Visualizzazione post con etichetta kultura. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta kultura. Mostra tutti i post

venerdì 20 ottobre 2017

Graffiti

Meta nkunu barra minn Malta bosta drabi naraw ħitan sħaħ mimlijin żebgħa, disinnji u kliem li ġieli jagħmel sens u ġieli għalina ma jkunx jagħmel sens. L-aktar li naraw minn dawn il-graffiti huma f’xi stazzjon tal-ferrovija, l-aktar jekk inkunu lejn in-Nofsinhar tal-Italja. F’xi postijiet il-ħitan ma jservux u għalhekk il-vaguni tal-ferrovija jispiċċaw it-tila għal dawn l-artisti.

F’pajjiżna
F’xi knejjes antiki tagħna għadna nsibu xi graffiti. Mhux kitbiet biż-żebgħa bħalma nsibu fl-istazzjonijiet tal-farrovija. Il-graffiti antiki huma minquxin fil-ġebel. Dawn bosta drabi juru xwieni u kienu saru bħala radd ta’ ħajr lil Alla wara li xi baħrin ikunu ħelsu mill-għarqa. Dan il-grif mal-ħajt jibqa’ xhud ta’ dik il-grazzja.

Kien hemm żmien li bosta kienu jnaqqxu isimhom fuq xi ħajt jew xi zokk ta’ sigra. Dan ma huwiex arti imma vandaliżmu. Illum jidher li din il-ħaġa ma għadniex narawha daqs qabel. Forsi l-Maltin saru aktar konxji. Jalla li huwa hekk!

Xi snin ilu faċċata tal-istage tal-linja tal-Bombi, fejn jieqfu l-karozi tal-linja li jgħaddu mill-Imsida, kien hemm kitba interessanti li damet ftit hemmhekk. Din kienet tgħid hekk: The world is full of kings and queens that blind your eyes and steal your dreams. Forsi hawn min ma jafx li din ma hija xejn għajr silta mid-diska Heaven And Hell tal-grupp mużikali Black Sabbath. Din il-kitba tneħħiet iżda dehret mill-ġdid fi triq li twasslek lejn l-Università ta’ Malta. F’dan l-istess post darba kien hemm kitba li tgħid: The people get the government they deserve. Din ukoll ma hijiex sentenza ġdida għaleix kienet użata minn Alexis de Tocqueville, politiku Franċiż tas-seklu XVIII, minn Joseph de Maistre, filosofu, kittieb u avukat tal-istess seklu, kif ukoll minn għadd ta’ oħrajn.

Verità
Dawn iż-żewġ sentenzi huma veritajiet, imma biex nuru dawn il-veritajiet hemm bżonn niktbuhom fuq il-ħajt? Il-ħitan li saru fuqhom ma humiex spażji fejn isiru kitbiet fihom.

La qed insemmu l-ispażji fejn wieħed jista’ jesprimi dak li jaħseb billi jikteb jew ipinġi mal-ħajt, tajjeb wieħed isemmi li hawn Kunsilli Lokali li joffru spażju għal din il-ħaġa. Naf li f’ nofs il-Fgura hemm erba’ ħitan fejn isir fuqhom dan ix-xogħol. Nemmen li hemm regola u mhux kulħadd jista’ jaqbad u jpinġi jew jikteb li jrid. Snin ilu l-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ kien offra spażji lill-artisti tar-raħal biex dawn ikunu jistgħu juru ħilithom. Illum ma jidhirlix li fadal minn dawn l-ispażji.

Kultura tagħna
Ikollna nammettu li dawn il-kitbiet jew tpinġijiet ma humiex fil-kultura tagħna, u nistqarr li personalement narahom jistonaw mal-ambjent Malti.

F’Borgo Pio qrib il-Vatikan ġewwa Ruma, spiss jinbtu xi graffiti. Aktar min darba deher il-Papa Franġisku fihom. Ngħid id-dritt huma graffiti ħelwin imma li jitneħħew wara ftit għaliex ma jaqblux mal-ambjent tal-belt eterna!

U l-istess Malta. Bosta xhur ilu fil-Belt Valletta dehru għadd minn dawn id-disinnji li tabilħaqq kienu ħelwin. Ma damux wisq ma tneħħew għax wara kollox ma jaqblux mal-belt mibnija mill-Kavallieri. Hawn ma nistax ma ngħidx li hemm bosta aktar ħwejjeġ li ma jaqblux mal-ambjent tal-Belt Valletta li ħadd qatt ma gerger dwarhom!

Issa ftit ilu dehru xi tpinġijiet fuq il-blat fil-bajja tax-Xlendi Għawdex. Dan il-fatt ġab ir-rabja ta’ bosta Maltin. Jien nifhem ir-rabja ta’ dawn il-Maltin li ma raw xejn sabiħ f’dak li ħaddieħor għadnu mnejn jaraha opra tal-arti. De gustibus non disputandum est, hekk jgħid il-Latin, dwar il-gosti ta’ dak li jkun ma naqbdux argumenti għax ma naqblux żgur għax min iħobb ħaġa u min iħobb oħra.

Imma ejjew inħallu barra l-valur artistiku ta’ dawn il-graffiti u nistaqsu lilna nfusna: huwa sewwa li naqbdu bott żebgħa u niktbu jew inpinġu dak li rridu f’post pubbliku? Huwa sewwa li dak li għalija huwa sabiħ inpoġġih quddiem għajnejn ħaddieħor u jrid jew ma jridx ikollu jitqanna bih? Biex dan it-taħżiż, anke jekk ikun sabiħ kemm hu sabiħ, jitneħħa jinvolvi spejjeż. Imbagħad hemm fejn tkun saret ħsara bħal fil-każ tax-Xlendi. Allura hekk sewwa?

Iż-żewġ każi li semmejt, kemm tal-Belt kif ukoll tax-Xlendi, saru minn barranin. Jekk din il-forma ta’ arti ma hijiex aċċettata f’Malta dan għadnu jinkiteb fuq poster kbir ġewwa s-sala tal-wasliet fl-ajruport ta’ Malta għaliex minn hemm irid jgħaddi kulħadd, hemmhekk naraw bosta avviżi, l-aktar fejn jidħol il-mard infettiv u s-saħħa, għaliex  ma għandux isir xi ħaġa simili dwar dan il-ħaġa u b’hekk nevitaw bosta nkwiet wara?


Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 21 ta' Ottubru 2017


sabato 6 giugno 2015

Ġejja l-banda

Il-benniena tal-kultura mużikali f’ Malta

Bla ebda dubju, l-akbar għajn ta’ kultura mużikali f’ Malta hija l-każin tal-banda. Dan ma jfissirx li il-każini tal-banda huma l-uniċi postijiet fejn tiġi pprattikata l-arti mużikali f’pajjiżna, għaliex għandna l-orkestra nazzjonali, għandna orkestri oħrajn li jieħdu sehem f’ ċelebrazzjonijiet varji, għandna gruppi mużikali li xi żmien ilu kienu aktar popolari mil-lum u kont issibhom f’ kull restaurant f’ Malta. Iżda l-akbar numru ta’ mużiċisti narawh dejjem fil-baned. Bosta drabi jkunu l-baned li jwelldu l-imħabba lejn il-mużika u fi ħdanhom bosta jibdew l-ewwel tagħlim mużikali tagħhom. Dan huwa wirt kbir.

Baned
Bla ebda dubju, l-attività ewlenija ta’ kull banda Maltija hija l-festa li magħha tkun marbuta dik il-banda partikolari. Il-festi Maltin huma kkaratterizzati bl-attivitajiet li jsiru fit-toroq u l-pjazzez tal-belt jew raħal. Il-banda hija sinonimu mal-festi ta’ barra. L-ewwel għamla ta’ banda fil-purċissjonijiet tagħna jmorru lura għas-seklu XVI. Dawn kienu jkunu daqqaqa ta’ tanbur u fifra.  Meta Malta kienet kolonja tar-Renju Unit ġieli kien ikun hawn xi baned militari f’ pajjiżna u dan nissel ix-xewqa li aħna wkoll ikollna l-baned tagħna. Bdew jitwaqqqfu baned żgħar, aktarx gruppi mużikali b’madwar għaxra min-nies imma lejn l-aħħar deċenji tas-seklu XIX dawn il-gruppi bdew aktar jorganizzaw irwieħom sabiex twaqqfu l-ewwel soċjetajiet filarmoniċi. Kienet moda li l-għaqda mużikali tissemma għal xi persuna politika prominenti tal-passat u għalhekk insibu l-baned imsemmija għall-Gran Mastri, L’ilse Adam, La Vallette, Vilhena, Pinto, Rohan, De Paole. Oħrajn għal nies fl-Imperu Brittaniku bħal Queen Victoria, King’s Own, Queen’s Own, Prince of Wales, Duke of Conaught, Imperial u sa ftit snin ilu Prince of Edinbugh. Imma l-ikbar numru ta’ baned Maltin iġibu l-isem tal-qaddis jew qaddisa patruna tal-parroċċa.

Mhux tat-titular biss
Għandna każi fejn baned ma humiex involuti fil-festa parrokkjali imma huma l-baned tal-festa sekondarja li toħroġ mill-parroċċa. Għandna mbagħad parroċċi b’ aktar minn banda waħda li jieħdu sehem fl-istess festa. Għandna realtà oħra fejn baned kienu mwaqqfin għal festa li ssir fi knisja konventwali li ma hijiex parroċċa. Għandna każ fejn banda twaqqfet f’parroċċa u bit-twaqqif ta’ parroċċa ġdida sabet ruħha fil-konfini tal-parroċċa ġdida u għalhekk biddlet il-qaddis patrun tagħha. It-twaqqif ta’ baned ġodda ma waqafx u sa llum insibu baned li għadhom fil-bidu tal-ħajja tagħhom.
Nistgħu ngħidu li kull banda Maltija tistenna l-ġimgħa tal-festa sabiex toffri lill-pubbliku mhux biss il-marċi imma wkoll il-programm mużikali fuq il-planċier. Bosta drabi dawn il-programmi jsiru lejlet il-festa, imma hemm każi fejn isiru fl-aħħar jum tat-tridu. Dan il-programm huwa l-post fejn wieħed jista’ jitpaxxa b’ siltiet mużikali  mhux biss lokali imma anke dawk internazzjonali. Xi drabi f’ dawn il-programmi jieħdu sehem anke kantanti jew korijiet. Huma l-parti “gala” tal-festa tagħna, huma s-serati li juru t-talenti tal-mużiċist Malti.

Għaqda Każini tal-Banda
Fl-1947 twaqqfet l-Għaqda Każini tal-Banda biex torganizza aħjar lil dan is-settur lokali li joffri opportunità fejn wieħed jista’ jiżviluppa t-talenti mużikali tiegħu. Kull sena din l-għaqda tieħu ħsieb torganizza l-festa ta’ santa Ċeċilja, qaddisa patruna tal-mużika u l-mużiċisti. Din issir fix-xahar ta’ Novembru u ssir kemm f’ Malta kif ukoll f’ Għawdex. F’ Malta wara li tkun iċċelebrata quddiesa, jsir marċ minn waħda mill-baned membri fl-għaqda. F’ Għawdex issir il-quddiesa imma ma jsirx marċ. Mhux il-baned Maltin kollha huma imsieħba f’ din l-għaqda iżda 95% tal-għaqdiet mużikali huma membri.

Nisa fil-banda 
Sas-snin sebgħin tas-seklu li għadda il-każin tal-banda kien il-post tar-raġel. Bandisti kienu kollha maskili sakemm il-Banda San Ġorġ Martri ta’ Ħal Qormi ħarġet l-ewwel bandisti tfajliet. Illum il-mara sabet postha mhux biss bħala bandista imma bosta għaqdiet tal-Banda għandhom fi ħdanhom fergħa għan-nisa li jaħdmu biex jiġbru fondi b’risq l-għaqda u jagħtu wkoll sehem fiż-żamma tal-każin. Mhux hekk biss imma llum insibu baned li għandhom mara bħala President. Donnhom il-Qriema dejjem fl-avangwardja għax il-Banda Anici ta’ dan ir-raħal għandha mara bħala President.

Attivitajiet mhux mużikali
Illum il-baned ma għadhomx attivi biss fil-jiem tal-festa. L-ewwel ħaġa biex jinġabru l-flus għas-servizzi li jsiru fil-festa jkollhom isiru attivitajiet is-sena kollha u t-tieni ħaġa hi li llum il-każini tal-banda saru għaqdiet soċjali. Isiru wkoll għadd ta’ attivitajiet ta’ benefiċenza organizzati minn dawn is-soċjetajiet. Il-każini huma l-benniena tal-mużiċisti Maltin, imma mhux biss, huma jagħtu opportunità fejn bosta jistgħu jiżviluppaw it-talenti kulturali tagħhom anke jekk ma jkunux talenti mużikali. Hija ħasra li xi kultant jiġru xi inċidenti li jitfgħu dell ikrah fuq dawn is-soċjetajiet imma 99% tal-każi, dawn l-inċidenti ma jsirux ħtija ta’ membri tal-każin imma minn min qatt ma jkun jersaq lejn is-soċjetà.

Dan huwa parti mill-wirt kulturali ta’ pajjiżna għalhekk tajjeb nibżgħu għalih sewwa.


Fr Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 6 ta' Ġunju 2015