Għadna kemm bdejna ż-żmien
tar-Randan, żmien li l-Knisja tpoġġi quddiemna biex nitħejjew għal żmien
tal-Għid il-Kbir. Dan iż-żmien jiena nqisu bħal munita b’żewġt uċuħ li minkejja
li huma marbutin ma’ xulxin u għandhom x’jaqsmu ma’ xuxlin, bħalma ż-żewġt uċuħ
tal-munita huma tal-istess oġġett, madanakollu huma differenti. It-tħejjijiet
għall-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir għandhom ukoll żewġt uċuħ, il-wiċċ
tal-fidi u dak tal-kultura. Ejjew illum niffukaw biss fuq il-parti kuluturali u
tradizzjonali ta’ dan iż-żmien.
Mid-dar

Il-kċina Maltija matul
ir-Randan għandha riċetti tabilħaqq tajbin imma ejjew insemmu biss ftit li ma
jsirux fi żmien ieħor matul is-sena. Il-kwareżimal ma ssibux jekk mhux
fir-Randan. Dan il-ħelu huwa tabilħaqq tajjeb bla ma trid meta tarah tidħol
taż-żmien tal-Ġimgħa l-Kbira. L-istess ngħidu għall-karamelli tal-ħarrub. Lejn
tmiem ir-Randan fil-kċina tagħna jitħejjew il-figolli li huma l-ħelu
tradizzjonali għall-Għid il-Kbir u li ma ssibhomx lanqas matul is-sena. Dan
huwa żmien it-tħejjija għal dan l-ikel.
Wirjiet

Knejjes
F’dawk il-knejjes li
minnhom toħroġ il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira issa nibdew naraw attività
akbar minn tas-soltu. Issa jibdew joħorġu l-vari ġimgħa wara ġimgħa.
Ir-reffiegħa jibdew iħejju u jaraw xi jkun meħtieġ għar-refgħ’ ta’ din is-sena.
Elf preparament.
Imma l-attività ma
nsibuhiex biss f’dawk il-knejjes li għandhom purċissjoni, fl-oħrajn xorta waħda
ssir bidla. Bosta parroċċi llum jagħmlu xi pellegrinaġġ b’xi statwa, aktarx
tar-Redentur. Qabel il-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa minn kull parroċċa toħroġ
il-purċissjoni tad-Duluri. Dawn ukoll iridu t-tħejjija tagħhom, U l-knisja mhux
dan biss għandha, fir-Randan isiru l-eżerċizzi u l-prietki u hemm minnhom jintramaw
bid-damask. Huma bosta dawk il-parroċċi li matul dawn il-ġimgħat jorganizzaw xi
pellegrinaġġ għar-Redentur tal-Isla jew għall-għolja tal-Għammar quddiem Ta’
Pinu f’Għawdex fejn hemm l-istatwi tal-Via Sagra. Aktarx li għal dawn
l-attivitajiet jattendu nisa mdaħħla fiż-żmien, imma mhux biss, dawn iġorru
magħhom lin-neputijiet żgħar. Qed ngħid hekk għaliex in-nisa żgħar illum kollha
jaħdmu tista’ tgħid u allura ma jkunux jistgħu jattendu u l-irġiel aktarx
jistħu jmorru. Mhux għax għadnhom għalfejn jistħu!
Fi ftit kliem ikollna
ngħidlu li kollox irid it-tħejjija tiegħu.
Għaqdiet mużikali

Xi wħud minn dawn
is-soċjetajiet jorganizzaw ukoll xi wirja fil-każini tagħhom, u hawn inkunu
nistgħu naraw attività doppja għaddejja fis-sede ta’ dik l-għaqda, bandisti,
żgħar u kbar, żgħażagħ u kbar iħejju għall-wirja u l-ħajja normali tal-każin.
Kollox ma’ kollox biex fl-aħħar joħroġ il-prodott finali frott tat-tħejjija.
Dan huwa l-wiċċ l-ieħor
tar-Randan, l-parti tal-preparazzjoni għal bosta attivitajiet li jsiru. Din
hija il-parti mhux tar-reliġjon imma tar-reliġjożità ta’ poplu li fil-qiegħ ta’
qalbu jemmen. Jalla dan il-wiċċ ma jinfiridx mill-wiċċ l-ieħor tal-istess
munita.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 9 ta' Marzu 2019

Nessun commento:
Posta un commento