Din is-sena taħbat il-mitt sena mill-mewt taċ-ċkejken Franġisku Marto, ħu
Ġjaċinta li flimkein ma’ kuġinithom Luċija Dos Santos kienu dawk li fl-1917
kellhom dehriet mill-Madonna ġewwa Cova da Iria qrib ir-raħal ta’ Fatima
fil-Portugall. Xieraq li nkunu nafu xi ħaġa dwar dan il-qaddis ċkejken.
Ftit tagħrif
Franġisku twieled nhar il-11 ta’ Ġunju tas-sena 1908 ġewwa r-raħal żgħir
ta’ Aljustrel fil-periferija ta’ Fatima. Missieru kien Emanuel Pietru Marto u
ommu kienet Olimpja di Ġesù. Franġisk kien l-iżgħar tifel tal-familja, warajh
kien hemm oħtu Ġjaċinta li kienet kważi sentejn iżgħar minnu. Bħal ħuthom ta’
qabilhom dawn kienu jieħdu ħsieb il-merħliet tal-familja flimkien ma’
kuġinithom Luċija. Kienu tfal komuni, sewwasew bħat-tfal l-oħra tal-Portugall
kollu, tfal ta’ ftit skola. Skont dak li kitbet dwaru kuġintu Sor Luċija,
Franġisku kellu natural kalm ħafna, kien inklinat għall-mużika u jħobb joqgħod
għalih waħdu jaħseb. Anke biex jitlob, jingħad li kien jippreferi jitlob waħdu
milli mal-oħrajn.
Franġisku, flimkien ma’ oħtu u kuġintu kellhom dehriet mill-anġlu matul
is-sena 1916 u dawn l-istess tfal kellhom sitt dehriet mill-Madonna bejn it-13
ta’ Mejju u t-13 ta’ Ottubru tas-sena ta’ wara ġewwa Cova da Iria f’Fatima,
fejn kienu jirgħu l-merħliet tal-familji tagħhom. Mhux l-iskop tiegħi li nirrakonta
dak li seħħ ġewwa Fatima għax nemmen li ħafna minna jafu sewwa dik l-istorja.
Jingħad li Franisku ġieli skarta l-iskola biex imur fil-knisja tar-raħal
quddiem is-sagrament. Fit-tabernaku kien jgħid li hemm Ġesù moħbi u hemm kien
jgħaddi bosta ħin minkejja ċ-ċokon tiegħu. Jingħad li darba ra ħabib tiegħu li
kien għadu kif qabad għasfur ċkejken. Franġisku tant tħassar li dak l-għasfur
li daħħal idu fil-but u ħareġ il-ftit muniti li kellu, tahom lil dak it-tifel u
ħa l-għasfur u telqu jittajjar ħieles.
Marda qerrieda
Fl-1918 madwar id-dinja nxterdet il-marda kiefra msejħa l-Influwenza
Spanjola. Din il-marda laqtet madwar ħames mitt miljun persuna, mhux biss
fl-Ewropa imma anke f’pajjiżi mbegħda u remoti fil-Paċifiku. Bejn ħamsin u mitt
miljun ruħ mietu kawża ta’ din l-influwenza. Din kienet waħda mill-agħar
diżastri naturali li qatt seħħew fl-istorja tal-bniedem, fejn bejn tlieta u
ħamsa fil-mija tal-popolazzjoni tad-dinja mietet minħabba din il-marda. L-akbar
numru ta’ mejtin kienu tfal u xjuħ. Fost il-vittmi kien hemm tnejn mit-tlett
itfal li raw il-Madonna ġewwa Fatima, l-aħwa Franġisku u oħtu Ġjaċinta Marto. Il-familja
Marto, għajr il-Missier, kollha mietu b’din l-imxija fatali. Franġisku miet fl-4
ta’April 1919 meta lanqas kien għadu għalaq il-ħdax-il sena. Jum qabel mewtu huwa
għamel l-ewwel tqarbina, ħaġa li kien ilu jixtieqha ħafna.
Lejn il-qdusija
Minħabba l-età żgħira ta’ Franġisku, kif ukoll ta’ oħtu, kien hemm min
tħasseb dwar il-virtù erojċi li setgħu kellhom dawn it-tfal ċkejknin u għalhekk
il-kawża għall-beatifikazjoni ħadet fit-tul. Dan kien għall-ħabta tas-sena 1937
fi żmien il-Papa Piju XI. Kien hemm membri fil-Knisja li rraġunaw li bħalma
hawn tfal li juru li jkunu ġenji f’xi qasam tal-arti bħall-mużika jew xi qasam
ieħor, hekk ukoll Franġisku u allura oħtu Ġjaċinata wkoll, setgħu wrew
spiritwalità ogħla minn dik normali fi tfal ta’ mparhom. Il-Papa San Ġwanni
Pawlu II sejħilhom Venerabbli fl-1989 u fit-13 ta’ Mejju tas-sena 2000 kienu
ddikkjarati Beati. Fil-mitt anniversarju mill-ewwel dehra, nhar it-13 ta’ Mejju
tas-sena 2017 dawn it-tfal kien ddikkjarati qaddisin mill-Papa Franġisku.
Miraklu
Forsi ftit jafu x’kien il-miraklu li wassal lil Franġisku Marto
għall-qdusija. Immorru fil-Brażil u hemm insibu l-familja ta’ Ġwann Battista u
martu Lucilja Yurie. Fit-3 ta’ Marzu 2003 binhom Lucas kien qed jilgħab ma’
oħtu Edwarda meta waqa’ minn għoli ta’ madwar 7 metri. It-tifel weġġa’ gravi u
kien f’koma. Ittieħed l-isptar imma t-tobba ftit raw tama li ċ-ċkejken Lucas
jeħlisha. Missieru mar f’kunvent tas-sorijiet biex jgħidilhom jitolbu għal
ibnu, imma s-sorijiet kienu qegħdin irtir u ħadd ma wieġbu. Sadattant il-qagħda
tat-tifel ċkejken kienet sejra għall-agħar. Il-missier reġa’ mar iħabbat
il-bieb tas-sorijiet jumejn wara u dakinhar waħda soru meta semgħet l-istorja
marret iġġib ir-relikwa tal-Beati ta’ Fatima u talbet fuqha biex dan
iċ-ċkejken, bħall-beati, ifieq.
Fid-9 ta’ Marzu, sitt ijiem wara l-inċident Lucas ġie f’tiegħu u l-ewwel ma
għamel staqsa għal oħtu. Xi jiem wara huwa kien imfejjaq għal kollox kontra dak
li ħasbu t-tobba. Ma damx wisq ma reġa’ kien id-dar tal-ġenituri tiegħu. Ommu u
missieru kif ukoll dawk li jafuh kollha jemmnu li dan it-tifel inħeles minn
mewt ċerta bl-għajnuna tal-beati ta’ Fatima.
Illum il-festa ta’ San Franġisku Marto ssir fl-4 ta’ April, jum il-mewt
tiegħu li seħħet mitt sena ilu. F’Malta għandna relikwija tiegħu fis-santwarju
tal-Madonna ta’ Fatima f’ Tal-Pietà.
Fr. Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 31 ta' Awwissu 2019
Nessun commento:
Posta un commento