Visualizzazione post con etichetta fatima. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta fatima. Mostra tutti i post

sabato 4 maggio 2024

Għada tkun inkurunata l-Madonna ta’ Fatima

Forsi smajtu bl-avveniment li ser iseħħ għada fil-Knisja Parrokkjali ddedikata lill-Madonna ta’ Fatima fir-raħal ta’ Tal-Pietà u Gwardamanġa. Jien ktibt dwar din l-inkurunazzjoni xi ġimgħat ilu. Jiena, li nagħmel parti mill-komunità li tmexxi lil din il-parroċċa ma nistax ma naqsamx magħkom dak li jkolli f’qalbi, għalhekk illum ser nikteb xi ħaġa dwar l-inkurunazzjoni.

Inkurunazzjoni

Id-disinn tal-Kuruna 

Id-drawwa tal-inkurunazzjoni ilha teżisti minn żminijiet il-qedem. Sultan, Prinċep, Imperatur jew forom oħra ta’ mexxejja kienu jkunu nkurunati. Anke l-Papa kien ikun inkurunat. Fil-Knisja Kattolika din id-drawwa ma kinitx limitata purament għal prinċep jew papa iżda bdew ikunu nkurunati wkoll xbihat. Din il-prattika bdiet fl-Italja. Bi tweġiba għall-moviment ikonoklastiku appoġġjat mill-Kalvinisti, patri Franġiskan Kapuċċin, Girolamo Paolucci di Calboldi di Forlì (1552–1620), ħabrek għall-inkurunazzjoni ta’ xbihat sagri bħala tweġiba għax-xiżmatiċi u fis-27 ta’ Mejju 1601 inkuruna lill-Madonna fis-Santwarju ta’ Santa Maria della Steccata f'Parma, l-Italja. Il-Konti Alessandro Pallavicini kien ta’ għajnuna kbira għal di Calboldi. Qabel mewtu, Pallavicini ħalla legat li assigura li dawn il-prattiċi jkunu ppreservati għas-snin li ta’ wara. Fl-1780 ġie stabbilit ritwal għall-inkurunazzjonijiet, bl-isem Ordo servandus in tradendis coronis aureis. Sa dak iż-żmien, it-talbiet għall-inkurunazzjonijiet solenni kienu saru numerużi. Il-Knisja, fil-prudenza tagħha, meta tevalwa t-talbiet, dejjem fittxet tliet karatteristiċi: l-istoriċità (awtentiċità storika) tad-devozzjoni, l-attributi mirakolużi jew il-garanzija tal-preservazzjoni tal-qima lejn ix-xbieha. Mill-1981, id-deċiżjoni jekk xbieha tkunx inkurunata jew le ma baqgħetx f’idejn il-Vatikan imma għaddiet f’idejn l-ordinarju, l-Isqof, l-Arċisqof jew il-Kardinal tad-djoċesi tal-post.

Bidu

L-ewwel xbieha Marjana, inkurunata b'ċerimonja mingħajr l-approvazzjoni papali diretta, saret mill-Kardinal Orazio Spinola għall-Madonna tad-Dwieli meqjuma fil-Bażilika ta' Santa Maria delle Vigne f'Ġenova fil-5 ta' April 1616. L-ewwel xbieha ta’ Marija Bambina li ġiet inkurunata pontifikament kienet il-pittura ta’ Lippo Memmi magħrufa bħala La Madonna della Febbre fis-sagristija tal-Bażilika ta’ San Pietru f’Ruma fis-27 ta’ Mejju 1631. L-ewwel xbieha Marjana nkurunata pontifikament barra minn Ruma kienet il-Madonna ta' Trsat fil-Kroazja fit-8 ta' Settembru 1715. L-ewwel xbieha Marjana inkurunata personalment minn Papa nnifsu kienet il-Madonna del Popolo fit-3 ta' Ġunju 1782 mill-Papa Piju VI fil-Katidral ta' Ċesena.

F’Malta

Il-kuruna li għada ser titpoġġa fuq ras il-Madonna f'Tal-Pietà
Disinn ta' Gabriel Farrugia u xoghol tal-artist u ta' Joseph Duca
 

Sal-lum f’Malta għandna 22 xbieha Marjana inkurunati uffiċjalment, għada bl-inkurunazzjoni tal-Madonna ta’ Fatima f’Tal-Pietà isiru 23. Meta ktibt uffiċjalment kont qed nifhem dawk ix-xbihat li ġew inkrunati b’digriet. 

L-ewwel xbieha Marjana inkurunata f’Malta kienet dik tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta. Meta l-Karmelitani poġġew saqajhom fil-Belt Valletta fl-1570, bnew knisja ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu li tlestiet fl-1591. Sa mill-ħolqien tal-pittura titulari, id-devozzjoni lejn il-Madonna kienet kbira kemm fin-numru ta’ nies li kienu jżuru l-knisja kif ukoll f’dak li għandu x’jaqsam mad-donazzjonijiet mogħtija, bħal ġiżirajjen, imsielet u kuruni tad-deheb u fidda li ġew mogħtijin lil din il-pittura. L-ewwel darba li tissemma din il-pittura tal-Madonna tal-Karmnu fis-Santwarju Bażilika fil-Belt Valletta, kien waqt iż-żjara pastorali tal-Inkwiżitur Ġenerali Mons Gregorio Salviati f’Ġunju tal-1755. L-inkurunazzjoni tal-Madonna tal-kwadru titulari saret fil-15 ta’ Lulju, 1881, mill-Isqof ta’ Malta Carmelo Scicluna b’digriet tal-Papa Ljun XIII u tal-kapitlu tal-Bażilika ta’ San Pietru f’Ruma, fid-19 ta’ Ġunju 1880. Dak iż-żmien kienu qed jiġu inkurunati bosta pitturi antiki madwar id-dinja, pitturi li l-fidili kellhom devozzjoni kbira lejhom, bħalma kellha l-Madonna tal-Karmnu f’Malta.

Nixtieq kieku nagħti tagħrif imqar qasir dwar kull xbieha inkurunata li għandna f’pajjiżna imma l-ispazju ma jippermettix għalhekk ser insemmihom skont kif ġew inkurunati. F’din il-lista nsibu xbihat tal-Madonna, kemm statwi kif ukoll pitturi.  Wara l-Madonna tal-Karmnu tal-Belt insibu l-Madonna ta’ San Luqa l-Imdina, il-Madonna tal-Mellieħa, il-Kunċizzjoni ta’ Bormla, il-Madonna tal-Ħerba f’Birkirkara, il-Bambina tal-Isla, il-Madonna ta’ Damasku magħrufa bħala tal-Griegi fil-Belt Valletta, il-Madonna Ta’ Pinu, il-Madonna tas-Saħħa, tal-Grazzja Ħaż-Żabbar, tal-Grazzja r-Rabat Għawdex, il-Kunċizzjoni tal-Qala, il-Madonna ta’ Caraffa fil-Belt Valletta, il-Madonna tal-Għar, il-Madonna ta’ Pompei fir-Rabat Għawdex, il-Bambina tax-Xagħra, Santa Marija l-Mosta, Santa Marija tal-Katidral tar-Rabat Għawdex, il-Viżitazzjoni tal-Għarb, Santa Marija taż-Żebbuġ Għawdex, il-Madonna tas-Sokkors Kerċem u l-Madonna tal-Qalb ta’ Ġesù jew kif nafuha aktar tas-Sacro Cuor f’Tas-Sliema. Għada tiżdied magħhom il-Madonna ta’ Fatima ta’ Gwardamaġa Tal-Pietà li ser ikollha fuw rasha kuruna mill-isbaħ disinn tal-artist Gabriel Farrugia.

Dan huma x-xbihat Marjani inkurunati fil-gżejjer tagħna imma tajjeb ngħid li hemm xbihat oħra bħalma huma dawk ta’ San Ġużepp fir-Rabat ta’ Malta, magħruf bħala San Ġużepp ix-Xiħ u dak tal-Qala Għawdex. Barra minn dawn insibu wkoll oħrajn inkurunati imma mingaħjr digriet.

Tal-Pietà

L-inkurunazzjoni ta’ għada sejra ssir fil-Knisja Parrokkjali tal-Madonna ta’ Fatima stess, f’Tal-Pietà Gwardamanġa mill-Arċisqof ta’ Malta Mons. Charles J. Sciluna waqt quddiesa li tibda fis-6,30 ta’ filgħaxija. Minn qalbi nistdinkom tingħaqdu magħna għal din l-okkażjoni speċjali mhux biss għalina imma għal Malta kollha.

Narakom

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 4 ta' Mejju 2024





sabato 23 marzo 2024

It-Triq tas-Salib

 

Lourdes
Ninsabu resqin lejn il-Ġimgħa Mqaddsa. Waħda mill-aktar devozzjonijiet popolari fi ħdan il-Knisja hija t-talba li xi wħud isejħu l-Via Sagra jew il-Via Crucis li fil-verità tfisser “It-triq tas-salib” li minnha għadda Kristu minn xħin ingħata l-kundanna tal-mewt permezz tat-tislib sakemm tnizżżel minn fuq is-salib u kien midfun. Tradizzjonalment dawn huma erbatax-il waqt li minnhom għadda Kristu fl-aħħar waqtiet tiegħu fid-dinja. Illum qed insibu il-ħmistax-il stazzjon li jfakkar il-qawmiet mill-mewt ta’ Ġesù għax l-istorja tal-passjoni ma ntemmitx bil-mewt imma kompliet bil-qawmien mill-imwiet. Għalkemm xi stazzjonijiet ma nsibuhomx miktubin fl-evanġelji, dawn illum daħlu fl-istorja tal-passjoni.

Id-devozzjoni lejn it-triq tas-salib bdiet fost il-pellegrini li kienu jżuru Ġerusalemm u jimxu fl-istess toroq li minnhom għadda Kristu fi triqtu lejn il-Golgota. Din id-devozzjoni bdiet tinfirex fost l-Insara fil-Knisja kollha u minħabba li Ġerusalemm mhux dejjem kien post sikur li wieħed iżur, bdew jitpoġġew xbihat li juru l-istazzjonijiet tal-Via Crucis fil-knejjes. Bejn is-sekli XII u XV din id-devozzjoni dahlet fid-dinja Kristjana kollha.

Il-bidu tat-triq 

Fatima
Illum insibu li l-ewwel stazzjon tal-Via Sagra hija l-kundanna ta’ Kristu għall-mewt, imma mhux dejjem kien hekk. Fil-bidu kien hemm aktar minn verżjoni waħda bħala bidu ta’ din it-talba. L-istoriċi jirrappurtaw mill-inqas erba’ episodji differenti, magħżula bħala l-ewwel stazzjon. Kien hemm min jibda l-Via Sagra bit-tislima ta’ Ġesù lil ommu Marija – Ġesù jsellem lil ommu qabel jibda l-agonija tiegħu, biss dan l-istazzjon jidher li ma kienx wisq popolari u ma damx ma għeb għal kollox. Kien hemm imbagħad żmien li din it-talba tibda bil-ħasil tar-riġlejn waqt l-Aħħar Ċena. Dan l-istazzjon sar popolari ħafna fis-seklu XVII imma ntemm ukoll. Bidu ieħor li wkoll kien popolari fis-seklu XVII kien l-agonija ta’ Ġesù fil-ġnien taż-żebbuġ. Din il-forma ta’ Via Crucis kienet iqsar minn l-oħrajn u kienet timmedita biss dak li wieħed jista’ jsib miktub fl-evanġelji. Imbagħad kien hemm forma oħra ta’ bidu li kienet il-kundanna ta’ Ġesù fil-pretorju ta’ Pilatu. Nistgħu ngħidu li din kienet l-eqdem forma ta’ bidu ta’ din id-devozzjoni u sal-lum għadha tintużab bħala l-ewwel stazzjon.

Is-suġġett tal-istazzjonijiet l-oħra kollha kien varjat ukoll. Fis-seklu XV kienet għadha tirrenja diversità kbira fl-għażla tal-istazzjonijiet, fin-numru u l-ordni tagħhom. Fid-diversi skemi tal-Via Crucis kien hemm stazzjonijiet bħalma huma l-qbid ta’ Ġesù fil-Ġetsemani, iċ-ċaħda ta’ Pietru, il-flagellazzjoni, l-akkużi malafamanti f’dar Kajfa, Kristu fil-palazz ta’ Erodi, u xi waqtiet oħra li llum ma jidhrux f’din it-talba.

Il-forma tradizzjonali 

Medjugorje

Il- Via Crucis fil-forma attwali tagħha, bl-istess erbatax-il stazzjon fl-istess ordni, kellha l-bidu tagħha fi Spanja fl-ewwel nofs tas-seklu XV, speċjalment fl-ambjenti Franġiskani. Mill-peniżola Iberika għaddiet l-ewwel għal Sardinja, li dak iż-żmien kienet taqa’ taħt il-ħakma tal-kuruna Spanjola u mbagħad minn hemm għaddiet għall-peniżola Taljana. Hawnhek San Leonardo da Porto Maurizio, patri Franġiskan, xerred ħafna din id-devozzjoni.  Hu personalment waqqaf madwar 572 Via Crucis f’postijiet diversi. Maż-żmien din il-forma daħlet fid-dinja Kristjana kollha kif għadna nsibuha sal-lum il-ġurnata.

Varjazzjoniji

Mill-1991 il-Papa beda jmur il-Kolossew nhar il-Ġimgħa l-Kbira biex flimkien ma’ eluf ta’ pellegrini minn madwar id-dinja kollha jitlob din it-talba devozzjonali fil-jum li fih il-Knisja Kattolika tkun qed tfakkar il-passjoni ta’ Kristu. Din il-Via Crucis għandha stazzjonijiet varji minn dik tradizzjonali u tissejjaħ Via Crucis biblika. Il-Via Crucis biblika ma tinkludix l-istazzjonijiet mingħajr referenza biblika preċiża, bħalma huma t-tliet waqgħat tal-Mulej, jiġifieri it-tielet, il-ħames u s-seba’ stazzjon, il-laqgħa ta’ Ġesù mal-Omm, ir-raba’ stazzjon u l-laqgħa mal-Veronika, is-sitt stazzjon. Minflok hemm stazzjonijiet oħra bħall-agunija ta’ Ġesù fil-Ġnien taż-Żebbuġ, li jsir l-ewwel stazzjon, il-ġudizzju inġust ta’ Pilatu, fil-ħames stazzjon, il-wegħda tal-ġenna lill-ħalliel it-tajjeb, il-ħdax-il stazzjon, il-preżenza ta’ Marija Omm Ġesù u d-Dixxiplu Ġwanni taħt is-Salib li ssir bħala t-tlettax-il stazzjon. Kif wieħed jista’ jara, dawn huma episodji ta’ importanza salvifika kbira u ta’ sinifikat teoloġiku sinifikanti fid-drama tal-passjoni ta’ Kristu.

Via Sagra famużi 

Ta' Pinu
Aħna l-Maltin inħobbu nsiefru u nżuru xi postijiet marbutin mal-fidi tagħna. Immorru pellegrinaġġi u minbarra li nżuru pajjiż barrani nagħqdu dawn il-jiem mal-ispiritwalità. F’postijiet bħal dawn insibu spiss il-Via Sagra. Hekk ngħidu għal Lourdes fejn hemm Via Sagra bi xbihat tal-bronz fuq għolja qrib is-santwarju. Illum hawn saret Via Sagra oħra fuq pjanura lixxa minħabba li bosta morda li jżuru l-post ma jkunux jistgħu jitilgħu l-għolja. Il-Via Sagra ta’ Fatima hija pjuttost għall-wita u fiha xbihat f’niċeċ żgħar matul il-mixja. F’Medjugorje hemm Via Sagra bi xbihat tal-bronż imma t-triq wieqfa tagħha hija mħarbta ħafna. F’San Giovanni Rotondo nsibu Via Sagra monumentali. Malta wkoll għandna triq tas-salib mill-isbaħ, quddiem il-bażilika tal-Madonna ta’ Pinu f’Għawdex.

Illum rajna ftit dwar il-bidu u l-iżvilupp ta’ devozzjoni tant kbira fi żmien il-Ġimgħa Mqaddsa.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 23 ta' Marzu 2024




sabato 19 febbraio 2022

It-tfal ta’ Fatima

 

Fl-20 ta’ Frar il-Knisja Kattolika tiċċelebra l-festa tal-iżgħar żewġ qaddisin mhux martri li qatt ġew kanonizzati. Dawn huma l-aħwa Franġisku u Ġjaċinta Marto li ftit aktar minn mitt sena ilu niżżlu isimhom fl-istorja tal-Knisja Kattolika. Tajjeb qabel xejn nagħtu ħarsa lejn dak li seħħ biex dawn iż-żewġt itfal saru hekk magħrufin.

Ftit storja

Il-ġrajja ta’ Fatima tibda fix-xahar ta’ Mejju, 1917. L-Ewwel Gwerra Dinjija kienet fl-aqwa tagħha. Żmien ta’ ħerba, mwiet u biża’. Il-Papa Benedittu XV talab lit-tfal kollha tad-dinja biex jitolbu għall-paċi. Fit-13 ta’ Mejju, fir-raħal ċkejken ta’ Fatima, qrib Lisbona fil-Portugall, tlitt itfal kienu jirgħu n-ngħaġ fil-Cova da Iria. F’nofsinhar, hekk kif it-tfal temmew ir-Rużarju li kienu jgħidu ta’ kuljum, raw il-leħħa tal-beraq fis-sema. Huma u sejrin lura bil-merħla lejn darhom lemħu sinjura sabiħa wieqfa fuq sħaba li kienet imwieżna fuq balluta tal-liċi. F’idha kellha kuruna tar-Rużarju u l-libsa bajda tagħha kienet tlellex b’dawl tas-sema. Luċija staqsiet lis-Sinjura mnejn kienet ġiet u din  weġbitha ``Mis-sema.’’

Is-Sinjura talbet lit-tfal biex darba fix-xahar, għal sitt xhur wara xulxin, imorru f’dak l-istess post. Fuq mistoqsija ta’ Luċija s-Sinjura qaltilhom li hi u Ġjaċinta kellhom imorru l-ġenna, u Franġisku wkoll, imma dan kien jeħtieġlu jgħid iżjed Rużarju. Luċija ta’ 15-il sena daħlet soru Karmelitana. Hi tgħid li l-Madonna talbitha xxerred id-devozzjoni tat-tqarbina tal-ewwel Sibt tax-xahar. Hija mietet fit-13 ta’ Frar 2005, ta’ 97 sena. Ma’ dawn id-dehriet kien hemm marbut sigriet. Kien fl-1941 li Luċija rrevelat parti mill-messaġġ tal-Madonna lill-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi. Il-Madonna kienet qalet li jekk ir-Russja ma tikkonvertix saċerdoti kellhom jiġu torturati u knejjes desakrati. Kien hemm ukoll imsemmi l-attentat fuq il-ħajja tal-Papa, fatt li seħħ nhar it-13 ta’ Mejju tas-sena 1981 meta Mehmet Ali Ağca kien spara lejn il-Papa, illum qaddis, Ġwanni Pawlu II.

Id-devozzjoni lejn il-Madonna ta’ Fatima kienet approvata fl-1930, għalkemm il-pellegrinaġġi baqgħu sejrin bla ma jaqtgħu sa mill-1917, minkejja t-tfixkil uffiċjali tal-gvern ta’ żmien id-dehriet. Illum il-post ta’ dawn id-dehriet sar wieħed mill-aktar santwarji Marjani magħrufin mad-dinja kollha.

It-tfal

Franġisku u Ġjaċinta Marto kienu żewġ aħwa rgħajja li l-Madonna li kif għidna dehritilhom sitt darbiet f’Fatima,  tathom messaġġ ta’ penitenza u talbet minnhom talb għall-konverżjoni tal-midinbin.

Dawn iż-żewġ aħwa twieldu f’Aljustrel, fil-Portugall, Franġisku fil-11 ta’ Ġunju 1908 u Ġjaċinta fil-11 ta’ Marzu 1910. Huma raw l-ewwel darba lill-Madonna fit-13 ta’ Mejju 1917, meta huma kienu qed jirgħu in-nagħaġ ma’ kuġinthom Lucija dos Santos.

Is-Sinjura, kif kienu jsejħulha t-tfal,  b’kollox dehritilhom sitt darbiet, bl-aħħar dehra sseħħ fit-13 ta’ Ottubru, 1917. Il-Madonna qalet lil Franġisku u ’l oħtu Ġjaċinta li hi ma kinitx se ddum ma tibgħat għalihom biex ikunu magħha l-ġenna, waqt li Luċija kellha tibqa’ ħajja, titgħallem taqra u tikteb għax riditha xxerred mad-dinja d-devozzjoni lejn il-qalb immakulata tagħha

F’waħda mid-dehriet it-tfal kellhom dehra tal-infern fejn imorru l-midinbin li jmutu bla ma jikkonvertu biex jintilfun għal dejjem. Is-Sinjura talbet lit-tfal jagħmlu talb u sagrifiċċji għall-midinbin. Franġisku, u speċjalment Ġjaċinta, ħadu dan il-messaġġ bl-ikbar serjetà u impenn, u għamlu bosta sagrifiċċji għall-konverżjoni tal-midinbin. Minkejja li kienu għadhom daqstant żgħar, huma ħadu dan l-impenn bl-akbar serjetà.

Franġisku miet fl-4 ta’ April 1919 fid-dar tal-familja. Huwa għex b’kollox 10 snin u xahrejn. Ġjaċinta mietet f’Lisbona fl-20 ta’ Frar 1920, xahar qabel għalqet l-10 snin.

Il-proċess tal-beatifikazzjoni ta’ Franġisku u Ġjaċinta Marto nbeda fl-1952. Ġew iddikjarati beati flimkien waqt żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu II f’Fatima fit-13 ta’ Mejju, 2000. Il-Papa Franġisku ddikjarhom qaddisin f’Fatima, il-Portugall fit-13 ta’ Mejju, 2017  sewwasew fl-ewwel ċentinarju mid-dehriet tal-Madonna ġewwa Fatima.

F’Malta

Waħda mill-parroċċi tal-Arċidjoċesi ta’ Malta hija ddedikata lill-Madonna ta’ Fatima. Fl-1952, il-Patrijiet Dumnikani Maltin bit-tħabrik tal-Provinċjal tagħhom ta’ dak iż-żmien, Patri Esmond Klimeck, bnew is-Santwarju ddedikat lill-Madonna ta’ Fatima fi Gwardamanġa - Tal-Pietà. Is-Santwarju nfetaħ fl-1955 u fl-1968 sar il-knisja parrokkjali tal-lokalità ta’ Tal-Pietà. Din hija l-unika parroċċa f’pajjiżna taħt dan it-titlu. Fix-xbieha tal-Madonna ta’ Fatima naraw lit-tliet ragħajja ċkejkna li kellhom id-dehriet.

Għalhekk minn din is-sena ser tibda ssir il-festa tal-Qaddisin ta’ Fatima, Ġjaċinta u Franġisku. Il-qofol tal-festa jintlaħaq għada l-Ħadd 20 ta’ Frar b’quddiesa mmexxija mill-Arċisqof Mons. Charles J. Scicluna fid-9.30 ta’ filgħodu iżda il-festa bdiet mill-Ħadd 13 ta’ Frar, jum it-twelid u l-mewt ta’ Luċija, il-kuġina ta’ dawn it-tfal qaddisin.

Kien xieraq li nibdew niċċelebraw din il-festa u  niftakru f’dawn iż-żewġ qaddisin żgħar.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 19 ta' Frar 2022




venerdì 30 agosto 2019

Franġisku Marto



Din is-sena taħbat il-mitt sena mill-mewt taċ-ċkejken Franġisku Marto, ħu Ġjaċinta li flimkein ma’ kuġinithom Luċija Dos Santos kienu dawk li fl-1917 kellhom dehriet mill-Madonna ġewwa Cova da Iria qrib ir-raħal ta’ Fatima fil-Portugall. Xieraq li nkunu nafu xi ħaġa dwar dan il-qaddis ċkejken.

Ftit tagħrif
Franġisku twieled nhar il-11 ta’ Ġunju tas-sena 1908 ġewwa r-raħal żgħir ta’ Aljustrel fil-periferija ta’ Fatima. Missieru kien Emanuel Pietru Marto u ommu kienet Olimpja di Ġesù. Franġisk kien l-iżgħar tifel tal-familja, warajh kien hemm oħtu Ġjaċinta li kienet kważi sentejn iżgħar minnu. Bħal ħuthom ta’ qabilhom dawn kienu jieħdu ħsieb il-merħliet tal-familja flimkien ma’ kuġinithom Luċija. Kienu tfal komuni, sewwasew bħat-tfal l-oħra tal-Portugall kollu, tfal ta’ ftit skola. Skont dak li kitbet dwaru kuġintu Sor Luċija, Franġisku kellu natural kalm ħafna, kien inklinat għall-mużika u jħobb joqgħod għalih waħdu jaħseb. Anke biex jitlob, jingħad li kien jippreferi jitlob waħdu milli mal-oħrajn.

Franġisku, flimkien ma’ oħtu u kuġintu kellhom dehriet mill-anġlu matul is-sena 1916 u dawn l-istess tfal kellhom sitt dehriet mill-Madonna bejn it-13 ta’ Mejju u t-13 ta’ Ottubru tas-sena ta’ wara ġewwa Cova da Iria f’Fatima, fejn kienu jirgħu l-merħliet tal-familji tagħhom. Mhux l-iskop tiegħi li nirrakonta dak li seħħ ġewwa Fatima għax nemmen li ħafna minna jafu sewwa dik l-istorja.

Jingħad li Franisku ġieli skarta l-iskola biex imur fil-knisja tar-raħal quddiem is-sagrament. Fit-tabernaku kien jgħid li hemm Ġesù moħbi u hemm kien jgħaddi bosta ħin minkejja ċ-ċokon tiegħu. Jingħad li darba ra ħabib tiegħu li kien għadu kif qabad għasfur ċkejken. Franġisku tant tħassar li dak l-għasfur li daħħal idu fil-but u ħareġ il-ftit muniti li kellu, tahom lil dak it-tifel u ħa l-għasfur u telqu jittajjar ħieles.

Marda qerrieda
Fl-1918 madwar id-dinja nxterdet il-marda kiefra msejħa l-Influwenza Spanjola. Din il-marda laqtet madwar ħames mitt miljun persuna, mhux biss fl-Ewropa imma anke f’pajjiżi mbegħda u remoti fil-Paċifiku. Bejn ħamsin u mitt miljun ruħ mietu kawża ta’ din l-influwenza. Din kienet waħda mill-agħar diżastri naturali li qatt seħħew fl-istorja tal-bniedem, fejn bejn tlieta u ħamsa fil-mija tal-popolazzjoni tad-dinja mietet minħabba din il-marda. L-akbar numru ta’ mejtin kienu tfal u xjuħ. Fost il-vittmi kien hemm tnejn mit-tlett itfal li raw il-Madonna ġewwa Fatima, l-aħwa Franġisku u oħtu Ġjaċinta Marto. Il-familja Marto, għajr il-Missier, kollha mietu b’din l-imxija fatali. Franġisku miet fl-4 ta’April 1919 meta lanqas kien għadu għalaq il-ħdax-il sena. Jum qabel mewtu huwa għamel l-ewwel tqarbina, ħaġa li kien ilu jixtieqha ħafna.

Lejn il-qdusija
Minħabba l-età żgħira ta’ Franġisku, kif ukoll ta’ oħtu, kien hemm min tħasseb dwar il-virtù erojċi li setgħu kellhom dawn it-tfal ċkejknin u għalhekk il-kawża għall-beatifikazjoni ħadet fit-tul. Dan kien għall-ħabta tas-sena 1937 fi żmien il-Papa Piju XI. Kien hemm membri fil-Knisja li rraġunaw li bħalma hawn tfal li juru li jkunu ġenji f’xi qasam tal-arti bħall-mużika jew xi qasam ieħor, hekk ukoll Franġisku u allura oħtu Ġjaċinata wkoll, setgħu wrew spiritwalità ogħla minn dik normali fi tfal ta’ mparhom. Il-Papa San Ġwanni Pawlu II sejħilhom Venerabbli fl-1989 u fit-13 ta’ Mejju tas-sena 2000 kienu ddikkjarati Beati. Fil-mitt anniversarju mill-ewwel dehra, nhar it-13 ta’ Mejju tas-sena 2017 dawn it-tfal kien ddikkjarati qaddisin mill-Papa Franġisku.

Miraklu
Forsi ftit jafu x’kien il-miraklu li wassal lil Franġisku Marto għall-qdusija. Immorru fil-Brażil u hemm insibu l-familja ta’ Ġwann Battista u martu Lucilja Yurie. Fit-3 ta’ Marzu 2003 binhom Lucas kien qed jilgħab ma’ oħtu Edwarda meta waqa’ minn għoli ta’ madwar 7 metri. It-tifel weġġa’ gravi u kien f’koma. Ittieħed l-isptar imma t-tobba ftit raw tama li ċ-ċkejken Lucas jeħlisha. Missieru mar f’kunvent tas-sorijiet biex jgħidilhom jitolbu għal ibnu, imma s-sorijiet kienu qegħdin irtir u ħadd ma wieġbu. Sadattant il-qagħda tat-tifel ċkejken kienet sejra għall-agħar. Il-missier reġa’ mar iħabbat il-bieb tas-sorijiet jumejn wara u dakinhar waħda soru meta semgħet l-istorja marret iġġib ir-relikwa tal-Beati ta’ Fatima u talbet fuqha biex dan iċ-ċkejken, bħall-beati, ifieq.

Fid-9 ta’ Marzu, sitt ijiem wara l-inċident Lucas ġie f’tiegħu u l-ewwel ma għamel staqsa għal oħtu. Xi jiem wara huwa kien imfejjaq għal kollox kontra dak li ħasbu t-tobba. Ma damx wisq ma reġa’ kien id-dar tal-ġenituri tiegħu. Ommu u missieru kif ukoll dawk li jafuh kollha jemmnu li dan it-tifel inħeles minn mewt ċerta bl-għajnuna tal-beati ta’ Fatima.

Illum il-festa ta’ San Franġisku Marto ssir fl-4 ta’ April, jum il-mewt tiegħu li seħħet mitt sena ilu. F’Malta għandna relikwija tiegħu fis-santwarju tal-Madonna ta’ Fatima f’ Tal-Pietà.

Fr. Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 31 ta' Awwissu 2019



sabato 13 ottobre 2018

Rużarju


Ix-xahar ta’ Ottubru huwa magħruf ma’ ħafna bħala x-xahar tar-Rużarju. Nhar is-7 ta’ dan ix-xahar niċċelebraw il-festa tal-Madonna tar-Rużarju. Forsi tajjeb inkunu nafu xi ħaġa dwar din it-talba kif ukoll dwar din il-festa.
Lazzaro Pisani - Madonna tar-Rużarju
Knisja Arċipretatli Ħaż-Żebbuġ


Jingħad li fil-bidu tas-sekli XIII wieħed saċerdot Spanjol bl-isem ta’ Duminku kien jinsab Prouille fi Franza. Dan kellu dehra mingħand il-Madonna li tatu t-talba tar-Rużarju. Illum dak is-saċerdot huma magħruf bħala San Duminku li waqqaf l-Ordni tal-Predikaturi, Ordni li sal-lum, aktar minn 800 sena wara għadu jxerred id-devozzjoni lejn din it-talba Marjana. Forsi ftit huma dawk li jafu fejn jinsab dan ir-raħal. Dan jinsab qrib il-Belġju, raħal li llum fih ftit aktar minn tliet mitt ruħ, raħal ċkejken illum aħseb u ara fi żmien San Duminku! Madanakollu kien f’dan ir-raħal ċkejken li nbdiet it-talba tar-Rużarju.

Il-festa tal-Madonna tar-Rużarju indirettament hija wkoll marbuta mal-Ordni mwaqqaf minn San Duminku. Wara li l-Insara rebħu l-battalja ta’ Lepanto li seħħet fis-7 ta’ Ottubru 1571 u l-qawwiet Torok ċedew l-armi, dak il-jum kien iddikkjarat bħala l-festa tal-Madonna tar-Rebħa. Il-papa ta’ dak iż-żmien inzerta kien membru tal-Ordni tal-Predikaturi, Piju V, li ftit snin qabel, wara l-Assedju l-Kbir ta’ pajjiżna, fl-1565, kien għen bil-kbir għall-bini tal-Belt Valletta. Dan il-papa kien talab lill-Insara kollha biex dakinhar tal-battalja ta’ Lepanto jgħidu r-Rużarju bil-qalb sabiex tintrebaħ din il-battalja li seta’ jkollha effett ikrah fuq l-Ewropa kemm-il darba tintilef. Ma damitx wisq li l-festa tal-Madonna tar-Rebħa għaliex inbidlilha l-isem u bdiet tissejjaħ il-Madonna tar-Rużarju għax ħafna attribwew din ir-rebħa għar-Rużarju li ntqal mill-Insara kollha dakinhar.

La għidna fejn jinsab Prouille tajjeb ngħidu wkoll fejn insibu Lepanto. Illum Lepanto ma għadux jismu hekk imma jġib l-isem ta’ Nafpaktos. Huwa port fil-Punent tal-Greċja li għandu madwar għoxrin elf abitant. Illum ma għadx għadnu l-importanza li kellu snin ilu u aktar sar attrazzjoni turistika minħabba l-fdalijiet li fih milli port ta’ attività marittima.

F’Malta id-devozzjoni lejn il-Madonna tar-Rużarju hija mifruxa fil-parroċċi kollha u nistgħu ngħidu li kważi f’kull parroċċa ssir il-festa ta’ din il-Madonna taħt dan it-titlu. Bosta knejjes għandhom ukoll artal iddedikat lilha, ħafna drabi f’xi kappellun. Dan il-fatt juri l-antikità tad-devozzjoni għaliex l-artali laterali tan-navi ħafna drabi jkunu nbnew wara l-kappelluni fil-knejjes antiki tagħna. Barra minn hekk għandna bosta fratellanzi tal-Madonna tar-Rużarju. Illum li l-fratellanzi nistgħu ngħidu tilfu l-iskop li għalih twaqqfu, madanakollu xorta għadek ssib membri fihom li jistinkaw biex kull sena jagħmlu festa xierqa lill-patruna tal-fratellanza tagħhom.

Devozzjoni partikolari lejn din il-Madonna nibtet qrib Napli, sewwasew Pompei. Il-festa tal-Madonna ta’ Pompei tiġi ċċelebrata fit-8 ta’ Mejju imma hija wkoll il-Madonna tar-Rużarju. U biex inkunu qed ngħidu kollox anke l-Madonna ta’ Fatima hija magħrufa bħala l-Madonna tar-Rużarju ta’ Fatima u l-festa tagħha niċċelebrawha fit-13 ta’ Mejju.

Din id-devozzjoni ma hijex xi waħda moderna imma għandha ’l fuq minn 450 sena. F’pajjiża hija qawwija u għalhekk insibu bosta kwadri ta’ artisti, kemm lokali kif ukoll barranin kif ukoll statwi tal-Madonna taħt dan it-titlu. L-ewwel statwa tal-Madonna tar-Rużarju f’Malta saret minn Melchiorre Gafà u waslet Malta fl-1661 billi l-artist ħadimha Ruma. Din tinsab fil-knisja tad-Dumnikani tar-Rabat. Fuqha saru bosta statwi oħrajn tal-Madonna tar-Rużarju, u mhux biss!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 14 ta' Ottubru 2018


sabato 11 agosto 2018

Wara t-tazza tad-dinja


Ħallejt il-logħob tat-tazza tad-dinja jintemm biex ktibt dak li ġie f’moħħi propju fil-ftuħ ta’ dan il-kampjonat mondjali. Forsi qed taħsbu li ġieni xi ħsieb sportiv imma mhux hekk kien. Nhar ta’ Ħadd nipprova kemm jsita’ jkun il-ktiba tiegħi nagħtiha laqta xi ftit jew wisq spiritwali għax nemmen li f’dan il-jum jixraq hekk. Għal ħsibijiet oħra għandi postijiet oħra fejn niktibhom u nxandarhom! U nistħajjilkom tgħidlu… “kemm se jdum ġej biha. Aqlagħha jekk għandek! Xi ħsieb ġiek fil-ftuħ tat-tazza tad-dinja?”

Il-kosagrazzjoni tar-Russja
Fl-1917 il-Madonna dehret lil tlett itfal rgħajja f’Cova da Iria fir-raħal ta’ Fatima fil-Portugall. F’waħda mis-sitt dehriet hija talbet li r-Russja tkun ikkonsagrata lilha. Minn dik is-sena stess seħħew bidliet u taqlibiet kbar fir-Russja. Fl-Imperu Russu bdiet ir-revoluzzjoni li temmet it-tmexxija taz-Tzar u daħlet il-ħakma Komunista. Il-belt kapitali Russa ma baqgħet San Pietru Burgu imma reġgħet saret Moska kif kienet ftit aktar minn mitejn sena qabel. Anke isem din il-belt inbidel u minflok isem ta’ qaddis ħa isem ta’ mexxej: Leningrad, il-belt ta’ Lenin, fl-1924 mal-mewt ta’ dan il-mexxej. Bdiet tinbena l-Unjoni Sovjetika, supertpotenza li kienet għadha teżisti sa ftit ilu.

Kien f’dan l-ambjent li nhar il-Ġimgħa, 13 ta’ Lulju 1917, il-Madonna talbet li dan il-pajjiż jiġi kkonsagrat lil qalb bla tebgħa tagħha. Bosta jistaqsu: Imma din il-konsagrazzjoni saret jew le?

Il-Papa Piju XII u Papa Pawlu VI
Bosta jsostnu li meta l-Papa Piju XII fil-31 ta’ Ottubru 1942, jiġifieri fl-eqqel tat-tieni gwerra dinjija, ikkonsagra d-dinja kollha lill-Qalb ta’ Marija, kien qiegħed jikkonsagra lir-Russja wkoll. Biss dan l-istess papa għaxar snin wara, proprju fis-7 ta’ Lulju 1952 ikkonsagra lir-Russja lill-Qalb bla tebgħa ta’ Marija. Fl-Ittra Appostolika tiegħu li ġġib l-isem Sacro Vergente anno, jgħid ċar u tond: “. . . bħalma xi snin ilu ikkonsagrajna l-bnedmin kollha lill-Qalb bla tebgħa tal-Verġni Marija, Omm Alla, illum qegħdin nikkonsagraw b’mod speċjali u nafdaw il-popli kollha tar-Russja lil din l-istess Qalb bla Tebgħa. . .” (Epist. apost. Sacro vergente anno paragrafu 9)
Nhar il-21 ta’ Novembru 1964, waqt sezzjoni tal-Konċilju Vatikan II il-Papa Pawlu VI mill-ġdid ikkonsagra lir-Russja lill-Qalb ta’ Marija.

Ġwanni Pawli II u Franġisku
San Ġwanni Pawlu II wkoll ikkonsagra lir-Russja lill-Qalb ta’ Marija aktar minn darba. Sewwasew sena wara l-attentat fuq ħajtu, fit-13 ta’ Mejju 1982, Papa Wojtyla żar Fatima u hemm ikkonsagra lid-dinja kollha, fosthom ir-Russja, lil Marija, iżda billi ħafna isqfijiet ma kinux irċevew l-invit fil-ħin u għalhekk ma attendewx, bosta jsostnu li l-konsagrazzjoni ma tgħoddx. Ta’ din il-fehma kienet ukoll Sor Luċija Santos, waħda li kienet rat lill-Madonna fl-1917. F’Ottubru tal-1983 Papa Ġwanni Pawlu flimkien mal-isqfijiet miġburin f’sinodu reġa’ ġedded din il-konsagazzjoni. Din id-darba anke Sor Luċija qablet li kienet twettqet xewqet il-Madonna. Din is-soru ħarġet din l-istqarrija fid-29 ta’ Awwissu 1989 u qalet li fi ftit żmien se jkun hemm avvenimenti li juru li l-konsagrazzjoni saret. Fid-9 ta’ Novembru tal-istess sena twaqqa l-ħajt ta’ Berlin u f’Diċembru 1991 intemmet l-Unjoni Sovjetika.

Wara dan kollu d-dinja kienet ikkonsagrata mill-ġdid lil Marija fl-1984 mill-Papa Pollakk u fl-2013 mill-Papa Franġisku. Madanakollu għad hawn min issostni li t-talba li għamelt Marija f’Fatima għadha ma ġietx mismugħha!

Kemm mar il bogħod moħħi waqt il-ftuħ tat-tazza tad-dinja!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' Il-Mument - 12 ta' Awwissu 2018





venerdì 27 luglio 2018

Turiżmu reliġjuż


Illum il-ġurnata s-safar sar bil-wisq aktar popolari milli kien sa ftit għexieren ta’ snin ilu. Is-sistema ta’ kif taqta’ biljett tal-ajru, issib lukanda fejn toqgħod, tikri karozza biex ikollok biex tiġri u tmur fejn trid illum saret waħda faċli grazzi għat-teknoloġija li għandna f’idejna. Madanakollu xorta baqa’ lok għal turiżmu organizzat fi gruppi, dawk li jissejħu tours. Dawn il-gruppi huma komdi għal min ikun irid isiefer bla ma joqgħod iħabbel rasu għal xejn għaliex il-programm tagħhom ikun lest mill-agenziji li jorganizzaw il-ġiti. Popolari ħafna huma dawk il-ġiti marbutin ma’ xi post fejn hemm devozzjoni lejn xi qaddis jew qaddisa. Dan jista’ jitqies bħala turiżmu reliġjuż. Fejn immorru aħna l-Maltin?

Lourdes
Lourdes
Żgur li wieħed mill-aktar postijiet popolari magħna l-Maltin fejn jidħol it-turiżmu reliġjuż huwa Lourdes fi Franza. Eluf ta’ pellegrini minn Malta jżuru dan il-post ta’ kull sena. Għaċ-ċokon ta’ artna, il-persentaġġ ta’ Maltin f’Loures ta’ kull sena huwa għoli ħafna. Ġieli nisimgħu kritika dwar dan il-post u nisimgħu min jgħid li hemm wisq negozju, wisq ħwienet, wisq xi jtellef mill-qdusija tal-lokal. Tabilħaqq li r-raħal huwa mimli ħwienet, lukandi u dak kollu li jistenna li jsib vjaġġatur waqt il-vjaġġ, biss il-qofol ta’ Lourdes huwa l-parti fejn hemm is-santwarju, fejn hemm l-għar li fih Bernardina Soubirous rat lill-Madonna. Mix-xatba tas-santwarju ’l ġewwa hemm dinja differenti għal kollox minn dik li hemm barra. Għalhekk niżbaljaw meta ngħidu li Lourdes huwa negozju biss; f’Lourdes issib is-sagru u ssib ukoll dak li jista’ jkollok bżonn kif ukoll issib dak li jħajrek tixtri. U la qed insemmu x-xiri, ħaġa li aħna l-Maltin ma ngħaddux mingħajrha meta nsiefru, tajjeb ngħidu li l-ilma ta’ Lourdes ma jinxtarax. Min irid jista’ jixtri l-flixkun u jimlih bl-ilma li huwa b’xejn.

Post Marjan ieħor
Fatima
Fatima wkoll huwa post ta’ turiżmu reliġjuż li bosta Maltin ġieli żaruh jew għandhom ix-xewqa li jżuruh. Billi dan il-post jinsab fil-Portugall il-vjaġġ huwa itwal minn dak lejn Lourdes u għandu mnejn għalhekk il-pellegrini Maltin fih huma inqas. Illum Fatima wkoll hija mimlija bi ħwienet ta’ souvenirs, ristoranti u lukandi. Sa ftit snin ilu ma kinitx hekk, illum differenti. Madanakollu xorta ma tlaħħaqx ma’ Lourdes fejn jidħol negozju. Dan il-post huwa wieħed trankwill ħafna, post fejn issib ħin tirrilassa fiżikament, mentalment u spiritwalment. Post li għadu qed jikber u jiżviluppa. Forsi l-qagħda geografika tiegħu tillimitah milli xi darba jilqa’ fih il-miljuni ta’ pellegrini li jżuru Lourdes.

Fil-Bożnija
Medjugorje
Minkejja li l-Knisja għadha ma approvatx id-dehriet Marjani ta’ Medjugorje, xorta waħda dan ir-raħal fil-Bożnija-Ħersegovina jiġbed lejh bosta Nsara fosthom għadd mhux ħażin ta’ Maltin. Dan ir-raħal darba kien mitluf u minsi. Ħadd għajr il-poplu tar-raħal jew tal-irħula qrib tiegħuma kienu jafu bih. Raħal ċkejken ħafna, nieqes minn kull neċessità. Illum fih inbnew lukandi, infetħu ħwienet ta’ kull xorta u fi ftit kliem nistgħu ngħidu li żviluppa, forsi anke b’rata xi ftit mgħaġġla żżejjed. It-turiżmu reliġjuż hawnhekk idawwar ir-rota ekonomika mhux biss tar-raħal iżda ta’ xi rħula qrib li fihom xi attrazzjoni partikolari. Minkejja li l-post għadu ma huwiex fuq il-livell ta’ Lourdes jew Fatima, xorta huwa post fejn jinġabru eluf kbar ta’ pellegrini minn madwar id-dinja kollha. Kull sena lejn il-bidu ta’ Awwissu jsir il-festival taż-żgħażagħ, esperjenza tal-blieh, biex nużaw kelma li jifhmu sewwa ż-żgħażagħ.  Wieħed mill-iżvantaġġi ta’ dan il-post huwa l-munita. Hawn ma jużawx l-ewro imma għandhom il-munita tagħhom, madanakollu bl-ewro tinqeda wkoll.

Fl-Italja
Assisi
Ruma minn dejjem kienet destinazzjoni preferita mal-pellegrini mid-dinja kollha u għalhekk miljuni jżuruha ta’ kull sena. Dak li jkun jista’ jgħaqqad vjaġġ f’Ruma ma’ xi postijiet oħra relattivament qrib biex ikompli jsebbaħ iż-żjara tiegħu f’dan il-post meraviljuż. Għalkemm mhux wisq qrib, wieħed jista’ jżur Padova, il-post ta’ Sant Antnin. Hemm madwar 500 kilometru bejn iż-żewġt ibliet u jekk wieħed jiddeċiedi li jsuqha aħajr jaħseb biex jgħaddi lejl fil-belt. Eqreb lejn Ruma, fl-Umbria, insibu Assisi, r-raħal ta’ San Franġisk u Santa Kjara  kif ukoll Cassia ir-raħal ta’ Santa Rita. Dawn huma postijiet li wieħed faċli jasal għalihom bil-ferrovija; Assisi aktar minn Cassia. Lanciano fejn seħħ il-miraklu Ewkaristiku wkoll huwa aċċessibbli minn Ruma. Loreto tista’ tkun żjara ta’ ġurnata meta wieħed ikun fil-kapitali Taljana. Irrid insemmi Pompei f’Napli. Hawn ukoll wieħed minn Ruma jista’ jasal fih faċilment billi jinżel bil-ferrovija sa Napli u minn hemm jaqbad ferrovija oħra. Ma nistax nagħlaq bla ma nsemmi qaddis ieħor Taljan li sar jiġbed lejh bosta pellegrini: Padre Piju. Dan twieled Pietralcina u għex f’San Giovanni Rotondo. Ma humiex żewġ postijiet wisq qrib u l-aħjar wieħed jippjana jumejn għalihom għax f’jum wieħed diffiċli jintlaħqu t-tnejn li huma.

Illum dorna dawara ma’ xi postijiet li fihom isiru pellegrinaġġi, postijiet popolari magħna l-Maltin, postijiet li ta’ min wieħed iżurhom.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 28 ta' Lulju 2018








venerdì 8 settembre 2017

Mitt sena ilu

F’għajnejna, mitt sena huma medda twila ta’ snin għaliex meta nitkellmu fuq mitt sena ilu, ħadd minna ma jiftakar, imma għall-istoriċi mitt sena ma humiex wisq. Madanakollu mitt sena jafu jbiddlu d-dinja ta’ taħt fuq, bħalma fil-fatt ġara dawn l-aħħar mitt-sena.

Il-gwerra l-kbira
Mitt sena ilu d-dinja kienet għaddejja mill-ewwel gwerra dinjija, magħrufa ma’ ħafna bħala l-gwerra l-kbira. Din tabilħaqq kienet kbira għaliex sa qabilha l-gwerer kienu jinvolvu suldati u armati biss, iżda din il-gwerra involviet lil kulħadd. Kulħadd kellu jagħti sehmu, min b’ mod u min b’ ieħor, biex il-gwerra tiġi miġġielda. Ma kienx hemm età, min hu f’saħħtu jmur fuq il-kamp tal-gwerra u min ma jistax imur jista’ jagħmel xogħol ieħor reletat mal-gwerra  f’xi fabbrika. Għalhekk issejħet kbira din il-gwerra.

Arras
Arras 1917
Arras hija belt fit-tramuntana ta’ Franza. Din hija l-belt li fiha twieled Maximilien Robespierre, avukat politiku mill-aktar influenti fir-Revoluzzjoni Franċiża. Belt interesanti anke fl-isem tagħha għaliex kontra l-maġġoranza tal-kliem Franċiż, l-Esse tal-isem tiġi pronunzjata u għalhekk ma ngħidukliex “Arra” imma naqrawha kif tinkiteb.

Fil-bidu tas-sena 1917 l-Ingliżi u l-Franċiżi kienu għadhom ifittxu kif sejrin jidħlu waħda u sew fil-Ġermanja Nażista. Saru taqbidiet li ħadu l-ħajja ta’ bosta suldati iżda kollu ta’ xejn. Bejn id-9 ta’ April u s-16 ta’ Mejju 1917 saret it-tieni Battalja ta’ Arras. L-ewwel battalja f’din il-belt seħħet fl-1914 u fl-inħawi ta’ madwarha saru għadd ta’ battalji oħrajn. Matul il-gwerra din il-belt sofriet bosta telf mhux biss ta’ ħajjiet iżda anke ta’ bini. Fil-fatt tliet kwarti tal-belt kellha tinbena mill-ġdid wara l-gwerra.

Arras  kienet maħkuma mit-truppi Ġeramniżi waqt it-tieni gwerra dinjija.

Arras 2017
Illum, mitt sena mill-battalja ta’ Arras, din il-belt saret wħada ta’ attrazjoni turistika, l-aktar għaliex faċli tasal għaliha bil-karozza kemm minn Londra kif ukoll minn Brussell, sagħtejn ferrovija kollox. F’din il-belt wieħed jista’ jgawdi s-sbuħija ta’ arkitettura tal-post. Il-qalba tal-belt hija l-pjazza prinċipali, imsejħa Grand Place. Fiha wieħed jista’ jammira l-knisja ta’ San Gaston jew kif isejħulu l-Franċiżi, SArraaint Vaast. Din il-pjazza hija wkoll l-aktar ċentru kummerċjali tal-post u sa minn sekli ilu, jintrama s-suq fiha. Fiha jsir ukoll dak li jissejjaħ Il-Main Square Festival , fl-ewwel tmiem il-ġimgħa ta’ Lulju. Dan huwa festival ta’ mużika pop u rock li ilu jsir kull sena mill-2004 u llum daħal fil-kalendarju kulturali tal-belt.

X’differenza minn mitt sena ilu!

Fil-Portugall
Fatima 1917
Din is-sena qegħdin infakkru l-ewwel ċentinarju mid-dehriet li seħħew ġewwa Cova da Iria qrib ir-raħal ta’ Fatima fil-Portugall. Dan id-daqxejn ta’ raħal, mitt sena ilu kien post tal-bdiewa u raħħala, nistgħu ngħidu minsi mhux biss mid-dinja imma anke mill-Portugiżi stess. Xi jmorru jagħmlu ’l hemm? Ma kien hemm xejn. Imma l-istorja ta’ dan ir-raħal kellha tinbidel. Tlett ijiem qabel intemmet il-battalja ta’ Arras fi Franza, tlett itfal minn dan ir-raħal bdew jgħidu li kellhom dehra sopranaturali ta’ waħda mara liebsa l-abjad. Naħseb li lkoll nafuha l-istorja tad-dehriet tal-Maodnna ta’ Fatima.
Fatima 2017
Illum, mitt sena wara, dan ir-raħal inbidel u mhux talli ma għadux minsi mill-Portugiżi anzi sar magħrtuf mal-erbat ijieħ tad-dinja. Ix-xorti ta’ dan ir-raħal hija marbuta strettament mad-dehriet għaliex il-miljuni li jżuru dan il-post kull sena huma kollha pellegrini li jmorru biex jaraw b’ għajnejhom dan il-post għażiż. Illum anke l-bdiewa u r-rgħajja għebu minn Fatima u l-industrija prinċiapli tal-post hija t-turiżmu reliġjuż.

X’differenza minn mitt sena ilu!

Dawn huma biss żewġ każi li ġraw mitt sena ilu. Żewġt ibliet li nbiddlu għal kollox min dak li kienu seklu ilu. Arras minħabba l-gwerra u Fatima minħabab d-dehriet. Tiskanta d-destin ta’ belt jew raħal.
Min jaf in-nies ta’ Arras mitt sena ilu kemm kellhom qalbhom ittaqtaq, jibżgħu li kollox sejjer jintemm, belthom, darhom familthom. Kienu bosta d-djar u bini ieħor li ġġarraf, imma bid-determinazzjoni reġgħu ttellgħu biex illum jistgħu jiftaħru bihom u jixtgħu jaqsmuhom mat-truisti li jmorru jżuru lil din il-belt Franċiża.

Min jaf mitt sena ilu ir-raħaħla ta’ Fatima kemm iddubitaw mill-verità ta’ dak li keinu qed jgħidu tlett itfal żgħar mir-raħal tagħhom stess. Ma nagħtihomx tort għax mhux ħaġa li tiġri kuljum dak li ġara f’raħalhom! Min qatt kellu jgħidilhom li sa mitt sena wara din ir-roqgħa art se ssir magħrufa mad-dinaj kollha?

Le mhux wisq mitt sena għall-istoriku, imma huma biżżejjed biex ibbiddlu storja. Hawn rajna biss żewġ każi li seħħew sewwasew mitt sena ilu. Bħalhom hemm mijiet.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 9 ta' Settembru 2017







venerdì 26 maggio 2017

Messaġġ għad-dinja kollha

It-tieni parti

Wara li rajna kif il-messaġġ li l-Madonna ħalliet mat-tfal ġewwa Fatima kien ukoll immirat lejn il-Knisja Ortodossa u sa ċertu punt kien ukoll attwali għal-Lhud, illum naraw fuq fuq kif anke il-Musulmani kellhom xi ħaġa x’ jifhmu fih. Ovvjament billi dan il-messaġġ twassal f’ ambjent Kattoliku, l-aktar li jolqot kien lid-dinja Rumana. Illum nitrattaw dawn iż-żewġ reliġjonijiet kbar fid-dawl tal-messaġġ ta’ Fatima.

Iżlam
It-tmien tal-Imperu Ottoman kien ifisser ukoll l-għibien ġeo-politiku tal-Iżlam mix-xena dinjija. Kien seklu iebes għall-Iżlam madwar id-dinja, bit-taqlib  li ġab miegħu il-Jiħadiżmu li effettwa mhux biss il-pajjiżi Iżlamiċi iżda lid-dinja kollha.

Kif qal il-Papa Franġisku waqt li kien qiegħed iżur l-Eġittu, il-kwistjoni tal-Iżlam issa hija fuq nett fl-agenda tad-dinja.

L-Arċisqof Amerikan Fulton J. Sheen kien qal: “Nemmen li l-Verġni Marija għażlet li tibda’ tissejjaħ bħala ‘L-Madonna ta’ Fatima’ biex turi sinjal ta’ tama għall-Musulmani wkoll, u bix-xewqa li huma, li lilha tant juruha qima, xi darba wkoll għad jagħrfu lil Binha wkoll.”

L-Arċisqof Sheen kien jemmen li l-Madonna meta dehret fil-Portugall, għażlet post b’ isem Musulman. Fatima huwa l-isem ta’ waħda minn ulied il-Profeta Muħammed. Fatima wkoll kien l-isem ta’ prinċipessa Musulmana li wara saret Kristjana li r-raħal fil-Portugall isemma għaliha. Sheer isostni li d-dehriet ta’ Fatima ma seħħewx biss għall-konverzjoni tar-Russja iżda anke biex turi mħabbitha lill-Musulmani.

Kattoliċi
Iċ-ċentinarju ta’ Fatima jista’ jitqies bħala avveniment Kattoliku għax jagħtina dawl fuq il-ħajja tal-Knisja fis-seklu XX.

Bħalma l-Papa Ljun XIII fetaħ u mexxa l-Ġublew tas-sena 1900 madwar id-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù, hekk San Ġwanni Pawlu II poġġa lil Fatima fil-qalba tal-Ġublew il-Kbir tas-sena 2000. Dan il-Papa mar ġewwa Fatima fejn ibbeatifika lil Franġisku u lil Ġjaċinta Marto, tnejn mit-tfal tad-dehriet. Dan il-vjaġġ huwa ta’ importanza kbira għaliex dik is-sena l-Papa għamel biss vjaġġi apostoliċi f’ pajjiżi bibliċi: l-Eġittu, il-Ġordan u Iżreal / Palestina, u  dan tal-Portugall. F’ Ottubru tas-sena 2000, Dan il-Papa Marjan, talab li l-istatwa tal-Madonna ta’ Fatima tinġieb minn ġewwa l-Portugall għall-Vatikan. Hemm huwa ħalla it-tielet millenju f’ idejn il-Qalb Imqaddsa ta’ Marija u wettaq mill-ġdid il-konsagrazzjoni tad-dinja kollha lill-Qalb Imqaddsa, dak li kien wettaq diġà fl-1984. Dan kollu seħħ skont ix-xewqa tal-Madonna meta dehret ġewwa Fatima.

Rigward id-devozzjoni Kattolika f’ dan is-seklu ta’ Faitma nistgħu nsemmu li dan kien immarkat b’ figuri ġodda, qaddisin li għexu fi żmienna, għexu magħna, qaddisin  li nafuhom. Dan is-seklu offra tliet figuri kbar ħafna li kienu devoti tal-Qalb bla tebgħa ta’ Marija.

San Massimiljanu Kolbe, ħafna qabel  ma ħa l-martirju ġewwa l-Kamp ta’ Konċentrament f’ Auschwitz, poġġa lill-Qalb blċ tebgħa ta’ Marija fiċ-ċentru tad-devozzjoni tiegħu. Huwa wkoll iddedika lil Marija il-kunvent Franġiskan li waqqaf, l-akbar kunvent fid-dinja f’ dak iż-żmien. Huwa semma l-fuljett li kien jippubblika “Il-Kavallier tal-Immakulata”, fuljett li kellu miljuni ta’ qarrejja.

San Ġwanni Pawlu II għażel bħala motto tal-Papat tiegħu il-kliem “Totus Tuus”, kollni kemm jien tiegħek. Dan il-kliem kien indirizzat lejn Marija Santissima. Dan kien il-Papa li nħeles mill-mewt vjolenti sewwasew skont il-messaġġ tal-Madonna ta’ Fatima.

Santa Tereża ta’ Kalkutta waqt li kienet qegħda tistenna l-approvazzjoni dwar il-ħsieb tagħha li twaqqaf il-Missjunarji tal-Karità, kitbet li hija lesta tagħmel ix-xogħol tal-Madonna ta’ Fatima ġewwa l-kerrejjiet. Meta Madre Tereża mietet fl-1997, indifnet taħt statwa tal-Madonna ta’ Fatima, devozzjoni li hija dejjem kellha li saħansitra ġegħlitha twaqqaf santwarju ċkejken iddedikat lill-Madonna ta’ Fatima. Dan għamlitu xi 50 sena qabel, meta kienet għadha soru ta’ Loretu.

Bla dubju ta’ xejn, il-beatifikazzjoni u issa anke l-kanonizzazzjoni ta’ Franġisku u Ġjaċinta Marto huma sinjali ta’ Knisja li tagħraf kemm Alla għadu jibgħat qaddisin fid-dinja minkejja kollox, minkejja l-ħafna ħażin li hawn fil-globu.  Tajjeb ngħidu li l-viżjunarji ta’ Fatima huma l-iżgħar persuni li kienu kkanonizzati li ma humiex martri.

Mitt sena wara d-dehriet u l-Knisja Kattolika qegħda tgħix fiż-żmien ta’ Fatima.

Tmiem
F’ dawn ir-riflessjonijiet trattajna l-messaġġ li l-Madonna tat lid-dinja mitt sena ilu, propju fl-1917. Ma dħalniex fid-dattall tal-messaġġ anzi ftit li xejn tajt dettalji dwar il-messaġġ għaliex lġ-iskop kien li naraw li dak li ntqal mill-Madonna ġara u kien jolqot lid-dinja kollha, lil kulħadd hu x’ inhu t-twemmin reliġjuż li jħaddan. Messaġġ ta’ mitt sena ilu li għadu attwali, anzi llum nistħgu nifhmuh aktar minn seklu ilu!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 27 ta' Mejju 2017




venerdì 19 maggio 2017

Messaġġ għad-dinja kollha

L-ewwel parti

Il-messaġġ li mitt sena ilu l-Madonna tat lid-dinja ġewwa Fatima fil-Portugall huwa messaġġ dinji li jekk wieħed jirrifletti sewwa fuqu jara li jgħodd għal kulħadd, ikun xi jkun it-twemmin tiegħu. Hawnhekk qiegħed noffrilkom riflessjoni dwar kif dan il-messaġġ laqat lill-Insara Ortodossi, lil-Lhud, lill-Musulmani u ovvjament lill-Insara Kattoliċi. Minħabba t-tul ta’ din ir-riflessjoni qed naqsam dan l-istudju f’ żewġ partijiet.

Daħla
Iċ-ċentinarju tad-dehriet ta’ Fatima jistedinna biex nagħtu ħarsa lura lejn is-sena 1917, sena li d-dinja qadima tat postha għal waħda ġdida, waħda aktar qattiela u qerrieda.

Id-deheriet tal-Madonna ta’ Fatima għandhom rabta ma’ San Ġwanni Pawlu II u r-rebħa paċfika li saret fuq il-komuniżmu. Meta taħseb dwar il-profeziji li ntqalu fuq l-ewwel u t-tieni gwerra dinjija tinduna kemm il-fatti ġewwa Fatima mhux ta’ min jinjorahom.

Dak li nistgħu nsejħulu  “Is-seklu ta’ Fatima” kien drammatiku mhux biss għall-Komuniżmu Sovjetiku.  Is-sena 1917 biddlet anke l-attitudni reliġjuża globali, kif fil-fatt għadha tinbidel sa issa. Id-dehriet ta’ Fatima ma kienux indirizzati lejn dawn it-tibdiliet kollha, iżda ġew fi żmien meta l-ġnus kollha bdew għaddejjin minn dan it-tibdil u bdew snin ta’ taqlib.

Il-Madonna dehret lil tfal rgħajja fl-istess sena li r-revoluzzjoni Bolxevista neħħiet lit-Tżar tar-Russja mis-setgħa. Il-Verġni Marija kellmet lit-tfal dwar il-konverżjoni tar-Russja u għalhekk naraw għaqda mal-ġlieda kontra l-Komuniżmu. Bl-attentat fuq ħajjet San Ġwanni Pawlu II fit-13 ta’ Mejju 1981, nifhmu l-kliem “Il-Qalb Immakulata tiegħi tirbaħ”. Dan il-kleim nifhmuh kemm-il darba noħduh f’ kuntest storiku.

Iżda kien hemm ħafna aktar  minn hekk għaddej fl-1917. Ikkunsidra l-impatt fuq il-post tar-reliġjonijiet fil-ħwejjeġ globali.

Ortodossi
Fil-tendenza ġdida li għadha sejra sal-lum, l-1917 immarkat il-bidu ta’ seklu katastrofiku għall-Ortodossi. Ir-Rivoluzzjoni Russa u l-introduzzjoni tal-ateiżmu totali kien il-bidu ta’ lejl mudlam fuq il-Knisja Ortodossa Russa, l-akbar mill-Knejjes Ortodossi kollha. F’ dik is-sena il-Patriarkat ta’ Moska kellu madwar 300 isqof. Kwart ta’ seklu wara dawn kienu jintgħaddu fuq is-swaba ta’ id waħda. Wara li Hitler invada r-Russja f’ Ġunju 1942, Stalin xtaq jerġa’ jqajjem il-Knisja Ortodossa Russa bħala fergħa tal-Istat Kominista. Il-Komuniżmu spiċċa mir-Russja imma l-Knisja Ortodossa, fl-aktar pajjiż importanti għaliha, għadha titqatel mal-Kremlin.

Sadanittant, l-ewwel gwerra dinjija rat ukoll it-tmiem tal-Imperu Ottoman, il-Kalifat Iżlamiku kbir li kellu l-għeruq tiegħu f’ Istanbul – Kostantinopli, is-sede primarja tal-Knisja Ortodossa. Wara l-Imperu rajna l-qawmien tal-istat sekulari Tork u l-Knisja Ortodossa, fil-belt kapitali tal-istorja tagħha, bdiet titnaqqar.
Rivoluzjoni Bolxevista

Il-libertà tal-Patriarkat ta’ Kostantinopli li jmexxi lilu nnifsu, jikkontrolla dak kollu li jippossedi, iżomm is-seminarji u jaħtar il-mexxejja tal-Knisja bdiet tkun restritta. Illum in-numru ta’ Nsara Ortodossi f’ Kostantinopli huwa ta’ ftit eluf, iżgħar minn parroċċa moderna Ewropea jew Amerikana.
Minħabba l-pressjoni li l-istati għamlu fuq Moska u Kostantinopli, il-Knisja Ortodossa kellha tissielet biex tibqa’ ħajja tul is-seklu tad-dehriet ta’ Fatima. Il-konverżjoni tar-Russja li tissemma’ tassew hija marbuta mal-waqa’ tal-Komuniżmu Sovjetiku, iżda l-konverżjoni sħiħa sseħħ biss meta l-Knisja Ortodossa Russa terġa’ jkollha l-identità bħala l-pulmun tal-Lvant tal-Knisja universali.

Ġudaiżmu
Il-messaġġ ta’ Fatima ma kien immirat lejn dik li fl-1917 kienet magħrufa bħala “Il-Kwistjoni Sijonista”, iżda s-seklu ta’ Fatima kien mill-aktar drammatiku għall-poplu Lhudi. Sa ċertu punt il-messaġġ ta Fatima jitkellem dwar taqlib u paċi u hawn nistgħu naraw il-qagħda tal-Lvant Nofsani fid-dawl ta’ dan il-messaġġ u naraw kemm huwa relavanti.

Waqt li l-Imperu Ottoman kien qed jitmermer, fl-1916 il-Gran Britannja u Franza temmew il-ftehim magħruf bħala Sykes-Picot li fassal il-fruntieri tal-Lvant Nofsani u ħoloq xi stati Għarab ġodda. Illum dan il-ftehim ma għadux jgħodd għax erba’ stati li kienu protagonisti fil-ftehim ma għadhomx jiffunzjonaw sewwa: Is-Sirja, l-Iraq, il-Libja u l-Jemen. Ma nafx kemm dawn il-pajjiżi jistgħux xi darba jerġgħu lura għal li kienu.

Fil-kuntest ta’ Lvant Nofsani wara l-Imperu Ottoman, fl-1917, l-Ingliżi  ħarġu bid-dikjarazzjoni msejħa “Balfour”. Arthur James Balfour, segretarju għall-affarijeit Barranin tar-Renju Unit fi ftit kliem kiteb u wera l-possibiltà ta’ pajjiż għal-Lhud ġewwa l-art ta’ Iżrael. Dan kien ifisser ir-ritorn lejn Sion u r-ritorn tas-Sijoniżmu.

Wara 18-il seklu li fihom il-Lhud għexu mxerrdin, ir-ritorn tagħhom lejn Stat Lhudi fl-art antika ta’ Iżrael ma jistax jitqies biss bħala mossa ġeo-politika iżda hija wkoll fenomenu reliġjuż.

Kampijiet ta’ konċentrament
L-istat ta’ Iżrael kien jonqsu madwar 30 sena biex jitwaqqaf mill-Ġnus Magħquda wara li l-poplu Lhudi għadda minn wieħed mill-agħar żmien tal-istorja tiegħu – il-qerda fil-kampijiet ta’ konċentrament waqt it-tieni gwerra dinjija. It-tentattiv tal-qerda tal-Ġens Lhudi mill-Ewropa fuq naħa u l-wegħda tar-ritorn lejn l-art li tahom Abraham fuq naħa oħra, kienu jfissru li dak li nkiteb fil-Bibbja snin twal qabel, kien attwali, kien l-aħbarijiet ta’ dak iż-żmien. Ħamsin sena wara d-dikjarazzjoni Balfour seħħet il-gwerra ta’ sitt ijiem fl-1967 li fissret li l-Lhud reġgħu kienu ħielsa li jmorru Ġerusalemm u jitolbu mal-ħajt tal-bikkejja.

Il-kwistjoni bejn l-Għarab u l-Lhud kienet problema kbira għat-tiftix tal-paċi dinjija għal parti kbira mis-seklu ta’ Fatima. Mhux lakemm tasal tagħti tweġiba, imma nemmen li l-Providenza qegħda tikteb ktieb ġdid fl-istorja tal-Poplu Lhudi.

Dan l-argument jissokta. Darba oħra naraw dan il-messaġġ kif laqat id-dinja Musulmana u dik Kattolika.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 20 ta' Mejju 2017