x’wieħed jifhem u x’jixtarr.

Montefalcione
Il-ġebla fid-dar ta' Montefalcione 
Parti minn dan il-messaġġ fakkarni f’raħal mitluf fil-muntanji fil-provinċja ta’ Avellino l-Italja. F’dan raħal hemm dar li fuq ġebla tagħha hemm imnaqqxin l-ittra P għal għaxar darbiet. In-nies ta’ Montefalcione, kif jismu sewwasew dan ir-raħal qatt ma fehmu sewwa x’kienu jfissru dawk l-għaxar ittri u sid id-dar qabel ma miet qal it-tifsira tagħhom, ovvjament bit-Taljan: Prima pensa, poi parla, perché parole poco pensate portano pena (l-ewwel aħseb imbagħad tkellem għax kliem mhux maħsub sewwa jista’ jġib l-inkwiet). Fil-verità dan kien qawl antik Grieg, qawl mimli għerf li anke Shakespear iwissina dwaru. Minekejja l-għadd ta’ snin li għaddew kemm minn żmien il-Griegi, kemm minn żmien William Shakespear kif ukoll mill-bini tad-dar ta’ Montefalcione, it-tagħlima li jagħtuna hija attwali.

Tbissem, ifraħ, idħaq
Xi kotba Maltin b'kitba ċajtiera
Punt ieħor mill-messaġġ li bdejt din il-kitba bih huwa dak li jgħidlek li l-ħajja hija qasira wisq biex tgħaddiha bil-buli, mela idħaq u ifraħ. Fil-ħajja jiġu waqtiet li jtaqqluna, jiġu żminijiet fejn is-salib tagħna tant inħossuh tqil li nħossuna mgħaffġin taħtu. Illum id-dipressjoni saret kundizzjoni komuni ħafna, kuntrarjament għal dari. Il-bniedem għandu stress kbir fuqu. Hemm sitwazzjonijiet fil-ħajja li jbikkuk, imma xejn ma huwa etern, kollox għad jgħaddi ħinu u fl-aħħar tal-mina għad naraw id-dawl, wara s-solitudnin hemm it-tama.

Illum il-bniedem għandu bżonn jitbissem u jidħaq għax il-gwaj fid-dinja huwa kbir. Osservajt li l-bniedem huwa għatxan għal tbissima. Dan l-aħħar anke f’pajjiżna ħarġu għadd ta’ kotba li jnisslu tbissima fuq fomm il-qarrej. Jien kont wieħed mill-awturi li ħriġt ktieb b’kitbiet mexxejja u li jnisslu tbissima. Modestament nistqarr li dan il-ktieb mar tajjeb ħafna fis-suq Malti u beda jinbiegħ bħall-pastizzi b’mod li f’xahar spiċċaw il-kopji kollha. Nistqarr li ħadt gost li xogħli kien mar tajjeb imma s-sodisfazzjon kien akbar meta għadd ta’ qarrejja kienu jwaqqfuni u jgħiduli: “Ajma Father kemm daħħaqtni b’dak il-ktieb! Fittex oħroġ it-tieni wieħed”. Is-sodisfazzjon tiegħi ikun meta naħseb li b’kitbieti ferraħt li xi ħadd li tant kellu bżonn jitbissem jew jidħaq waħda sewwa.

“Ninsab tajjeb”
Il-messaġġ ta’ Shakespear jintemm bil-klien: “Ninsab tajjeb.” Kemm hija xewqa kbira li wieħed ikun iħossu sewwa, kemm hu sewwa li wieħed ikun jinsab tajjeb. Bniedem jista’ jkun jinsab tajjeb l-aktar meta jkun maħbub u jkun iħobb – sewwasew kif qal l-awtur tar-rumanz Romeo u Ġuljetta.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 5 ta' Mejju 2018






venerdì 22 aprile 2016

Ward, kotba, draguni u aktar

Il-jum tal-lum huwa jum tabilħaqq interessanti. It-23 ta’ April huwa il-113-il jum tas-sena, jew jekk tkun sena bisestili bħal din li qegħdin fiha  jkun il-114. Imma għalfejn qed ngħid li dan il-jum huwa interesanti? U fuq kollox x’ għandhom x’ jaqsmu l-ward il-kotba u d-draguni mal-lum?

Fil-Katalunja
Ġewwa Spanja, fil-parti li tmiss ma’ Franza, fuq ix-xatt tal-baħar Mediterran, insibu z-zona magħrufa bħala l-Katalunja. Biex dak li ma huwies midħla tal-geografija jifhem ukoll nistgħu ngħidu li din hija l-parti ta’ Spanja fejn insibu l-belt ta’ Barċellona. Bħal-lum f’ din il-parti ta’ Spanja hemm id-drawwa li kull maħbub jagħti warda ħamra lill-maħbuba tiegħu. Sewwasew kif isir f’ Jum San Valentinu f’ bosta nħawi oħra tad-dinja. Hemmhekk dan il-jum jissejjaħ “La Diada de Sant Jordi”. Il-festa ta’ San Ġorġ jew inkella “El Día de los Amantes”, jum il-maħbubin kif ukoll għal xi wħud hija magħrufa bħala “El día de la Rosa”, jum il-warda, minħabba l-għoti ta’ dawn il-fjuri.  Mhux magħruf kif bdiet din id-drawwa iżda nafu li kienet diġa teżisti fis-seklu XV u li għadha teżisti sal-lum.


Miguel de Cervantes Saavedra
Forsi dan l-isem għal xi wħud ma jfisser xejn imma għal bosta oħrajn dlonk iġib quddiem għajnejhom lil Don Quijote de la Mancha. Kien propju de Cervantes li kiteb dik li bosta jqisu bħala l-akbar opra letterarja Spanjola li l-ewwel parti tagħha kienet ippubblikata fl-1605 u t-tieni parti għaxar snin wara. L-isem oriġinali tal-ktieb kien twil bħalma keinet id-drawwa ta’ dak iż-żmien. Kien “El Ingenioso Hidalgo Don Quixote de la Mancha”, Il-Ġentlon inġenjuż Don Quixote de la Mancha.

L-awtur de Cervantes miet fit-22 ta’ April 1616. Fl-1926  Spanja bdiet tiċċelebra jum il-Ktieb kull nhar it-23 ta’ April għax huwa qrib il-mewt ta’ dan l-awtur kbir Spanjol. Fil-Kataluja daħlet id-drawwa li meta l-mara tirċievi l-warda mingħand il-maħbub tagħha, hija tagħtih ktieb biex tirreċiproka dan il-ġest romatiku.

William Shakespear
L-għada li miet de Cervantes id-dinja tilfet awtur kbir ieħor. Dan kien l-Ingliż William Shakespear. Huwa miet fl-età ta’ 52 sena fit-23 ta’ April 1616.  Sewwasew 400 sena ilu. Ma nafux sewwa meta Shakespear beda jikteb l-opri teatrali tiegħu imma nafu li għamlu suċċess enormi tant li llum għadhom jittellgħu kif ukoll jiġu studjati għall-eżamijiet tal-letteratura Ingliża, għax dan il-kittieb kien ukoll poeta.  Anthony and Cleopatra, Hamlet, Julius Caesar, Macbeth u Romeo and Juliet huma biss ftit mill-kitbiet tiegħu li għadna nieħdu gost bihom sal-lum. Qabel l-1995 ġewwa l-Ingilterra, kull 23 ta’ April, kien ikun iċċelebrat Jum il-Ktieb, iżda biex ma tkunx fl-istess jum tal-Jum Dinji tal-ktieb, dan illum qed issir f’ Marzu.


Jum Dinji tal-Ktieb
Fl-1995 il-UNESCO bl-iskop li tħeġġeġ il-qari u tippromovi l-copyright bdiet tiċċelebra l-Jum Dinji tal-Ktieb kull 23 ta’ April. Kien magħżul dan il-jum minħabba li kif għidna, fih miet William Shakespear, fi Spanja kien ilu jiġi ċċelebrat jum il-ktieb u fih ukoll twieldu bosta awturi kbar oħrajn.

Dan il-jum huwa osservat bħala Jum il-Ktieb mill-istati membri tal-Ġnus Magħquda, imma  mhux f’ kull pajjiż jiġi ċċelebrat bl-istess mod. Huwa fatt magħruf li l-popli tal-Ewropa ta’ fuq jaqraw aktar minn dawk tal-Ewropa ta’ isfel u allura hija ħaġa minn awl id-dinja li f’ ċerti pajjiżi dan il-jum jistennewh aktar minn ċerti postijiet oħrajn.

U d-draguni?
Illum ukoll jaħbat il-jum tal-festa ta’ San Ġorġ. Minbarra li dan il-qaddis huwa patrun ta’ żewġ parroċċi f’ pajjiżna, huwa wkoll il-qaddis Ko-Patrun tad-Djoċesi ta’ Għawdex. SanĠorġ huwa wkoll patrun tas-suldati, tal-arċiea, tal-Iscouts, tal-agrikultura u ta’ bosta pajjiżi fosthom l-Ingliterra. Hemm leġġenda li tgħid li dan kien suldat li qatel dragun. Leġġenda ma hijiex ħrafa. L-istudjużi tal-ewwel żminijiet tal-Knisja jgħidulna li “leġġenda” ġejja minn “leggere”, jiġifieri kitba li saret biex tinqara. Ovvjament kull leġġenda fiha l-fantasija u f’ dik ta’ San Ġorġ il-ħażen insibuh imniżżel bħala dragun.

U x’ aktar?
Hemm bosta aħbarijiet oħrajn li seħħew f’dan il-jum, ħafna minnhom intesew mal-medda tas-snin. Iżda ta’ interessanti nkunu nafu ħaġa oħra dwar il-jum li qegħdin fih.  Bħal-lum ukoll twieled is-servizz tal-YOUTUBE fuq l-internet. Kien fit-23 ta’ April tal-2005 li Jawed Karim, tefa’ l-ewwel video fuq dan is-sit li llum fih miljuni ta’ videos u sar popolari mad-dinja kollha. Il-video kien twil 19-il sekonda u kien jismu ‘Me at the zoo”. Fil-Video kien jidher l-istess Karin fiz-zoo ta’ San Diego, California.

Min jaf kemm hemm aktar xi ngħidu fuq dan il-jum? Kemm aktar drawwiet, kemm-il twelid ta’ nies prominenti u kemm imwiet, kemm skoperti, kemm battalji, kemm trattati u elf ħaġa oħra.....


Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tat-23 ta' April 2016