Visualizzazione post con etichetta purċissjoni. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta purċissjoni. Mostra tutti i post

venerdì 19 giugno 2026

Elementi tal-Festa Maltija

Wasal Ġunju u dalwaqt jgħaddi wkoll, u għalhekk waslu il-jiem marbutin mal-festi tradizzjonali li jsiru fl-ibliet u l-irħula tagħna l-Maltin. Dwar dawn il-festi hemm ħafna x’wieħed jgħid, fosthom li hawn min jgħix is-sena kollha għall-festa u hawn imbagħad oħrajn li jieħdu qatgħa malli jisimgħu l-ewwel murtal. Hu x’inhu, tħobbhom jew ma tħobbhomx, minn l-aħħar ta’ Mejju jew il-bidu ta’ Ġunju sa Settembru jew il-bidu ta’ Ottubru f’pajjiżna jkun għaddej l-istaġun tal-festi.

Elementi ta’ ġewwa

Bħal kollox, il-festa Maltija fiha elementi li jsawruha, elementi li mingħajrhom ma tkunx festa kompluta. Prinċipalment il-festa tar-raħal hija avveniment reliġjuż, biss dan il-fatt spiss jintesa u jsir aktar enfasi fuq dak li jseħħ fit-toroq milli dwar dak li l-aktar huwa importanti fil-festa.

Il-ġimgħa tal-festa tibda bil-ħruġ tal-vara min-niċċa. Din wara sena msakkra terġa’ tinħareġ ftit għall-arja biex titgawda. Mhux l-għan tiegħi li nsemmi xi festi partikolari, imma ngħid biss li l-ħruġ tal-vara minn ġewwa n-niċċa hawn festi li jattendu għalih nies daqs kemm jattendu għall-purċissjoni. Element ieħor tal-ġimgħa tal-festa huma it-tlett ijiem tat-tridu. Dawn għandhom l-għan li fihom isiru prietki minn saċerdot mistieden biex il-parruċċani jagħrfu l-virtujiet li bihom kien imżejjen il-qaddis patrun tar-raħal. Hawn kultant tħoss uġigħ ta’ qalb, tara knisja armata sa snienha, predikatur li jkun fittex li jħejji prietka mill-aqwa biex imbagħad ikun hemm knisja kważi vojta. Mhux l-istess isir fil-marċ, hemm ikun hemm folla mhux ħażin! Ara l-knisja fil-jiem tat-tridu, inħalluha għal dawk ix-xjuħ li wara l-funzjoni jmorru lejn darhom għax issa ma għadhomx imorru jaqbżu mal-banda!Iżda ngħid ukoll li hawn festi fejn il-knisja tkun mimlija wkoll. Imbagħad hemm it-Te Deum, li normalment kien isir fil-jum tas-Sibt filgħodu. Minħabba n-nuqqas ta’ attendenza, llum hawn festi li qed jagħmluh il-Ġimgħa filgħaxija. Personalment nippreferi s-Sibt filgħodu, imma aħjar hekk milli ma jsir xejn. Is-Sibt ukoll issir it-transulazzjoni tar-relikwija tal-qaddis jew qaddisa u hekk uffiċjalment jibda l-jum tal-festa. Imbagħad jisbaħ il-Ħadd, filgħodu l-quddiesa tal-festa u tard waranofsinhar l-Għasar Solenni u l-purċissjoni bl-istatwa tal-qaddis jew qaddisa.

Dan huwa bejn wieħed u ieħor il-programm tal-knisja fil-festa Maltija. Jiena ħadt tip ta’ festa li tkun iċċelebrata l-Ħadd għax fl-istaġun tal-festi Maltin hemm festi li jiġu ċċelebrati fost il-ġimgħa fil-jum liturġiku tal-festa tal-qaddis jew qaddisa u hemm festi oħra li l-programm tagħhom ikun xi ftit differenti minn dan li ktibt jiena.

Elementi ta’ barra

Jekk fil-jiem tal-festa l-knisja tkun armata sa snienha, l-istess nistgħu ngħidu għat-toroq tal-parroċċa. Illum fil-jiem tal-festi tagħna nkunu nistgħu ngawdu bosta opri artistiċi mill-aqwa; xogħol ta’ pilandri u trofej, kolonni, statwi, xogħol ta’ ħjata ta’ pavaljuni, bandalori u bnadar, kollha fuq disinn inħażżeż minn artist Malti, li jkollna ngħiduha kif inhi, illum hawn minn dawn l-artisti li tabilħaqq huma ta’ livell. Ma’ dawn jidħol ħafna xogħol ieħor, bħall-irħamar tal-pilandri u armar ieħor u xogħol ieħor li ma jidhirx, bħal xogħol ta’ ħadid u xogħol tad-dawl. Insomma fi ftit kliem nistgħu ngħidu li fil-jiem tal-festa t-toroq tagħna jinbidlu f’vetrina ta’ artiġjanat u ta’ volontarjat, għax bosta mix-xogħol li naraw ikun sar matul is-sena minn numru ta’ volontiera.

Element ieħor li nsibu fil-festa esterna hija l-mużika. Għal kull soċjetà mużikali, il-ġimgħa tal-festa hija l-aktar waħda impenjattiva. Normalment isiru għadd ta’ marċi matul il-ġimgħa filgħaxija u s-Sibt jew il-Ħadd filgħodu, imma l-akbar impenn żgur li jkun il-programm mużikali ta’ fuq il-planċier. Mal-ħoss tal-mużika jingħaqad il-ħoss tan-nar. Nemmen li fost l-aktar kritika li jaqilgħu l-festi tagħna tkun minħabba l-eseġerazzjoni fil-logħob tan-nar. Wisq nibża’ li dan jiġri minħabba l-ħoss qawwi kif ukoll minħabba li dawn il-ħsejjes idumu wisq. Sa fejn naf jien hemm liġi f’Malta li kull storbju jrid jieqaf fil-ħdax ta’ bil-lejl. Ma jidhirlix li din il-liġi xi darba tneħħiet imma nemmen li tpoġġiet fuq l-ixkaffa. Jiġi mill-organizzaturi tal-festa li jiġi irrispettat dan il-ħin.

Tal-qubbajd u tal-hotdogs

Ħa ngħidha kif inħossha, festa fejn ma ssibx lil tal-qubbajd u l-gabbana tal-hotdogs naraha festa mhux kompluta b’kollox. Jista’ jkun li nħoss dan is-sentiment għax fi tfuliti tal-qubbajd u tal-hotdogs kienu l-uniċi bejjiegħa fil-festi tagħna. Mhux bħal-lum issib minn kollox, fi tfuliti tixtri hotdog u flixkun luminata, li kienu jiswew 5 ċenteżmi, u forsi jekk tkun il-każin tal-banda tixtri sandwich bil-butir mielaħ u l-perżut. Il-bqija ma kont issib xejn aktar. Nammetti li meta llum inkun f’xi festa u nara xi gabbana mill-antiki (jekk fadal xi waħda) jew xi mejda tal-quddajd, tiġini nostalġija kbira għal snin tfuliti.

Li ma kienx hemm żgur fil-festi ta’ tfuliti kienu l-parties li jsiru llum, li ngħid id-dritt ma naqbel xejn magħhom, imma mhux billi ngħid jien. Biss nistaqsi mistoqsija dwar dawn tal-aħħar, allura issa li l-festa Maltija hija ddikjarata bħala wirt intanġibbli, dawn il-parties jagħmlu parti minn dan il-wirt ukoll?

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 20 ta' Ġunju 2026



venerdì 8 marzo 2019

Tħejjijiet għall-akbar ġrajja


Għadna kemm bdejna ż-żmien tar-Randan, żmien li l-Knisja tpoġġi quddiemna biex nitħejjew għal żmien tal-Għid il-Kbir. Dan iż-żmien jiena nqisu bħal munita b’żewġt uċuħ li minkejja li huma marbutin ma’ xulxin u għandhom x’jaqsmu ma’ xuxlin, bħalma ż-żewġt uċuħ tal-munita huma tal-istess oġġett, madanakollu huma differenti. It-tħejjijiet għall-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir għandhom ukoll żewġt uċuħ, il-wiċċ tal-fidi u dak tal-kultura. Ejjew illum niffukaw biss fuq il-parti kuluturali u tradizzjonali ta’ dan iż-żmien.

Mid-dar
Anke fid-djar tagħna hemm xi affarijiet li jibdew jindikaw li dan huwa żmien differenti. Minkejja kollox, fil-maġġoranza tad-djar Maltin għadna nsibu xi xbieha tad-Duluri jew ta’ Kristu msallab. X’aktarx li matul dawn il-ġimgħat dawn isibu rwieħom f’xi post promineneti fid-dar b’xi xemgħa quddiemhom. Dak li jkun jinduna li dan huwa żmien ta’ tħejjija anke minn din id-drawwa sabiħa. Iżda mhux dan biss, forsi dari aktar mil-lum, anke l-kċina kienet turi li qegħdin fir-Randan. Id-drawwa li nhar ta’ Ġimgħa ma jittiekilx laħam hawn min iżommha matul is-sena kollha imma hawn min jagħmel dan il-ġest matul ir-Randan biss. Hawn min ma jiekolx ħelu tul ir-Randan kollu. Insomma llum hawn min la jduq laħam u lanqas ħelu mhux bi skop reliġjuż imma għax huwa l-istil ta’ ħajja tiegħu.

Il-kċina Maltija matul ir-Randan għandha riċetti tabilħaqq tajbin imma ejjew insemmu biss ftit li ma jsirux fi żmien ieħor matul is-sena. Il-kwareżimal ma ssibux jekk mhux fir-Randan. Dan il-ħelu huwa tabilħaqq tajjeb bla ma trid meta tarah tidħol taż-żmien tal-Ġimgħa l-Kbira. L-istess ngħidu għall-karamelli tal-ħarrub. Lejn tmiem ir-Randan fil-kċina tagħna jitħejjew il-figolli li huma l-ħelu tradizzjonali għall-Għid il-Kbir u li ma ssibhomx lanqas matul is-sena. Dan huwa żmien it-tħejjija għal dan l-ikel.

Wirjiet
Illum f’pajjiżna saru jittellgħu bosta wirjiet marbuta mal-Ġimgħa l-Kbira. Dawn jinfetħu lejn l-aħħar ġimgħa tar-Randan imma t-tħejjija għalihom tkun ilha li bdiet nistgħu ngħidu mis-sena ta’ qabel. Biss matul ir-Randan dawn il-preparamenti jilħqu l-qofol tagħhom u nibdew naraw aktar attivitajiet fis-swali, fir-remissi jew f’postijiet oħra li jiftħu bwiebhom biex il-poplu jidħol jara xi jkun tħejja. Kemm żgħażagħ u anke dawk ta’ età akbar jinvolvu ruħom f’dawn it-tħejjijiet. Il-wirjiet li nistgħu naraw illum f’pajjiżna ma nistgħux ngħidulhom tad-dilettanti imma tal-professjonisti. Minbarra l-eluf ta’ ewro li jintefqu fihom wieħed jista’ jara l-ħila ta’ bosta Maltin hekk imsejħin “dilettanti”.

Knejjes
F’dawk il-knejjes li minnhom toħroġ il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira issa nibdew naraw attività akbar minn tas-soltu. Issa jibdew joħorġu l-vari ġimgħa wara ġimgħa. Ir-reffiegħa jibdew iħejju u jaraw xi jkun meħtieġ għar-refgħ’ ta’ din is-sena. Elf preparament.

Imma l-attività ma nsibuhiex biss f’dawk il-knejjes li għandhom purċissjoni, fl-oħrajn xorta waħda ssir bidla. Bosta parroċċi llum jagħmlu xi pellegrinaġġ b’xi statwa, aktarx tar-Redentur. Qabel il-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa minn kull parroċċa toħroġ il-purċissjoni tad-Duluri. Dawn ukoll iridu t-tħejjija tagħhom, U l-knisja mhux dan biss għandha, fir-Randan isiru l-eżerċizzi u l-prietki u hemm minnhom jintramaw bid-damask. Huma bosta dawk il-parroċċi li matul dawn il-ġimgħat jorganizzaw xi pellegrinaġġ għar-Redentur tal-Isla jew għall-għolja tal-Għammar quddiem Ta’ Pinu f’Għawdex fejn hemm l-istatwi tal-Via Sagra. Aktarx li għal dawn l-attivitajiet jattendu nisa mdaħħla fiż-żmien, imma mhux biss, dawn iġorru magħhom lin-neputijiet żgħar. Qed ngħid hekk għaliex in-nisa żgħar illum kollha jaħdmu tista’ tgħid u allura ma jkunux jistgħu jattendu u l-irġiel aktarx jistħu jmorru. Mhux għax għadnhom għalfejn jistħu!

Fi ftit kliem ikollna ngħidlu li kollox irid it-tħejjija tiegħu.

Għaqdiet mużikali
Mal-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira għandna d-drawwa li jkollna banda li ddoqq il-marċi funebri. Dawn il-marċi ma jindaqqux matul is-sena, sakemm ma jkunx hemm xi funeral li tieħu sehem fih il-banda. Allura jkun hemm bżonn ta’ tħejjija għalihom. Jibdew isiru kunċerti b’dawn it-tip ta’ marċi.  Xi għaqdiet mużikali ma jieħdux sehem f’purċissjoni imma xorta waħda jorganizzaw programm mużikali għal żmien il-Ġimgħa Mqaddsa. Dawn minbarra xi marċi funebri ikunu jinkludu mużika adattata għal dawn il-jiem. Mhux lakemm taqbad u ddoqq, hemm bżonn it-tħejjija.

Xi wħud minn dawn is-soċjetajiet jorganizzaw ukoll xi wirja fil-każini tagħhom, u hawn inkunu nistgħu naraw attività doppja għaddejja fis-sede ta’ dik l-għaqda, bandisti, żgħar u kbar, żgħażagħ u kbar iħejju għall-wirja u l-ħajja normali tal-każin. Kollox ma’ kollox biex fl-aħħar joħroġ il-prodott finali frott tat-tħejjija.

Dan huwa l-wiċċ l-ieħor tar-Randan, l-parti tal-preparazzjoni għal bosta attivitajiet li jsiru. Din hija il-parti mhux tar-reliġjon imma tar-reliġjożità ta’ poplu li fil-qiegħ ta’ qalbu jemmen. Jalla dan il-wiċċ ma jinfiridx mill-wiċċ l-ieħor tal-istess munita.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 9 ta' Marzu 2019





venerdì 21 dicembre 2018

Festa tal-qaddisin!


Spiss nilmentaw li l-festi tal-Milied saru kollha kummerċ anzi kummerċ żejjed li jtellef minn dak li verament ifisser dan il-jum. Tabilħaqq li llum il-kummerċ sfrenat ħonoq ħafna minn dak li konna niċċelebraw ftit tas-snin ilu. Tkun għadek ġej minn ġurnata l-baħar f’Settembru (biex ma ngħidx Awwissu), tasal id-dar, tixgħel it-televiżjoni u x’tara? Riklamar tas-siġar tal-Milied, ta’ anġli, xemgħat u tiżjin ieħor li jkun fadlilhom tliet xhur biex isibu posthom fi djarna. Allura mhux bil-fors ngħidu li kollox sar kummerċ?

Mhux il-Milied biss
Illum qegħdin nilmentaw dwar il-mod kif qegħdin niċċelebraw il-Milied għaliex ninsabu fi żmienu, imma ejjew naħsbu ftit u naraw kif matul is-sena kull festa ċċapset bil-kummerċ. Il-karnival, il-Ġimgħa l-Kbira, l-Għid il-Kbir, il-festi tal-ibliet u l-irħula tagħna, Jum l-Omm u Jum il-Missier, għeluq snin dak li jkun, jum San Valentino, l-onomastiku u nistgħu nibqgħu sejrin. U biex il-kummerċ ikompli jiżdied nikkuppjaw u nżidu drawwiet li ma humiex tagħna. Il-haloween, il-baby shower, il-house warming party. Kollox negozju, kollox infieq, kollox kummerċ.

Fi tfuliti għeluq sninna konna niċċelebrawh ma’ sħabna tal-iskola b’xi kejk li kienet tagħmel l-omm id-dar. Il-festa tar-raħal kienet tasal biex nixtru hot dog mingħand tal-gabbana tal-pjazza u l-Ġimgħa l-Kbira sawm u nistennew l-Għid biex naqsmu l-figolla. Fix-xitwa l-Ħadd waranofsinhar dawra bil-karozza mal-familja u nidħlu nieħdu sandwich u flixkun luminata jekk ikun hemm minn fejn. Jekk konna mmorru f’xi post fil-kampanja fejn ma hemmx ħwienet konna nikkuntentaw bil-kafè li kienet iġġib magħha ommi fit-thermos! Illum dan kollu spiċċa ħtija tad-dinja konsumista li qegħdin ngħixu fiha. Biss ngħidha kif inħossha, minkejja li qed ngħixu f’dinja aktar komda, inħoss nostalġija kbira għal dawk is-snin fejn konna kuntenti bil-ftit li kellna.

Żewġ qaddisin
L-ewwel presepju fi Greccio
Is-sempliċità hija s-sigriet ta’ bosta kuntentezza. Forsi ħafna drabi ninsew il-grajja ta’ żewġ qaddisin li nafuhom sewwa u li l-Milied kienu jgħadduh fl-aktar ħwejjeġ sempliċi u ħallew marka fuq dan il-jum tant għażiż.

San Franġisk ta’ Assisi huwa magħruf għall-faqar li fih għex. It-tradizzjoni tgħidilna li kien hu li għamel l-ewwel presepju. Mhux xi presepju lussus imma presepju ħaj ġewwa stalla tal-bhejjem fir-raħal ta’ Greccio ġor-reġjun tal-Umbria fl-Italja. Illum minn dik ix-xena sempliċi u fqira sirna naraw opri tal-arti mill-isbaħ: presepji li trid seba’ għajnejn biex tarahom, imma ma rridux ninsew li l-għeruq ta’ kollox kien fis-sempliċità u l-faqar.

San Ġorġ Preca lanqas kien jgħum fil-liri anzi dejjem ra kif għamel biex jidher fqir. Jingħad li suttana ġdida kien iqabbad lil min jagħmillu xi rqajja fiha għax kien jistħi biha donnu xi dinjitarju tal-Knisja. Dan il-qaddis ta bidu għall-purċissjoni tal-Bambin, drawwa purament Maltija. Bdiet fis-sempliċità kollha madwar il-Ħamrun u spiċċat issir madwar Malta kollha kif ukoll f’xi postijiet lil hinn minn xtutna fejn hemm il-membri tas-soċjetà tal-Museum. Illum, fejn għadha ssir din il-purċissjoni forsi ma għadiex sempliċi bħalma kienet fi żmien tal-bidu, illum hawn fejn tieħu sehem il-banda tar-raħal magħha u ċerti Bambini tal-purċissjoni llum saru patrimonju, ħaġa li kważi mitt sena ilu kienet tiswa ftit xelini.

Dawn kienu żewġ qaddisin umli u fqajra li ħallew marka fuq il-festa tal-Milied. Ma ħallewx marka minħabba l-lussu imma minħabba s-sempliċità u l-umità. Għax il-festa tal-Milied, il-vera festa tal-Milied hija l-festa tas-sempliċità. Il-Milied tista’ tkun festa kbira biss jekk tkun il-festa tal-qaddisin.

Nieħu din l-okkażjoni biex nawguralkom il-Milied it-tajjeb, fi spirtu ta’ ferħ, paċi, hena u saħħa.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 22 ta' Diċembru 2018