Visualizzazione post con etichetta rabat. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta rabat. Mostra tutti i post

sabato 3 ottobre 2026

Ix-xahar tar-Rużarju - Ottubru

 Ottubru huwa xahar marbut mat-talba tarRużarju. Imma qatt staqsejt x’rabta hemm bejn dan ix-xahar u din it-talba? Kollox beda sewwasew 455 sena ilu u beda minn Battalja, l-hekk imsejħa Battalja ta’ Lepanto.

Il-Battalja ta’ Lepanto

Il-Battalja ta’ Lepanto seħħet fil-7 ta’ Ottubru 1571 fil-Golf ta’ Patras, fil-Greċja. Kienet waħda mill-aktar battalji navali importanti fis-seklu sittax.


Il-ġlieda seħħet bejn il-Lega Mqaddsa, alleanza ta’ pajjiżi Kattoliċi mmexxija prinċipalment minn Spanja u Venezja, u l-Imperu Ottoman. Il-Lega Mqaddsa kienet iffurmata biex kemm jista’ jkun twaqqaf il-preżenza tal-Ottomani fil-Baħar Mediterran. Il-flotta tal-Lega Mqaddsa kienet immexxija minn Don Juan tal-Awstrija, filwaqt li l-flotta Ottomana kienet immexxija minn Ali Pasha. Iż-żewġ naħat kellhom mijiet ta’ vapuri u eluf ta’ suldati u baħrin. Il-battalja kienet ħarxa ħafna. Il-flotot resqu lejn xulxin u bdew jiġġieldu mill-qrib. Il-vapuri tal-Lega Mqaddsa kellhom vantaġġ kbir mill-użu tal-kanuni u mill-qawwa tal-armi tan-nar li kellhom. Wara diversi sigħat ta’ ġlied, il-flotta Ottomana ġiet megħluba.

Ir-rebħa tal-Lega Mqaddsa kienet importanti ħafna għax kienet waħda mill-akbar telfiet navali tal-Imperu Ottoman f’dak iż-żmien. Għalkemm l-Ottomani komplew ikunu qawwa kbira fil-Mediterran, Lepanto waqqfet il-progress tagħhom lejn aktar kontroll tal-baħar.

Il-Battalja ta’ Lepanto baqgħet magħrufa wkoll minħabba l-parteċipazzjoni ta’ Malta u l-Kavallieri ta’ San Ġwann fil-ġlieda kontra l-Ottomani. Ma rridux ninsew li sitt snin qabel, jiġifieri fl-1565, dawn l-istess Ottomani keinu assedjaw lil Malta, li dak iż-żmien kienet taħt il-ħakma tal-Ordni ta’ San Ġwann.  Il-battalja saret simbolu importanti tal-oppożizzjoni bejn il-qawwiet Kristjani Ewropej u l-Imperu Ottoman.

San Piju V

Il-Papa li kien fit-tmun tal-Knsija Kattolika fiż-żmien li seħħet il-Battalja ta’ Lepanto kien San Piju V. San Piju V kien Papa Dumnikan li kellu devozzjoni kbira lejn il-Madonna u lejn ir-Rużarju. Huwa twieled bl-isem ta’ Antonio Ghislieri u sar Papa fl-1566. Matul il-papat tiegħu ħadem ħafna biex isaħħaħ il-ħajja spiritwali tal-Knisja. Intant meta seħħet il-battalja li qegħdin insemmu huwa talab lill-Insara kollha sabiex jitolbu t-talba tar-Rużarju sabiex il-qawwiet Insara joħorġu rebbieħa fuq dawk Ottomani. Qabel il-battalja, il-Papa ħeġġeġ lill-Insara biex jitolbu r-Rużarju u jitolbu l-għajnuna tal-Madonna. Wara r-rebħa, San Piju V attribwixxa din ir-rebħa lill-interċessjoni tal-Verġni Marija. Bħala tifkira ta’ din ir-rebħa u bħala ringrazzjament lil Alla u lill-Madonna, San Piju V waqqaf il-festa ta’ Santa Marija tal-Vittorja fis-7 ta’ Ottubru. Aktar tard, il-Papa Girgor XIII bidilha u saret il-Festa tal-Madonna tar-Rużarju kif għadha sal-lum.

San Piju V kellu wkoll sehem importanti fl-iżvilupp tar-Rużarju. Fl-1569 approva b’mod uffiċjali d-devozzjoni tar-Rużarju, u aktar tard ir-Rużarju ġie ppreżentat bħala talba li tgħinna nimmeditaw fuq il-ħajja ta’ Ġesù Kristu flimkien ma’ Marija.

Ir-Rużarju f’pajjiżna

Id-devozzjoni lejn il-Madonna tar-Rużarju għandha għeruq profondi fl-istorja reliġjuża tal-Gżejjer Maltin. Matul is-sekli, ir-Rużarju sar wieħed mill-aktar talbiet Marjan għażiż għall-poplu Malti, u b’devozzjoni twaqqfu fratellanzi u altari, saru vari u bdew isisru purċissjonijiet u festi f’diversi parroċċi. Kellhom sehem importanti ħafna fit-tixrid ta’ din id-devozzjoni l-Patrijiet Dumnikani. Fil-fatt, sorsi storiċi dwar il-kult tar-Rużarju f’Malta jorbtu t-tixrid tiegħu b’mod qawwi mal-preżenza Dumnikana fil-gżejjer tagħna. Maż-żmien, il-festa bdiet tieħu forma aktar solenni. Inħadmu kwadri u statwi tal-Madonna bil-Bambin Ġesù, ħafna drabi bil-kuruna tar-Rużarju f’idejhom. Dawn il-vari saru ċ-ċentru tal-purċissjonijiet, akkumpanjati mill-fratelli, il-kleru u għadd kbir ta’ devoti. Għadd ta’ dawn l-istatwi għandhom storja artistika importanti u huma parti mill-wirt reliġjuż u kulturali Malti.

L-ewwel statwa

Hawn tajjeb insemmu l-ewwel statwa tal-Madonna tar-Rużarju f’Malta. Ser nerġgħu nirreferu għall-Patrijiet Dumnikani. L-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju fil-Knisja tad-Dumnikani fir-Rabat, Malta, hija vara storika importanti ħafna. Sorsi akkademiċi jattribwixxuha lill-iskultur Malti Melchiorre Cafà (Gafà) u jindikaw li ġiet skolpita fl-injam fil-Belt ta’ Ruma madwar is-sena 1660 u miġjuba Malta fl-1661. Fuq din l-istatwa mxew bosta artisti oħrajn sabiex ħadmu statwi kemm tal-Madonna tar-Rużarju kif ukoll taħt titli oħrajn, pereżempju l-Madonna tal-Karmnu tal-Imdina tal-1761 hija bla dubju ispirata mill-Madonna tar-Rużarju ta’ Gafà.  Dokument tal-1773 dwar l-statwa tal-Madonna tar-Rużarju ta’ Ħal Balzan, maħduma minn Vincenzo Dimech, isemmi li għandha ssir bħal “dik tad-Dumnikani tar-Rabat xogħol Melchiorre Gafà.”

U San Duminku

F’dan l-artiklu semmejt ħafna lid-Dumnikani, għalix it-talba tar-Rużarju jingħad li ġiet mogħtija lil San Duminku u l-patrijeit imwaqqfa minn dan il-qaddis għandhom il-missjoni li jxerrdu d-devozjoni lejha. San Duminku ta’ Guzmán kien saċerdot Spanjol li għex bejn l-1170 u l-1221. Huwa waqqaf l-Ordni tal-Predikaturi, magħrufa bħala d-Dumnikani. Skont tradizzjoni antika, waqt li San Duminku kien qed jipprietka fi Franza u jiltaqa’ ma’ ħafna diffikultajiet, talab lill-Madonna biex tgħinu. Jingħad li Marija dehritlu tatu r-Rużarju bħala mezz ta’ talb u predikazzjoni. Għalhekk ma jistax jonqos li d-Dumnikani jkun marbutin mar-Rużarju.

Għalhekk fil-knejjes Dumnikani fejn issir purċissjoni tal-Madonna tar-Rużarju toħroġ ukoll l-istatwa ta’ San Duminku ma’ dik tal-Madonna.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 3 ta' Ottubru 2026

 

 

 


venerdì 25 ottobre 2019

Tifkira kerha ta' 40 sena ilu


Aħna l-bnedmin għandna fakultà, bħal bosta annimali oħra, li nsejħulha memorja, fakultà li tfakkarna f’dak li seħħ minna xi żmien ilu. Dak li għadda jkun għadda u jibqa’ biss minnu tifkira, memorja, ħsieb u xejn inqas u xejn aktar, imma din it-tifkira tista’ tibqa’ ċara f’moħħna tul ħajjitna kollha. Tifkira tista’ tkun sabiħa u tista’ tkun kerha wkoll. Dan l-aħħar ġiet f’moħħi tifkira kerha ta’ ġrajja li seħħet sewwasew erbgħin sena ilu.

25 ta’ Ottubru 1979
Kien il-jum tal-Ħamis. Jiena  kont fir-raba’ sena tal-iskola sekondarja. Sa sentejn qabel nhar ta’ Ħamis ma kienx ikollna skola u jkollna nofstanhar is-Sibt imma minn sentejn ’l hawn beda jkollna skola l-Ħamis. Kont immur il-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl jew kif konna nsejħulu Sant’ Agata fir-Rabat. Konna ilna aktar minn xahar li bdejna is-sena skolastika, kollox kien normali dakinhar sakemm waranofsinhar bdiet nieżla x-xita. Xejn speċjali billi tinżel ix-xita imma għall-ħabta tal-erbgħa donnu dalam u x-xita żdieded. Aħna konna nispiċċaw mill-iskola fl-erbgħa u nofs. Ħriġna mill-iskola bil-ġiri u dħalna fil-karozzi tal-linja li kienu jintużaw bħala privates biex iwassluna lura lejn id-dar. Ix-xita kompliet tiżdied u xħin qbiżna s-Saqqajja u bdejna n-niżla ’l isfel sibna li xi knaten miċ-ċint tas-Saqqajja kienu waqgħu bil-maltemp u ma stajniex ngħaddu. Jien kotn il-prefect tal-private u għalhekk offrejt li ma’ xi oħrajn ninżel inwarrab il-ġebel min-nofs biex inkomplu triqitna lejn id-dar. Għadni niftakar l-ilma jgelgel bis-salt minn mal-ġenb tat-triq, nieżel b’saħħa tal-għaġeb u fi kwantità kbira. Bl-għajnuna t’Alla għaddejna minn dil-biċċa.

Il-wied ta' Ħal Qormi wara l-maltempata
Ġbidna lejn Ħaż-Żebbuġ, ix-xita ma waqfet xejn. Konna diġà ttardjajna xi nofs siegħa fejn is-soltu u kif jgħid il-Malti; ix-xitan m’għandux ħalib imma jagħmel il-ġbejniet, f’nofs it-triq ta’ Ħaż-Żebbuġ nieħdu puncture u x-xufier f’dik ix-xita kellu jibdel ir-rota tax-xarabank. Nofs siegħa oħra taħt xita nieżla bil-qliel. Sadanittant kien dalam b’ruħ ommu u missieru minkejja li kienu għadhom xi ftit qabel is-sitta ta’ filgħaxija. Bit-twila u l-qasira waslana Ħal Qormi, ir-raħal tiegħi. Waqaft bħas-soltu fejn il-Vitorja u bdejt nieżel lejn id-dar tagħna li  ma kinitx wisq bogħod mill-wied. Tista’ taħseb x’sibt! Ilma li qatt ma rajt bħalu,. X’nasal id-dar! Kelli nieqaf ftit għexieren ta’ metri bogħod mid-dar sakemm wara xi ħin taffiet ix-xita, l-ilma beda jbatti minn ġot-triq u nilmaħ lil ommi ġejja tfittixni. Kont se ninża ż-żarbun u l-kalzetti. Għalfejn? Għasra kienu, xi tridni ninża? Wara xi tliet siegħat jew aktar wasalt id-dar.

Effetti
Ix-Xlendi wara l-maltempata
Dak il-jum jibqa’ f’moħħ min għexu bħalma għixtu jien. Kien hemm erba’ vittmi li tilfu ħajjithom dakinhar kawża tal-maltemp, tnejn Maltin u tnejn barranin. Bosta karozzi nġarru bl-ilma. Saret ħafna ħsara.

Għadni niftakar il-jum ta’ wara ma mortx skola. Fejn trid tmur? Kullimkien diżastru donnu għadu kif seħħ xi ħbit tal-għadu. Knaten u ġebel f’nofs ta’ triq, karozzi mkissrin li ngarrew mill-ilmijiet, ħitan imwaqqgħin u dak kollu li tista’ timmaġina. Djar kollhom tajn li nġarr mill-ilma bdew jiġu mnaddfin. Id-dar tagħna ma kienx daħal ilma għax kellna l-għatba għolja imma d-dar tan-nanna li kienet toqgħod ftit ’l isfel minna kienet saret baħar u għalhekk tajna daqqa t’id fit-tindif.

Fi ftit kliem nistqarr li kienet l-agħar maltempata li qatt rajt f’ħajti. Biex ngħid id-dritt, f’dik li seħħet fi Frar li għadda, li ħalliet ħsarat enormi f’Malta, jiena inzertajt imsiefer!

Parentesi
Hawn nixtieq nagħmel parentesi biex naqsam magħkom ħsieb li jippreokkupani kultant. Jien m’iniex perit imma naħseb li għandi raġun.

Dik il-maltempata saret erbgħin sena ilu. Illum Malta nbidlet, ir-raba’ naqas ħafna u għalhekk kieku kellha ssir maltempata bħala issa nibża’ li l-effett ikun agħar. Inbnew ħafna djar ġodda u xi djar li nbnew minn erbgħin sena ilu ’l hawn twaqqgħu u saru appartamenti filwaqt li l-katusi tad-drenaġġ tat-triq baqgħu l-istess meta r-residenti żdiedu. Tajjeb li l-awtoritajiet jaħsbu fuq din il-ħaġa wkoll għax minkejja li tidher li hija xi ħaġa zgħira, fil-verità tista’ tikkawża l-inkwiet.

Tifkira
Triq l-Għargħar Ħal Qormi, illum
Illum fil-wied ta’ Ħal Qormi insibu triq li tfakkar din il-maltempata kerha li ħakmet lil gżiritna fl-1979. Din jisimha Triq l-Għargħar 1979. Dak iż-żmien din it-triq ma kinitx teżisti u kien hemm biss ħajt tas-sejjieħ idawwar ir-raba’. Illum lanqas metru kwadru ħamrija ma fadal f’dak il-post, baqa biss isem it-triq li tfakkar x’kien seħħ dakinhar.

Ġriet bija l-memorja, dehru qishom qed iseħħu issa quddiemi, propju issa jiena u nikteb, dawk ix-xeni ta’ twaqqiegħ, ta’ ilmijiet, ta’ tkissir, li dak iż-żmien għalina kienet avventura imma llum ikolli ngħid li hija biss tifkira kerha ta’ traġedja li seħħet f’Malta erbgħin sena ilu.

Fr Reno Muscat



Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 26 ta' Ottubru 2019




lunedì 13 giugno 2016

Iż-żiemel fix-xbiehat tal-qaddisin

Żwiemel tal-Apokalissi pittura ta' Victor Vasnetsov
Fl-Apokalissi, l-aħħar ktieb kanoniku tal-Bibbja, San Ġwann l-Evanġelista, il-kittieb tal-ktieb, jagħmel riferenza għal erba’ żwiemel; wieħed abjad [Apk:6:2] u ieħor iswed [Apk:6:5] , wieħed ta’ lewn aħmar nar [Apk:6:4]  u ieħor  ta' lewn aħdar jagħti fl-isfar [Apk:6:8].  Fit-Testment il-Qadim insibu wkoll riferenzi għaż-żwiemel u aktarx li l-kittieb tal-Apokalissi ħa l-idea tiegħu minn hemm. Fil-ktieb ta’ Żakkarija insibu ż-żwiemel ħomor, qastnin u bojod [Żak:1:8].  L-istudjużi tal-Bibbja jagħtu interpretazzjonijiet għal dawn iż-żwiemel imma ma hijiex l-intenzjoni tagħna hawnhekk li nidħlu fid-dettall fuq dan l-istudju.  L-għan tagħna hu li naraw kemm dawn il-figuri influwnzaw ix-xbiehat ta’ ċerti qaddisin. Sejrin insemmu erba’ qaddisin li jidhru fuq żiemel, erba’ qaddisin li insibuhom meqjuma f’ Malta. Dan ma jfissirx li ma hemmx qaddisin oħrajn li jidhru fuq dahar xi żiemel.

San Pawl
San Pawl ta' Caravaggio
Fl-Atti tal-Appostli insibu deskrizzjoni tal-konverżjoni ta’ Sawlu. <<Huwa u sejjer, kif qorob lejn Damasku, f'daqqa waħda idda madwaru dawl mis-sema. Waqa' fl-art, u sama' leħen jgħidlu: "Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?" Hu wieġeb: "Min int, Mulej?" u l-leħen wieġbu: "Jiena Ġesù, li int qiegħed tippersegwitah. Imma issa qum u idħol il-belt, u hemmhekk jgħidulek x'għandek tagħmel." >> [Atti:9: 3-7] Minkejja li t-test mill-Bibbja ma jgħidx li Sawl kien riekeb iż-żiemel, għandna x’ nifhmu li ma kienx sejjer jagħmel vjaġġ twil bil-mixi.  F’ dan l-istess ktieb nerġgħu nsibu r-rakkont ta’ Pawlu minn fommu stess: <<Jien u sejjer, kif kont qrib Damasku, f'daqqa waħda għall-ħabta ta' nofsinhar dawl kbir mis-sema idda madwari. [Atti:22:7] Waqajt mal-art, u smajt leħen jgħidli, 'Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?'>> [Atti:22: 6-8]. Għat-tielet darba Pawlu jirrakkonta l-konverżjoni tiegħu fl-istess ktieb, bejn wiħed u ieħor bl-istess kliem.  [Atti:26:12 -18]
L-ebda waħda minn dawn in-narrazzjonijiet ma ssemmi żiemel imma l-ikonografija dejjem iġġibilna lil San Pawl jaqa’ minn fuq iż-żiemel. Hekk ipittru Michelangelo fl-affresk tal-Kappella Pawlina fil-Vatikan. Hekk pittru Caravaggio fil-kwadru li nsibu fil-knisja ta’ Santa Maria del Popolo f’ Ruma. Hekk narawh fil-pittura ta’ Parmigianino fil-Mużew Kunsthistorisches ta’ Vjenna. F’ Malta nsibu l-kwadri titulari tal-katidral tal-Imdina u tal-parroċċa ta’ Ħal Safu li juruna dan il-fatt u nsibu statwi ta’ San Pawl fuq iż-żiemel aramti fit-toroq tal-Belt Valletta u ta’ Ħal Safi fil-jiem tal-festa ta’ dan il-qaddis.

San Ġorġ
Meta l-artist Ġużeppi Briffa tqabbad biex ipitter il-koppla tal-parroċċa ta’ Ħal Qormi, dan għamel abbozz li juri l-assedju tal-Mori fuq Malta fejn dehru San Pawl, San Ġorġ u Sant’ Agata jiddefendu lill-Maltin. L-abbozz, li għadu fil-mużew tal-parroċċa, juri lil San Pawl fuq iż-żiemel u lil San Ġorġ bil-wieqfa. Il-Qriema xtaqu li San Ġorġ ikun riekeb żiemel ukoll u fil-fatt il-pittura finali turi liż-żewġ qaddisin fuq iż-żwiemel.

San Ġorġ - Rabat Għawdex ta' Alfred Camilleri Cauchi
Forsi dan huwa l-aktar qaddis popolari li nsibu fuq żiemel. Hekk pittruh bosta pitturi kbar. Hekk naqqxuh bosta skulturi madwar id-dinja. Ġewwa pajjiżna nsibu l-kwadru titulari tal-parroċċa tal-belt Victoria, impitter minn Mattia Preti, bil-qaddis fuq iż-żiemel filwaqt li mill-iskola tal-istess pittur insibu l-kwadru titulari ta’ Ħal Qormi li minkejja li ma jirrappreżentax lil San Ġorġ fuq iż-żiemel, fl-isfont tiegħu hemm il-qaddis fuq bhima bajda. Fil-konkatidral ta’ San Ġwann insibu pittura ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel, xogħol Preti wkoll u fil-parroċċa tal-Gzira u fil-kappella tal-qaddis f’ Birżebbuġa nsibu kopji tal-kwadru ta’ Preti f’ San Ġwann.

Il-vari titulari li f’ pajjiżna juru lill-qaddis Ġorġi ma juruhx fuq iż-żiemel imma hemm bosta statwi proċessjonali ta’ dan il-qaddis madwar id-dinja li juruh fit-taqbida mad-dragun riekeb iż-żiemel. Statwi bħal dawn ġewwa Malta nsibuhom armati fi-pjazzez ta’ Ħal Qormi u tar-Rabat Għawdex fil-festi ta’ dan il-qaddis. L-opri artistiċi dwar dan il-qaddis huma bla limitu, bosta minnhom juru l-qaddis riekeb żiemel.

San Martin
San Martin ta'
Gużeppi Caruana
il-Baħrija
Martin twieled għall-ħabta tas-sena 316 u miet fis-sena 397. Dan huwa wieħed minn l-ewwel qaddisin li ma huwiex martri. meqjum fil-Knisja Kattolika, kemm f’ dik Ortodossa kif ukoll fil-Knisja Kopta. Huwa kien minn pajjiż li llum jinsab fl-Ungerija imma meta kkonverta għall-Kristjaneżmu sar isqof ta’ Tours fi Franza. Hemm leġġenda li tgħid li darba minnhom fix-xitwa tas-sena 335 waqt li kien riekeb iż-żiemel tiegħu, huwa ra tallab iterter bil-bard, waqqaf iż-żiemel, ħareġ is-sejf u qasam il-mantell li kellu fuq spallejh min-nofs u tefa’ n- nofs tal-matell fuq spallejn it-tallab. Dak il-lejl kellu dehra min Ġesù fejn tah lura n-nofs tal-mantell li kien sellfu. Fl-ikonografija San Martin dejjem jidher fuq iż-żiemel qiegħed jaqsam il-mantell bit-tallab ħdejh.

F’ Malta ma għandniex parroċċi iddedikati għal dan il-qaddis imma fil-Baħrija, li tagħmel mal-parroċċa tar-Rabat insibu devozzjoni u tradizzjoni kbira marbuta ma’ dan il-qaddis. Hemmhekk insibu l-kappella l-antika u l-knisja l-ġdida iddedikati lil dan il-qaddis. Kemm fil-kwadru tal-kappella l-qadima kif ukoll f dak tal-knisja l-ġdida ma narawx lil San Martin fuq iż-żiemel u lanqas fl-istatwa ċkejkna li tinħareġ purċissjoni fil-festa. Din l-istatwa, li hija xogħol ta’ Ġużeppi Caruana magħruf bħala Marċol, turi lil San Martin liebes ta’ suldat Ruman jaqta’ biċċa mill-mantell tiegħu. Kontrarjament għal pajjiżi oħrajn, San Martin f’ Malta ma narawhx fuq żiemel.

San Dimitri
Pittura ta' San Dimitri
l-Għarb Għawdex
Dimitri twieled f’ familja nobbli li kienet Nisranija ġewwa t-Tessalonika fi żmien ta’ persekuzzjoni kbira u sofra l-martirju għall-ħabta tas-sena 306. Jingħad li l-Imperatur kien tilef lill-gladjatur favorit tiegħu u bħala kumpens talab lill-qattiel tal-gladjatur biex joqtol lin-Nisrani Dimitri u għalhekk miet martri. Fl-ikonografija narawh bħala żagħżugħ liebes ta’ suldat Ruman.

Ġewwa l-Għarb Għawdex hemm kappella iddedikata lil dan il-qaddis li huwa ivvenerat fil-Knisja Kattolika u f’ dik Ortodossa. Ma’ din il-kappella hemm marbuta leġġenda  li tgħid li waħda mara xiħa mlaqqma Żgugina kienet għix ma’ binha l-waħdieni qrib din il-kappella. Darba minnhom niżżlu l-furbani fuq l-art Għawdxija u ħatfu lil bin ix-xwejħa. Din tant talbet bil-qalb lil San Dimitri li dan ħareġ mill-kwadru biż-żiemel b’ kollox u telaq wara l-ġifen Tork li kien ħataf lil bin ix-xiħa u reġa ġabulha lura. Bħala radd ta’ ħajr Żgugina kienet tixgħel qasba żejt lill-qaddis. Darba seħħet theżżiża kbira u l-kappella spiċċat taħt il-baħar. Il-leġġenda tgħid li l-lampa taż-żejt li kienet xegħelt Żgugina dakinhar għadha tixgħel sal-lum minkejja li tinsab taħt il-baħar.

Illum insibu kappella oħra li fiha pittura ta’ San Dimiotri fuq iż-żiemel. Fuq il-kwardu naraw miktuba is-sena 1810. F’ dan il-kwadru jidhru wkoll Żgugina u binha.

Għeluq
Rajna fuq fuq erba’ qaddisin li b’ xi mod għandhom rabta ma’ pajjiżna li fl-ikonografija normalment jidhru fuq iż-żiemel. Dan ma jfissirx li huma l-uniċi qaddisin li jidhru hekk imma huma dawk li l-aktar aħna familjari magħhom aħna l-Maltin


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa maħruġ mill-Kumitat festi Esterni - San Ġorġ Ħal Qormi, 2016






giovedì 14 marzo 2013

Malta inġorrok f’ qalbi


Esperjenza turistika f’ pajjiżna stess


Spiss niltaqa’ ma’ nies li meta ngħidilhom li parti kbira mis-sena ngħaddiha Ruma joħorġu b’xi  espressjoni bħal “Xi ġmiel” jew “Sewwa” jew xi kliem ieħor simili. Dawn it-talin ma jkunux qegħdin iġibu quddiem għajnejhom li meta wieħed imur b’ vaganza Ruma hija ħaġa imma meta wieħed ikun jaħdem jew jistudja hemmhekk hija ħaġa totalment differenti. Dawn lanqas jistgħu jimmaġinaw li meta ngħaddi minn quddiem il-Vatikan illum tant drajt li lanqas kważi ngħolli rasi mill-art. Mhux hekk għamilt l-ewwel darba li sibt ruħi f’ dan il-post, imma biż-żmien tant nidraw l-ambjent li nkunu ngħixu fih li xejn ma jibda jimmeraviljana u kollox jibda jkun għalina bħalli kieku xejn. Dan jiġri lil kulħadd, anke lil dawk li jkunu jgħixu f’ post sabiħ li tant jidrawh li ma jibqgħux jagħtu każ tas-sbuħija tiegħu.

Fil-bidu ta’ Frar kelli ftit jiem liberu u ddeċidejt li ninżel Malta. Wieħed kollega tiegħi li kien ilu jixtieq iżur pajjiżna sab ix-xoqqa f’ moxtha u ġie jqatta’ erbat ijiem magħna. Bejni u bejn ruħi ħsibt li jkun jaqbel għalija wkoll jekk bis-saħħa tiegħu nagħmel jumejn vaganzi f’ pajjiżna. Wasal il jum li kellu jasal Malta dan il-kollega u mort nilqgħu l-ajruport u minn hemm ħadtu l-Birgu fejn baqa’ għall-ħamest ijiem li dam f’ artna. Inzerta li dan it-tali jħobb jiġbed ir-ritratti u nista’ ngħid li ma setax isib żmien aħjar biex jiġbed veduti sbieħ ta’ din il-blata f nofs ta’ baħar.
Bdejna d-dawra tagħna billi mill-Birgu nżilna l-Kalkara għal Bigħi, ir-Rinella u wara sa Wied Għammieq. Xi ġmiel! It-temp kompla jiffavorina, temp tar-rebbiegħa. Dawra ma’ parti mill-Port il-Kbir, bil-mixi. Osservajna n-natura imħallta mal-istorja, swar, baħar, xagħri. Mal-ewwel jum ta’ Antonio f’ Malta ħassejtni li kont jien it-turist għax bdjet nara kemm hawn x wieħed jara, bdejt ninduna kemm drabi għaddejt minn dawn il-postijiet, u forsi għax imdorri fihom ma tajtx każ tas-sbuħija tagħom. L-għada morna ġurnata r-Rabat, l-Imdina u Ħad Dingli. U sieħbi jistaqsini u jin inwieġbu mill-aħjar li nista’ u nipprova nqalleb fil-maħżen tal-memorja biex niftakar id-dati u l-ġrajjiet li għaddew minn fuq din l-art ħelwa tagħna.

Lil dan sieħbi kont ilu ngħidu li kemm-il darba jiġi Malta jkun irid iżur Għawdex ukoll. It-tielet jum tiegħu magħna għaddejnieh fil-gżira tat-tliet għoljiet. Ridt li mmur kullimkien barra l-postijiet li soltu jieħdu fihom lit-turisti, jew tal-inqas ma ridtx immur f’ dawk il-postijiet mimlija ħwienet u xejn iżjed. Dorna ċ-Ċittadella u r-Rabat, inżilna d-Dwejra, Ħondoq ir-Rummien u Għajnsielem. Xi ġmiel joffri Għawdex fix-Xitwa! Ilum it-temp ma tantx kein favur tagħna, imma b daqshekk ma ħassarna xejn mill-programm li kellna, anzi kważi x-xita nieżla u l-mewġ iħabbat max-xtajta u mal-blat aħrax tad-dwejra offrew ambjent mhux tas-soltu għar-ritratti li beda jiġbed sieħbi.
Ma setax jonqos li niddedikaw ġurnata għall-Belt Kapitali. Il-Barrakka ta’ Fuq, il-barrakka ta’ Isfel, Il-Ġnien ta’ Hastings dornihom sewwa, wara ħadna kafe u biċċa prinjolata billi kien il-karnival. Indunajt kemm anke fejn jidħol ikel u ħelu aħna l-Maltin għandna tradizzjoni tagħna li t-turist japprezza u jkun tajjeb jekk noffruhielu. Dorna xi knejjes fil-Belt u nżilna ħdejn il-breakwater. Jien li bdejt miexi quddiem kultant bdejt nieqaf undur lura u nilmaħ lil sieħbi lura, wieqaf jiġbed ir-ritratti. Mill-Belt qbadna karozza tal-linja li ħaditna dawra ma’ tas-Sliema max-xatt, għal Baħar iċ-Ċagħaq sa Buġibba. Inżilna Buġibba u ħajjartu nagħmlu żewġ  passi imma r-riħ qawwi li ħakem lil artna dakinahr ma ppermettielniex għax bzajt li r-riħ ikaxkar lil Antonio ghax dan jiżebn bejn wieħed u ieħor in-nofs tal-piż tiegħi. Lura lejn il-Birgu qbadna karozza li għaddietna mill-Mosta u l-Imdina.

Min ikun fotografu kullimkien isib fejn jiġbed xi ritratt sabiħ. L-għada telaq lejn l-Italja, imma bil-ħsieb li jerġa jiġi.

Ikolli nammetti li anke jien għamilt ħamest ijiem ta’ turist f’ pajjiżi. Apprezzajt ħafna dak li għandna. Spiss jiġri li tant nidraw l-affarijiet li jkunu madwarna li ma napprezzawhomx. L-isptes skif jiġri lili meta ngħaddi minn quddiem il-Vatikan u ma nagħtix każ daqslikieku nkun għaddej minn quddiem kappella fil-kampanja.

L-għada Antonio bagħtli xi ritratti li kien ħa Malta. L-album li kienu fihom semmieh Malta ti porto nel cuore! Malta inġorrok f’ qalbi! Kemm tgħallimt minnu!

Fr. Reno Muscat OP

In-Nazzjon 14 ta' Marzu 2013