Visualizzazione post con etichetta Pluto. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta Pluto. Mostra tutti i post

venerdì 29 gennaio 2021

Wuff Wuff

 

Fost il-ħafna annimali li l-bniedem iddomestika u daħħalhom jagħmlu parti mill-ħajja tiegħu nsibu l-kelb. Forsi dan huwa l-aktar annimal domestiku maħbub min-nies tant li jissejjaħ l-akbar ħabib tal-bniedem. Illum aktar minn qabel saret dehra komuni tara lil xi ħadd biċ-ċinga tal-kelb f’idu. Ħaġa sabiħa oħra hi li f’pajjiżna l-klieb li jiġġerrew barra donnhom għabu u sparixxew. Mhux l-istess nistgħu ngħidu għal pajjiżi oħra. Hu x’inhu l-kelb huwa annimal li mhux biss iservi ta’ għajnuna għall-bniedem imma wkoll iservi ta’ kumpanija.

Oriġini

Il-kelb huwa annimal mill-familja tal-lupi u aktarx li huwa l-ewwel annimal karnivoru li ġie ddomestikat. Madanakollu il-ġenetika tal-kelb tal-lum hija mbegħda mhux ħażin mill-ġenetika tal-lupu modern. Dan kollu huwa xogħol l-evoluzzjoni li firdet li dawn il-familji minn xulxin. Xjenzati moderni llum isostnu li l-kelb u l-lupu tal-lum ma humiex tal-istess razza u li l-antenati tal-kelb kienu lupi li llum ma għadhomx jeżistu fid-dinja. Intant inħallu x-xjenza għax-xjenzati u aħna nkomplu naraw xi ħaġa fuq il-kelb.

Aktarx li l-kelb kien iddomestikat madwar ħmistax-il elf sena ilu. Dan nafuh għax f’qabar ta’ dawk iż-żminjiet instab midfun kelb mal-persuna l-mejta. Żgur li ma kienx sejjer jitpoġġa annimal selvaġġ ġo qabar ta’ xi persuna distinta. Madwar ħdax-il elf sena ilu kienu żgur li jeżistu ħames razez ta’ klieb. Maż-żmien il-klieb tħalltu u r-razez żdiedu. Mhux faċli tgħid sewwa kemm jeżistu razez ta’ klieb illum madwar id-dinja, iżda l-organizazzjoni dinjija li tieħu ħsieb statistika bħal din tgħid li jeżistu tliet mija u disgħa u tletin razza. Fatt kurjuż dwar il-klieb hu li dawk ta’ razza mħallta, jew kif ġieli jissejħu “ippastardjati” aktarx li jgħixu ħajja itwal minn klieb ta’ razza pura.

Tagħna jew mhux

Fost ir-razez ta’ klieb insibu l-kelb Malti. Dan il-kelb kien popolari ħafna kemm fil-Greċja Antika kif ukoll f’ Ruma tal-qedem tant li aktarx li l-kelb tal-filosfu Aristotli kien tar-razza Maltija. Huwa kelb sufi abjad li jħobb il-fsied. L-istoriku Grieg Strabone jgħid li dan il-kelb oriġina f’Malta u għalhekk jissejjaħ hekk. Il-poeta Ruman Marku Valerju Marziale jgħid li ħabib tiegħu bl-isem ta’ Publju kellu kelb ta’ din ir-razza bl-isem ta’ “Issa”. Hemm min jemmen li l-ħabib ta’ Marku Valerju ma kien ħadd għajr Publju, il-gvernatur Ruman tal-gżira ta’ Malta li laqa’ għandu lil San Pawl.

Minkejja isem dan il-kelb, huwa fatt kurjuż li l-kelb nazzjonali ta’ Malta ma huwiex il-kelb Malti imma l-kelb tal-fenek. Dan tal-aħħar minkejja li huma magħruf bħala Pharaoh hound, ma għandu x’jaqsam xejn la mal-Fargħun u lanqas mal-Eġittu imma huwa kelb purament Malti. Biex ngħidu s-sewwa għall-klima ta’ pajjiżna aktar ikun għal qalbu l-kelb tal-fenek milli dak bl-isem ta’ Malta.

Klieb artisti

Fi ċkuniti kienu popolari ħafna s-sensiliet televiżivi bi klieb bħala protagonisti. Niftakar lil Lassie, lil Rin Tin Tin, Sergeant Rex u ma nistgħux ma nsemmux il-karattri animati ta’ Pluto u Droopy li kienu wkoll klieb. Minbarra sensiliet, matul is-snin kien hemm diversi films bi klieb bħala artisti bħal ngħidu aħna Benji, 101 dalmations, Beethoven, Lady and the Trramp u Turner and Hooch. Dawn ma humiex l-uniċi films imma xi wħud mill-aktar popolari. Il-kelb huwa annimal kapaċi jiftakar dak li jkun mgħallem u għalhekk mhux daqstant diffiċli li jsir film b’xi kelb bħala protagonist.

Ta’ għajnuna

Il-kelb huwa wkoll annimal li jgħin lil bniedem. Forsi pajjiżna ma nużawhomx, imma l-kelb tar-razza ta’ San Bennard huwa utli ħafna f’pajjiżi fejn jagħmel is-silġ. F’pajjiżna mdorrijin naraw klien f’idejn il-pulizija. Fil-fatt il-korp għandu s-sezzjoni tal-klieb tiegħu. Dawn huma klieb imħarrġa tajjeb biex jgħinu lil pulizija fi dmirhom kontra l-kriminalità. Mhux hekk biss, il-klieb tal-pulizija ġieli kienu stumetali biex tinstab xi persuna f’kaz ta’ xi diżgrazzja.

Klieb li tassew huma ta’ għajnuna kbira huma dawk li jmexxu lil xi persuna nieqsa mid-dawl. Dawn jitħarrġu biex imexxu lil sidhom fit-triq bla ebda periklu ta’ xejn.  Dan l-aħħar smajna li hawn razza ta’ klieb li ġew imħarrġa biex ixommu lil dawk li jkollhom il-virus tal-Covid19 u skont esperti jingħad li dawn huma professjonali f’xogħolhom u jagħtu r-riżultat dak il-ħin stess. Dan kollu huwa frott is-sens qawwi tax-xamm li għandhom il-klieb.

Kelb jista’ jintuża għal attivitajiet sportivi bħalma huma t-tlielaq tal-klieb kif ukoll huma s-sieħeb fidil tal-kaċċatur.

Illum dorna dawra ħafifa fuq l-annimal li jissejjaħ l-akbar ħabib tal-bniedem. Minkejja li fil-Malti l-kelma “Kelb” għandha tifsira li bniedem ikun kattiv, nafu li l-kelb ta’ veru ma hu kattiv xejn. Il-kelb huwa annimal li lest jissogra ħajtu għal sidu, żgur li mhux kattiv.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 30 ta' Jannar 2021



venerdì 6 luglio 2018

L-akbar ħabib tal-bniedem


Fost l-annimali kollha li nsibu fid-dinja, il-kelb kien l-ewwel wieħed li l-bniedem ħa miegħu lejn daru u ddomestikah. Il-kelb ġej mir-razza tal-lupu u skont stħarriġ xjentifiku li sar ftit tas-snin ilu minn Olaf Thalmann, fl-Università ta’ Turku, fil-Finlandja, dan l-annimal  ilu li kien iddomestikat fl-Ewropa bejn 19-il elf u 32 elf sena. Dan it-tagħrif ma jaqbilx ma’ dak li jsostnu xi studjużi oħrajn li dejjem qalu li l-kelb kien iddomestikat fl-Asja orjentali madwar 15-il elf sena ilu. Iżda l-fdalijiet l-aktar antiki ta’ annimal li jixbaħ il-kelb domestiku nstabu fl-Ewropa u fis-Siberja u jmorru lura madwar 30 elf sena. Ejjew ma nidħlux f’ dawn il-polemiċi, hu x’inhu kien hemm żmien biżżejjed biex bejn il-bniedem u l-kelb titrabba ħbiberija kbira.

Intelliġenza jew xiex?
Bosta drabi nisimgħu min jgħid kemm għandu kelb intelliġenti. Biex inkunu preċiżi dan huwa żball għaliex l-intelliġenża hija fakultà tal-bniedem biss. Allura l-kelb x’għandu? Il-kelb u kull annimal ieħor għandu stint u mhux intelliġenza. Biss l-istint tal-kelb huwa tant żviluppat li kapaċi jitgħallem malajr u kapaċi jagħmel atti li jgħaġġbu lill-bniedem. Billi l-kelb ilu jgħix mal-bniedem dawn l-eluf ta’ snin kollha, ġie f’kuntatt ma’ miljuni ta’ nies u għalhekk moħħu dara sewwa l-attitudnijiet u l-ħtiġijiet tal-bniedem. Illum il-kelb domestiku  jifhem dak li jgħidlu l-bniedem minkejja li ma għandux intelliġenza u jaf jirrispondi jew bl-inbieħ jew bl-għemil tiegħu.

Fil-films
Billi l-kelb jitgħallem malajr, huwa annimal li spiss narawh f’xi film, anzi kien hemm xi sensiliet jew films u cartoons li l-kelb kien il-protangonist.  Lassie, Rin Tin Tin, Inspector Rex, Beethoven, 101 Dalmations, Turner and Hooch, Oliver and Company, Eight below, Lady and the Tramp u nistgħu nibqgħu nsemmu.

Ma nistgħux ma niftakrux ukoll fi Pluto u f’Goofy, iż-żewġ karattri klieb maħluqin minn Walt Disney li fi tfulitna ma konna nixbgħu qatt narawhom u nistqarr li anke llum ma niddejjaqx jekk ninzerta xi film qasir tagħhom. U dan mhux jien biss, sħabi bħali jgħidu li l-cartoons ta’ Walt Disney għad għandhom seħer fuqna li twelidna fis-snin sittin.

Klieb u qaddisin
Max-xbihat ta’ xi qaddisin ġieli naraw ukoll xi kelb. Santu Rokku jidher dejjem bil-kelb ħdejh. Jingħad li Rokku qassam ġidu lill-foqra u għex ħajja ta’ pellegrin fqajjar. Huwa marad bil-pesta u mar jgħix ġewwa għar, bogħod mid-dinja. Hemmhekk kien kelb li salvah u żammu ħaj. Fieq mill-pesta u kompla l-ħidma tiegħu ġewwa l-Italja. San Duminku ta’ Ġużman ukoll narawh bil-kelb ħdejh. Jingħad li meta ommu kienet tqila bih ħolmot b’kelb b’torċa f’ ħalqu, jiġri madwar id-dinja. Din l-omm marret għand saċerdot ta’ fama qaddisa u qalilha li ser ikollha iben li jiġri d-dinja u jdawwalha. San Franġisk ta’ Assisi ma jidhrix mal-kelb imma ma’ lupu iżda bosta jaħsbu li dan huwa kelb tal-wolf, iżda jkunu żbaljati.

F’reliġjonijiet oħra jew f’xi mitoloġiji wkoll insibu l-kelb. Għall-Eġiżjani antiki l-kelb kien simbolu reliġjuż u għaċ-Ċiniżi l-kelb huwa wieħed mit-tnax-il annimal onorati fl-astroloġija.

F’xogħol u sport
Il-kelb huwa wkoll għodda f’xi xogħol partikoalri bħal fit-tfittxija. Il-pulizija, anke dik Maltija, għandha sezzjoni tal-klieb. Dan is-sezzjoni għandha l-ħidma li tħares l-ordni pubblika bl-għajununa ta’ dawn l-annimali. Il-klieb ta’ din is-sezzjoni huma wkoll mgħallmim biex ixommu d-drogi u huma strument imprezzabbli fil-glieda kontra d-droga. Il-klieb tal-pulizija huma wkoll imħarrġin għal ħidmiet ta’ salvataġġ u spiss jagħtu wkoll wirjiet.

Jeżistu wkoll it-tlielaq tal-klieb.Dan huwa sport popolari mal-Ingliżi, biss ma nsibuhx biss fl-Ingliterra. Sfortunatament il-klieb ġieli jiġġelldu. Dan ma nistgħux inqisuh bħala sport, l-ewwel ħaġa għax huwa att illegali u t-tieni għax fih krudeltà kbira fejn ġieli l-kelb tellief jispiċċa mbiċċer jew maqtul.

Ħabib ta’ sidu
Li l-kelb isir iħobb lil sidu u li għalih lest jagħmel kollox hija xi ħaġa li lkoll nafuha. B’hekk dan l-annimal ħa t-titlu tal-akbar ħabib tal-bniedem. Fatt klassiku ta’ din il-ħbiberija nsibuh fl-epika ta’ Omeru, l-Odissea. Argo, il-kelb tal-kaċċa ta’ Odisse, baqa’ jistenna lil sidu li mar Troja. Il-qraba ta’ Odisse kollha nsewh, ħasbu li ma kienx sejjer jerġa’ lura lejn daru iżda meta dan mar lura wara għoxrin sena, kien il-kelb tiegħu biss li għarfu u mar jifraħ bih.

Tiskanta kif dan l-annimal huwa daqstant marbut mal-bniedem. Forsi minħabba l-eluf kbar ta’ snin li ilu qrib tagħna l-bnedmin. Annimal li sar ħabib kbir tagħna. Imbagħad aħna l-Maltin għal bniedem kattiv ngħidu li huwa kelb – hawnhekk żgur li niżbaljaw!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 7 ta' Lulju 2018