Ftit tal-jiem ilu kont Catania ma’ grupp ta’ Maltin. Meta xi
Malti jżur Catania jħossu donnu obbligu li jagħmel żjara lis-suq ta’ din
il-belt. Min ġieli mar jaf kemm isib jixtri prodotti minn hemm; minn ħwejjeġ,
purtieri, affarijiet tad-dar u ikel minn ħaxix, ġobnijiet u ħut. Insomma kif
ngħidu aħna l-Maltin issib il-barka ta’ Alla hemm. Għandi l-impressjoni li
qabel kont issib għażla akbar ta’ oġġetti x’tixtri minn dan is-suq, biss hu
x’inhu xorta waħda għadu kalamita għal kważi kull Malti li jżur Catania.
Ħajja sempliċi
Fi tfuliti ma kellniex l-ispejjeż tal-lum. Il-kontijiet ma
kinux numerużi bħal ma għandna llum. Madwar ħamsin sena ilu x’kontijeit kienu
jaslu fid-djar tagħna? Kien
jasal il-kont tad-dawl u tal-ilma u magħhom kien jasal il-kont tar-Rediffusion,
min kellu dan is-aervizz. Dan tal-aħħar jidhirli li kien xi nofs lira
fix-xahar, li jkollna ngħidu li lanqas kien irħis.
Illum
il-kontijiet huma ħafna aktar minn hekk. Dawk tad-dawl u l-ilma għadhom jaslu u
minnflok tar-Rediffusion jaslu kontijiet tat-televiżjoni, Ii qabel kont tarah
permezz tal-aerial ta’ fuq il-bejt, twaħħlu darba u sakemm jinkiser tibqa’ tara
xi tlieta jew erba’ stazzjonijiet televiżivi. Illum mhux hekk, illum jew tkun
abbonat ma’ kumpanija li toffri dan is-servizz jew twaħħal id-dixx tas-satellita
jew inkella t-tnejn flimkien. Dawn huma kollha spejjeż li dari ma konniex
noħolmu bihom. Il-kontijiet tad-dawl u l-ilma żdiedu għax żdied il-konsum
tagħhom. Illum kollox jaħdem bid-dawl, mill-kitla tal-elettriku biex tagħmel
naqra misħun għall-kafè sal-apparat tal-arja kkondizzjonata li tiffriskalna
darna fis-sajf u ssaħħanha fix-xitwa.
Komunikazzjoni
U xi ngħidu
għat-telefon? Dari kien meqjus xi ħaġa ta’ lussu li jkollok telefon
id-dar. Biex iċċempel li xi ħadd kont tmur jew f’kabina tat-telefon li konna
nsibu u kultant għadek tara xi waħda llum ukoll, jew tmur f’xi ħanut jew
inkella l-għassa tal-pulizija. Illum mhux talli jista’ jkollok it-telefon fid-dar
imma ssuperajna dak l-istat u t-telefon qiegħed ikun fil-but tagħna, ikun
f’idejna kull fejn immorru. U dan ifisser ukoll spejjeż li dari ma kellniex.
Fid-dar
Illum il-mara toħroġ taħdem barra mid-dar u allura hemm
spejjes oħra marbuta mal-ħajja tax-xogħol. L-ilbies tagħha ma jistax ikun bħal
ta’ dawk in-nisa li kienu jgħaddu l-jum fix-xogħol tad-dar, irid ikun attraenti
u differenti minn jum għal jum għax inkella jgħidu bihom. U l-istess id-dehra.
Mara li taħdem f’uffiċċju jew f’ħanut ma tistax tmur għax-xogħol b’xaharha mhux
kif għandu jkun. U dawn ifissru kollha spejjeż li qabel ma kienx ikollna.
Divertiment
Il-ħruġ tagħna kien differenti. Il-familji, min kellu
karozza, kienu joħorġu dawra, fix-xitwa l-Ħadd waranofsinhar fil-kampanja u
fis-sajf filgħodu lejn il-baħar. Il-ħruġ għal xi ikla f’restaurant ma kienx
bħalma hu llum, kienet tkun xi okkażjoni speċjali biex immorru nieklu barra,
jew meta jorganizzaw xi dinner dance tal-każin jew il-kappillan. Illum dan
it-tip ta’ ħruġ sar normali. Wara li l-mara tkun ilha l-ġimgħa kollha taħdem
barra mid-dar u wara tagħmel ix-xogħol tad-dar, is-Sibt filgħaxija jkun ħaqqha
tistrieħ ftit u tbiddel ftit l-arja u toħroġ tiekol barra flimkien mal-familja
tagħha. Dawn huma wkoll spejjeż li qabel ma kinux mal-lista tal-kontijiet
tagħna.
U nistgħu nibqgħu sejrin hekk, insemmu okkażjonijiet fejn
żdiedu l-ispejjeż. Sakemm ġew dawn il-ħsibijiet kollha ġo moħħi wasalt fit-tarf
tas-suq ta’ Catania, dawk iż-żewġ nisa li kelli quddiemi ma rajthomx aktar imma
rajthom xi siegħa wara, mgħobbijin b’salt basktijiet.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 12 ta' Novembru 2022
Nessun commento:
Posta un commento