Visualizzazione post con etichetta flus. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta flus. Mostra tutti i post

venerdì 13 gennaio 2023

MUNITA

Żgur li lkoll kemm aħna kull meta noħorġu naraw li ma ninsewx nieħdu magħna l-portafoll. F’dan spiss ikun hemm karti ta’ flus u llum anke dawk li sirna nsejħu flus tal-plastik, biss magħhom spiss ikollna xi ftit muniti. Żgur li ftit huma dawk li qatt ħasbu kif oriġinaw dawn il-muniti.

Storja

Bosta storiċi jaqblu li l-muniti oriġinaw fl-Anatolja fil-Punent tal- Asja Minuri f’nofs is-sitt seklu  qabel Kristu. L-istoriku Erodotu, storiku u ġeografu Grieg, imwieled madwar is-sena 480 qabel Kristu f’Halicarnassus fil- Caria (illum Bodrum fit-Turkija ) u miet madwar is-sena 425, jgħid li l-flus huma invenzjoni ta’ Kresu, sultan ta’ Lidja. L-arkeoloġi sabu muniti maħruġa mir-Re Kresu jew missieru Alyatte II f’nofs is-sitt seklu, naturalment qabel Kristu. Dawn għandhom xbieha ta’ ljun fuq in-naħa ta’ quddiem u fuq in-naħa ta’ wara l-marka jew l-arma tas-Sultan. Madankollu, skoperti arkeoloġiċi oħra juru l-ewwel muniti  li nistgħu nsejħulhom "privati" tas-seklu sebgħa qabel Kristu.

Stater ta' Alessandu l-Kbir
Filippu II tal-Maċedonja, li twieled fis-sena 382 qabel Kristu u kien maqtul fis-sena 336 QK, kellu muniti tad-deheb imsejħin Stater u dawk tal-fidda li kienu jissejħu Tetradrakma li baqgħu jinħarġu saħansitra wara mewtu. Ibnu, Alessandru l-Kbir, madankollu, ħareġ muniti f’ismu fi kwantitajiet tant kbar li dawn il-flus bdew jokkupaw post dominanti fil-kummerċ internazzjonali.

L-ewwel muniti Rumani kienu tal-bronż u kienu jissejħu Ass. Il-kummerċ mal-Griegi ffavorew l-iżvilupp tal-muniti tad-deheb u tal-fidda. Id- Denarju, mil-Latin denarius, wieħed minn għaxra ta' Ass, deher madwar it- tieni seklu qabel Kristu u baqa’ jintuża sal-waqgħa tal-Imperu Ruman.

L-istorja tal-munita hija waħda twila u kkumplikata u mhux faċli wieħed jikteb kollox fuq dan is-suġġett.

Illum

Illum il-ġurnata, il-muniti u l-karti tal- flus huma l-bażi ta’ kull sistema ekonomika moderna. Muniti ddisinjati għaċ-ċirkolazzjoni ġeneralment jiswew ftit flus u l-karti tal-flus jiswew aktar. Għalhekk, fil-maġġoranza tas-sistemi ekonomiċi moderni, il-munita bl-ogħla valur tiswa inqas mill-karta tal-flus bl-inqas valur. Biex nifhmu sew ngħidu li l-ogħla valur ta’ munita li nużaw f’pajjiżna hija dik ta’ żewġ Ewro filwaqt li bħala flus tal-karti inqas waħda hija dik tal-ħames Ewro. Il-valur monetarju rappreżentat mill-muniti mhux bilfors jirraprezenta l-ispiża tal-metall użat biex tiġi prodotta. Nerġgħu nagħtu eżempju bil-muniti tal-Ewro. Forsi munita ta’ żewġ ewro ma fihiex b’żewġ ewro metall, iżda jekk nieħdu l-muiti taċ-ċenteżmu jew taż-żewġ Ċenteżmu u anke l-munita tal-ħamsa, żgur li l-metall li fihom jiswa aktar mill-valur tagħhom. Kien hemm żmien fejn il-valur tal-metall kien ikun dak li tirrappreżenta l-munita.

Eċċezzjonijiet għar-regola tal-valur rappreżentat li jkun ogħla mill-valuri attwali tal-munita jeżistu wkoll f'ċerti muniti prezzjużi magħmula minn fidda jew deheb u rarament metalli oħra bħall- platinu , biss dawn normalment ikunu prodotti għal kolletturi jew għal min jinvesti fil-metall prezzjuż. Pereżempju, l-Istati Uniti tipproduċi l-Ajkla tad-Deheb Amerikana, li għandha valur nominali ta’ US $ 50.

Pajjiżna

L-użu tal-muniti f’Malta jmur lura għal bejn is-sitt u t-tielet seklu qabel Kristu meta f’pajjiżna, dak iż-żmien taħt il-Kartaġiniżi, kienet tintuża munita tal-bronż magħmula fi Sqallija u Kartaġni. Il-muniti f’Malta nbidlu ma’ kull min ħakem fuq Malta u nstabu diversi eżempji ta’ muniti li jmorru lura għall-perjodi Rumani, Biżantini, Għarab u Normanni u l-ħakkiema ta’ wara bħall-Aragoniżi u l-Kastellani, b’uħud mill-muniti maħsuba li ġew maħdumin f’Malta stess.

Il-Kavallieri ta’ Malta waqqfu ż-żekka (il-post fejn isiru l-muniti) tagħhom stess fil-Birgu u din aktar tard ġiet meħudha fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta u mbagħad fi Triq San Bastjan fil-Belt Valletta, issa magħrufa bħala Triq iż-Żekka l-Qadima. Il-munita ta’ Malta magħrufa bħala l-Ħabba taf l-oriġini tagħha għal dan il-perjodu. Iż-żekka mbagħad tmexxiet fil-bini tal-Librerija. It-truppi Franċiżi ta’ Napuljun użawha biex iddewbu l-fidda li ħadu mill-knejjes ta’ Malta biex isiru muniti. Fost oħrajn dan il-fatt għen u qanqal ir-rewwixta tal-Maltin kontrihom.

Bil-miġja tal-Ingliżi f’Malta ngħalqet iż-żekka u t-tagħmir tagħha kien mibjugħ fil-Greċja. Malta bdiet tuża muniti magħmula fir-Royal Mint. Malta adottat is-sistema dDeċimali fl-1972, bl-ewwel muniti nħadmu fir-Royal Mint fir-Renju Unit. Din kienet l-ewwel munita maħruġa minn Malta bħala nazzjon indipendenti. Is-sett ta’ muniti tad-Deċimali nbidel tul iż-żmien sakemm pajjiżna daħal fiż-żona Ewro fl-2008 u mill-ġdid inbidlu l-muniti li nużaw.

Minkejja l-kumdità li ġab mieħgu l-Ewro, speċjalment meta nsiefru, ikollna nammettu li tlifna ftit mill-identità tagħna, kif wara kollox seħħ f’pajjiżi oħra taż-żona Ewro. Biss minkejja li l-Ewro huwa l-istess  fuq quddiem f’kull pajjiż ta’ din iż-żona ekonomika, fuq wara hemm xi ħaġa li turi pajjiżna. Personalment kont nippreferi kieku saru aktar varjazzjonijet, mhux tlieta biss. Il-muniti Ewro Taljani għandhom xbieha differenti għal kull munita. Imma din hija idea tiegħi!

Rajna fil-qosor ħafna xi ħaġa dwar il-muniti, dawk li nġorru f’butna bla ma naħsbu kemm storja hemm warajhom.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 14 ta' Jannar 2023



sabato 12 novembre 2022

Kemm spejjeż

Ftit tal-jiem ilu kont Catania ma’ grupp ta’ Maltin. Meta xi Malti jżur Catania jħossu donnu obbligu li jagħmel żjara lis-suq ta’ din il-belt. Min ġieli mar jaf kemm isib jixtri prodotti minn hemm; minn ħwejjeġ, purtieri, affarijiet tad-dar u ikel minn ħaxix, ġobnijiet u ħut. Insomma kif ngħidu aħna l-Maltin issib il-barka ta’ Alla hemm. Għandi l-impressjoni li qabel kont issib għażla akbar ta’ oġġetti x’tixtri minn dan is-suq, biss hu x’inhu xorta waħda għadu kalamita għal kważi kull Malti li jżur Catania.

Waqt li kont qed indur nisma’ mara Maltija tgħid lil waħda li kienet magħha: “Ara naqra minn hawn pastarda ewro u fifty, il-ġimgħa l-oħra xtrajt waħda minn Malta żammli erba’ ewro u fifty! X’għarukaża minn hawn tixtri tlieta bil-prezz ta’ Malta!” Billi kont warajhom ma stajtx ma nkomplix nisma’ d-diskursata tagħhom li kompliet dwar kemm spejjeż sar fiha l-ħajja llum. Moħħi ġera bija u bdejt inqabbel il-ħajja li qed ngħixu llum ma’ dik ta’ tfuliti. X’differenza!

Ħajja sempliċi

Fi tfuliti ma kellniex l-ispejjeż tal-lum. Il-kontijiet ma kinux numerużi bħal ma għandna llum. Madwar ħamsin sena ilu x’kontijeit kienu jaslu fid-djar tagħna? Kien jasal il-kont tad-dawl u tal-ilma u magħhom kien jasal il-kont tar-Rediffusion, min kellu dan is-aervizz. Dan tal-aħħar jidhirli li kien xi nofs lira fix-xahar, li jkollna ngħidu li lanqas kien irħis.

Illum il-kontijiet huma ħafna aktar minn hekk. Dawk tad-dawl u l-ilma għadhom jaslu u minnflok tar-Rediffusion jaslu kontijiet tat-televiżjoni, Ii qabel kont tarah permezz tal-aerial ta’ fuq il-bejt, twaħħlu darba u sakemm jinkiser tibqa’ tara xi tlieta jew erba’ stazzjonijiet televiżivi. Illum mhux hekk, illum jew tkun abbonat ma’ kumpanija li toffri dan is-servizz jew twaħħal id-dixx tas-satellita jew inkella t-tnejn flimkien. Dawn huma kollha spejjeż li dari ma konniex noħolmu bihom. Il-kontijiet tad-dawl u l-ilma żdiedu għax żdied il-konsum tagħhom. Illum kollox jaħdem bid-dawl, mill-kitla tal-elettriku biex tagħmel naqra misħun għall-kafè sal-apparat tal-arja kkondizzjonata li tiffriskalna darna fis-sajf u ssaħħanha fix-xitwa.

Komunikazzjoni

Dari konna nixtru l-gazzetta filgħodu biex dak li nkunu smajna fuq l-aħbarijiet tat-tmienja ta’ filgħaxija l-jum ta’ qabel inkunu nistgħu naqraw dwaru b’aktar dettall. Illum mhux hekk. Illum aħbar tasal għandi dak li ħin li ssir, qabel l-aħbarijiet tat-televiżjoni. Dan kollu grazzi għall-internet. U l-internet mhux b’xejn, irrid inħallas tas-servizz tiegħu. Il-kumdità tiswa l-flus!

U xi ngħidu għat-telefon? Dari kien meqjus xi ħaġa ta’ lussu li jkollok telefon id-dar. Biex iċċempel li xi ħadd kont tmur jew f’kabina tat-telefon li konna nsibu u kultant għadek tara xi waħda llum ukoll, jew tmur f’xi ħanut jew inkella l-għassa tal-pulizija. Illum mhux talli jista’ jkollok it-telefon fid-dar imma ssuperajna dak l-istat u t-telefon qiegħed ikun fil-but tagħna, ikun f’idejna kull fejn immorru. U dan ifisser ukoll spejjeż li dari ma kellniex.

Fid-dar

Sa nofs seklu ilu ħafna min-nisa miżżewġa kienu jibqgħu d-dar, jieħdu ħsieb il-familja. Din kienet meqjusa bħala karriera wkoll. Fid-dar il-mara ma kinitx biss tnaddaf u ssajjar imma kienet tagħmel elf ħaġa oħra bħal ħjata u knitting. Illum hawn nisa li lanqas iwaħħlu bittuna ma jafu. X’differenza!

Illum il-mara toħroġ taħdem barra mid-dar u allura hemm spejjes oħra marbuta mal-ħajja tax-xogħol. L-ilbies tagħha ma jistax ikun bħal ta’ dawk in-nisa li kienu jgħaddu l-jum fix-xogħol tad-dar, irid ikun attraenti u differenti minn jum għal jum għax inkella jgħidu bihom. U l-istess id-dehra. Mara li taħdem f’uffiċċju jew f’ħanut ma tistax tmur għax-xogħol b’xaharha mhux kif għandu jkun. U dawn ifissru kollha spejjeż li qabel ma kienx ikollna.

Divertiment

Il-ħruġ tagħna kien differenti. Il-familji, min kellu karozza, kienu joħorġu dawra, fix-xitwa l-Ħadd waranofsinhar fil-kampanja u fis-sajf filgħodu lejn il-baħar. Il-ħruġ għal xi ikla f’restaurant ma kienx bħalma hu llum, kienet tkun xi okkażjoni speċjali biex immorru nieklu barra, jew meta jorganizzaw xi dinner dance tal-każin jew il-kappillan. Illum dan it-tip ta’ ħruġ sar normali. Wara li l-mara tkun ilha l-ġimgħa kollha taħdem barra mid-dar u wara tagħmel ix-xogħol tad-dar, is-Sibt filgħaxija jkun ħaqqha tistrieħ ftit u tbiddel ftit l-arja u toħroġ tiekol barra flimkien mal-familja tagħha. Dawn huma wkoll spejjeż li qabel ma kinux mal-lista tal-kontijiet tagħna.

U nistgħu nibqgħu sejrin hekk, insemmu okkażjonijiet fejn żdiedu l-ispejjeż. Sakemm ġew dawn il-ħsibijiet kollha ġo moħħi wasalt fit-tarf tas-suq ta’ Catania, dawk iż-żewġ nisa li kelli quddiemi ma rajthomx aktar imma rajthom xi siegħa wara, mgħobbijin b’salt basktijiet.

Fr Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 12 ta' Novembru 2022



venerdì 12 giugno 2020

Sajf bla festi


Fost il-ħafna restrizzjonijiet li l-imxija tal-Covid 19 ġabet magħha hemm dik li attivitajiet tal-massa ma jistgħux isiru. Is-sajf Malti ma joffrix xi varjetà enormi ta’ attivitajiet fejn jingħaqdu numru kbir ta’ nies flimkien. Jekk taqta’ xi kunċert bħal dawk tal-Isle of MTV u ta’ Joseph Calleja fuq il-Fosos tal-Furjana u forsi l-fieri kummerċjali (trade fair), il-festi parrokkjali biss jibqa’ bħala attivitajiet li jattiraw eluf ta’ nies. L-attivitajiet l-oħrajn kollha huma relattivament żgħar fejn il-festi għax l-aktar l-aktar konna naraw xi barbeque bi ftit mijiet ta’ nies iżda dan in-numru ma huwa xejn fejn l-eluf li ġieli naraw f’xi marċ tas-Sibt jew il-Ħadd filgħodu jew fil-purċissjoni ta’ ċerti festi parrokkjali.


Bħal sajjetta fil-bnazzi
Din l-imxija waslet fuq id-dinja għal għarrieda. Ħadd minna qatt ma basar li xi ħaġa hekk kellna ngħaddu minnha, aħna l-bnedmin tat-tielet millenju, fejn il-mediċina għamlet passi ta’ ġgant il quddiem u fejn ix-xjenza tant kibret li kważi bdejna naħsbu li ħadd u xejn ma jista’ għalina. Iżda konna żbaljati. Dan il-virus ġie fuqna u sammarna, sallabna, mhux għax sabna fuq sieq waħda imma sabna bla saqajn. Daqsxejn ta’ virus u waqqaf lid-dinja kollha kemm hi. Daqsxejn ta’ virus u neħħielna l-pretenzjonijiet kollha li kellna.

Bħal sajjetta fil-bnazzi ħasad ukoll lill-organizzaturi tal-festi parrokkjali tagħna. Ħafna dilettanti tal-festi huma wkoll dilettanti tal-Ġimgħa l-Kbira u għalhekk ikollna ngħidlu li dawn laqqtuha doppjament għax id-delizzju li fuqu jaħsbu u jaħdmu s-sena kollha kellu jitwarrab minn fuq l-aġenda tagħhom.

Deċiżjonijiet tal-Kurja
Meta l-awtoritajiet ekkeżjatiċi Maltin raw x’kien ġej u fehmu l-gravità tas-sitwazzjoni, dlonk ħarġu struzzjonijiet biex jitwaqqaf il-quddies u ma jsirux festi parrokkjali. Issa billi ħafna restrizzjonijiet ġew imnaqqsa, id-dilettanti tal-festi bdew jagħmlu ħafna mistoqsijiet dwar jekk il-festi humiex ser isiru jew le. Biex tgħaxxaqha, il-Kurja ta’ Għawdex ħarġet direttivi u linji gwida kif għandhom jiġu ċċelebrati l-festi tal-parroċċi Għawdxin u l-Kurja Maltija ħarġet direttivi oħra li jorbtu l-festi parrokkjali ta’ Malta. Kienu ħafna li ma fehmux din il-ħaġa u għalfejn hemm differenza bejn id-direttivi.

Irridu nifhmu li fl-istat Malti nsibu żewġ djoċesijiet, l-Arċidjoċesi ta’ Malta u d-Djoċesi ta’ Għawdex li magħha hemm ukoll il-gżira ta’ Kemmuna. Dawn huma żewġ djoċesijiet separati minkejja li flimkien jiffurmar il-Konferenza Episkopali Maltija. Kull djoċesi bħalma għandha l-isqof, il-katidral, il-kurja, it-tribunali u l-kumplament, għandha wkoll id-deċiżjonijiet tagħha li jistgħu jkunu differenti minn dawk ta’ djoċesijiet oħra anke fl-istess konferenza episkopali. Mela qegħdin ngħidu li d-djoċesi ta’ Għawdex hija awtonoma u għandha dritt toħroġ regoli differenti minn dawk li toħroġ l-Arċidjoċesi ta’ Malta.  Aħna billi ngħixu f’pajjiż ċkejken u għalina Malta u Għawdex u Kemmuna huma nazzjon wieħed ma tantx nifhmuha li jkollna differenzi bejnietna. Biex nagħti eżempju, l-Italja li hija pajjiż wieħed, fiha aktar minn mitejn djoċesi, kull waħda bl-isqof u l-katidral u l-kruja u l-kumplament, anke jekk imbagħad hemm Konferenza Episkopali waħda, li tissejja CEI.

Bla flus
Il-Malti jgħid li bla flus la tgħannaq u lanqas tbus u aħna nistgħu ngħidu li mhux ma tbusx biss imma ma tagħmel xejn mingħajrhom. Il-festi Maltin jinvolvu ammont kbir ta’ flus li kollha kemm huma jinġabru mill-organizzaturi matul is-sena. Il-flus jinġabru mill-attivitajiet li jsiru u għalhekk ladarba f’Marzu twaqqfu l-attivitajiet tal-massa, waqfu wkoll l-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi b’risq il-festi. Mela anke kieku l-kurja ma waqqfitx il-festi xorta kien ser ikollna problemi kbar biex jitħallsu l-ispejjeż tal-festa.

Hawn naqsam magħkom ħsieb li għadda minn moħħi xi snin ilu. Qrajt kumment ta’ persuna li baqa’ ġewwa moħħi. Din il-persuna kitbet li dawk il-gabbani u stands oħrajn li jarmaw fil-festi għandhom jagħtu donazzjoni lill-Kunsill Lokali għax dan irid inaddaf warajhom. U jien għidt bejni u bejn ruħi: donazzjoni lill-Kunsill? Mela l-parroċċa li torganizza l-festa xi jmissha tieħu? Il-każin tal-banda li jirsisti s-sena kollha għall-fondi biex jagħmel ġimgħa festa jibqa’ b’xejn? Il-kumitat tal-festa li jħabbat bieb bieb biex jiġbor xi ħaġa għall-armar jibqa’ b’xejn? Tan-nar li jaħdmu u jiġbdu lejn ir-raħal jew belt tant nies Maltin u barranin biex jaraw xogħolhom ħaqqhom xi ħaġa? Jekk  dawn l-entitajiet u għaqdiet ma jorganizzawx huma l-festa il-kunsill xorta jrid inaddaf il-pjazza u t-toroq tar-raħal.

Dan huwa sajf differenti għal kulħadd, għal dawk id-dilettanti tal-festi kemm ta’ barra kif ukoll ta’ ġewwa kif ukoll għal dawk li ma humiex dilettanti. Min se jibki u min se jifraħ. Din hi d-dinja, rota, daqqa ’l fuq u daqqa ’l isfel. Biss dan huwa sajf li żgur se nkunu nistgħu nirriflettu dwar aspett importatni fis-sajf Malti; il-festi tagħna u n-nuqqas tagħhom. Se jkun l-istess is-sajf 2020?.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 13 ta' Ġunju 2020