Visualizzazione post con etichetta floriana. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta floriana. Mostra tutti i post

venerdì 17 maggio 2019

Zinn Zinn Bumm Bumm


Riflessjoni  qasir dwar il-festi tagħna


Issa li l-Għid il-Kbir għadda, fuq il-kalendarju ta’ pajjiżna jibdew jidhru l-festi tal-ibliet u rħula tagħna. Ma tgħaddix sena li ma niktibx xi ħaġa dwar dan is-suġġett għaliex tant huwa vast li tikteb kemm tikteb qatt ma tkun għidt kollox.

Il-festi Maltin minn dejjem kienu għall-qalb dan il-poplu. Il-frattarija u l-istorbju donnhom jimlewna bil-ferħ lilna l-Maltin. Insomma mhux lilna biss, kull poplu Mediterrajnu ieħor iħobb xi ftit jew wisq ambjenti kuluriti, xi ftit gegwiġija u għajat. Kien għalhekk li lil dan l-artiklu tajtu l-isem li tajtu għax fil-festi tagħna nsibu ruxmata l-ħsejjes bħal dawk tal-banda: zinn zinn u tal-logħob tan-nar: bum bumm, żewġ kelmiet li nużaw mat-tfal iż-żgħar biex nirreferu għall-festi u dawk l-elementi importanti li fihom.

Ilbieraħ u llum
Il-festi parrokkjali tagħna raw tibdil minn żmien għal żmien. Kien hemm min bassar li dawk kellhom imutu mewta naturali, imma min ħaseb hekk żbalja bil-kbir. Il-festi minn dejjem kienu jservu bħala avvenimenti soċjali, forsi l-akbar attività li kienet issir f’raħal, attività li tinvolvi lil kulħadd, lill-kbir u liż-żgħir, lill-mara u lir-raġel. Ir-rwoli tan-nisa u l-irġiel fil-festi ma kienux dawk li huma llum. Sa ħamsin jew sittin sena ilu l-mara lanqas biss kien jgħaddilha minn moħħha li tirfes l-għatba tal-każin tal-banda aħseb u ara li tkun bandista. Illum mhux talli għandna nisa bandisti imma għandna saħansitra nisa presidenti ta’ għaqdiet tal-banda. L-emanċipazzjoni tal-mara fis-soċjetà daħlet ukoll fil-festi tagħna u għenet biex dawn evolvew.

Progress u tibdil rajna wkoll fl-arti piroteknika. Minkejja li għadna ma wasalniex għal kollox, imma qed nindunaw li aħjar il-kwalità milli l-kwantità. Illum sirna ngawdu spettakli piro-mużikali mill-isbaħ. Ngħid b’wiċċi minn quddiem li ċerti spettakli Maltin jissuperaw xi wħud milli rajt barra minn Malta.

Pika jew kompetizzjoni?
Niftakar lill-bużnanna tiegħi tgħid taqbila dwar il-festi. Din kienet hekk:
Santa Marija l-Mosta.
Il-Vitorja, in-Naxxar.
Santa Liena Birkirkara
U Tal-Grazzja Ħaż-Żabbar.
Minn din it-taqbila sempliċi nistgħu naraw kemm inbidel it-taqbil li jsir fil-festi. Illum sirna nisimgħu taqbiliet li jkun fihom tgħajjir u nsulti lejn xi każin ieħor, lejn xi raħal ieħor, lejn xi parroċċa oħra, lejn xi qaddis jew qaddisa oħra. Jekk f’xi oqsma l-festi Matlin għamlu qabża ’l quddiem, f’dan ir-rigward żgur ma nistgħux ngħidu li morna ’l quddiem jew li kbirna.

Il-festi tagħna saru l-mejda fejn nikkompetu bejn xulxin. Il-kompetizzjoni ħafna drabi tinbidel f’pika u huwa hawn fejn immorru ħażin. Il-piki fil-festi kienu minn dejjem biex ngħidu d-dritt. Nisma’ rakkont dwar il-pika li kien hemm bejn il-Qriema u ż-Żebbuġin. Ngħidilkom id-dritt ma nafx jekk huwiex minnu jew le imma naħseb li huwa minnu ghax smajtu kemm Ħal Qormi kif ukoll Ħaż-Żebbuġ. Jingħad li nhar it-23 ta’ April, meta Ħal Qormi kien qed jiċċelebra bil-kbir il-festa tal-patrun tiegħu, niżlu xi Żebbuġin għall-festa u magħhom ħadu xi għasafar tal-bejt. Meta dawn daħlu l-knisja jingħad li fetħu l-bieb tal-gagga tal-għasafar u dawn spiċċaw jittajru fil-knisja. Il-Qriema stennew ftit ġimgħat wara u meta fit-12 ta’ Mejju ż-Żebbuġin kienu mehdijin bil-festa tal-qaddis ta’ Aġira, xi ħadd minn Ħal Qormi mar kmieni filgħodu Ħaż-Żebbuġ, daħal fil-knisja u tefa’ trab tal-kulur aħmar fil-fontijiet tal-ilma mbierek. B’hekk kull min daħal jisma’ l-quddies u għamel salib bl-ilma mbierek spiċċa b’tiċpisa ħamra fuq moħħu. Din hija storja waħda, ġieli smajna bi stejjer agħar minn din li ġrat bejn dawn iż-żewġt irħula ġirien.

Bdejna bil-ħażin
Din is-sena jkollna nammettu li l-festi hekk imsejħin “tas-sajf” bdew fuq nota ħażina. Kull min għandu għal qalbu l-festi, kull min għandu għal qalbu dak kollu li hu Malti, tnikket bl-aħbar li l-ark ta’ San Pupulju tal-Furjana spiċċa fil-mira ta’ att vandalu u ntemm għal kollox. X’ ħasra! Anke jekk jerġa’ jsir ark ieħor bħalu, anke jekk ikun isbaħ, xorta waħda qatt ma jista’ jkun l-ark oriġinali. Dan l-att jiftaħ għajnejn bosta għaqdiet li għandhom armar tal-festa. Kemm eluf, jekk mhux miljuni ta’ ewro ta’ armar tal-festa għandna f’pajjiżna! Ħafna mix-xogħol huwa imprezzabbli għax huwa xogħol antik li sar minn artisti li lum ma għadhomx magħna. X’patrimonju għandna! X’vetrina ta’ arti u sengħa jkollna fit-toroq tal-irħula tagħna fil-jiem tal-festa! Personalment ma nafx x’nistgħu nagħmlu għaliex dan l-armar huwa intiż li jintrama’ barra t-triq u mhux jitpoġġa f’mużew, u barra t-triq ikun espost għal kollox, għall-elementi tan-natura, xemx u xita, għal xi inċident, bħal meta xi karozza tolqot xi antarjola jew xi kolonna u sfortunatament issa indunajna li huwa wkoll espost għall-atti vandali. Tabilħaqq li dan ma kienx l-ewwel att vandalu li seħħ fuq xi armar tal-festa, imma huwa l-ewwel wieħed ta’ dan il-livell.

Zinn zinn. Bdejna nisimgħu in-noti mill-baned tagħna. Bumm bumm. Bdejna naraw u nisimgħu l-murtali. Bdew il-festi! Dan huwa patrimonju. Dan huwa wirt. Ejjew nibżgħu għalih, ejjew ma nkissruhx u fuq kollox ejjew ma ninsex għalfejn u għal min niċċelebraw dawn il-festi. Ejjew il-festi tagħna ma nħalluhomx isiru biss zinn zinn bumm bumm.

Fr Reno Muscat




Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 18 ta' Mejju 2019

venerdì 16 settembre 2016

Fil-pjazza tar-raħal

Illum ftit li xejn għadna nisimgħu diski Maltin ġodda, biss madwar 40 sena ilu ma kienx hekk. Waħda mid-diski popolari ta’ dak iż-żmien, miktuba minn Enzo Gusman fl-1975 u kantata minnu stess kienet iġib l-isem “Fil-pjazza tar-raħal”. Illum wara dawn is-snin kollha din id-diska għadha popolari, forsi mhux daqs kemm kienet qabel, imma hija sinonima ma’ dan il-kantant.

Gusman jgħid li kien kiteb dan il-kanzunetta meta kien jaħdem ma’ bank li kellu fergħa fil-pjazza ta’ quddiem il-knisja l-qadima ta’ San Bastjan ġewwa Ħal Qormi. Il-kantawtur kien josserva l-ħajja tal-pjazza u jirrakkonta dak li kien jara ta’ kuljum; tlett irġiel xjuħ fuq it-taraġ taz-zuntier, jirrrakkunataw il-passat ta’ ħajjithom u dak li għaddew minnu.

Iċ-ċentru tar-raħal
Tassew li din il-kanzunetta kienet imnebbħa minn dak li jiġri fil-pjazza ta’ San Bastjan fil-belt Pinto, iżda hija storja li tista’ tiġi applikata għal kull raħal ieħor għaliex il-pjazza minn dejjem kienet iċ-ċentru ta’ kull raħal. Aħna l-Maltin għandna isem ieħor għall-pjazza: misraħ, nom mimmat ġej minn serraħ, għaliex il-pjazza sservi wkoll bħala l-post fejn wieħed jgħaddi ftit ħin jistriħ fuq xi bank u jgħid kelmtejn. Il-pjazza hija l-qalb tar-raħal, hija ċ-ċentru tar-raħal. Fil-każ ta’ Ħal Qormi hemm aktar minn pjazza waħda li sservi ta’ ċentru tar-raħal. Minbarra dik ta’ San Bastjan li kienet ta’ ispirazzjoni għad-diska li semmejt fil-bidu, hemm pjazez oħrajn, bħal dik ta’ San Franġisk, jew quddiem il-knisja ta’ San Ġorġ, kif ukoll quddiem l-iskola, li wkoll huma ċentri li fihom jiltaqgħu n-nies.

Ħaż-Żebbuġ
Il-pjazza ta' Ħaż-Żebbug
Pjazza tipika li personalment naraha bħala ċ-ċentru jew aħjar il-fus tar-raħal hija dik ta’ Ħaż-Żebbuġ. Hemmhekk issib kollox: il-knisja parrokkjali, il-każini tal-banda, il-każini tal-partiti politiċi, il-każini sportivi, il-ħwienet tat-te, il-pompa tal-petrol, tal-pastizzi,  il-ħanut tal-gazzetti, ħwienet tal-ħwejjeġ, ħwienet taż-żraben, ristoranti jew pizzerija, ħwienet tal-merċa, jintrama’ suq aktar minn darba fil-ġimgħa kif ukoll hemm l-iskola u fil-qrib hemm ukoll iċ-ċimiterju. Il-pjazza ta’ Ħaż-Żebbuġ timmeraviljani għax hija tabilħaqq ħajja nistgħu ngħidu 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa. Din il-pjazza hija wkoll il-post fejn il-festi tal-parroċċa jitgawdew l-aktar, u fejn l-aktar ikun hemm attività fil-ġimgħat tal-festi tal-parroċċa. Fiha jsiru l-programmi tal-baned, fiha jsir il-logħob tan-nar tal-art, fiha tista’ tgħid isiru l-aktar attivitajiet importanti ta’ dawk il-ġimgħat.

Hemm xi rħula oħra Maltin li wkoll il-pjazza prinċipali tagħhom hija ċ-ċentru tal-ħajja. Iż-Żurrieq, iż-Żejtun, is-Siġġiewi, imma bħall-pjazza ta’ Ħaż-Żebbuġ donnu ma hawn imkien.

Mhux Malta biss
Pjazza f' Napli (Barra)
Sa issa tkellimna biss fuq pjazez Maltin, biss il-ħajja li nsibu fil-pjazza Maltija insibuha wkoll f’ xi pjazez barranin ukoll. Niftakar meta kont ngħix Napli, ftit metri bogħod minn fejn kont noqgħod kien hemm il-pjazza ewlenija tal-kwartier. Din ma kinietx l-unika pjazza imma kienet l-aktar waħda attiva. Hemmhekk kienu jsiru l-kunċerti mużikali, hemmhekk hemm il-ħwienet. B’ differenza minn Malta, ġewwa l-Italja is-sigaretti ma jinbiegħux mill-ħwienet tax-xorb iżda minn ħwienet li jbiegħu prodotti tat-tabakk. Fil-pjazza li qed insemmi kien hemm dan il-ħanut ukoll. Niftakar sidu kien jismu Gennaro. Mhux faċli tinsa ismu meta tiftakar f’ Napli! F’ din il-pjazza kien hemm (u forsi għad hemm sal-lum ukoll) il-ħajjat u l-iskarpar. F din il-pjazza ma jintramax is-suq għaliex dan jintarama fi triq qrib, iżda fiha xorta wieħed jista’ jsib jixtri kollox. Fuq kollox f’ din il-pjazza jiltaqgħu xi anzjani, jlabalbu u jpejpu; xena bħalma kien jara Gusman ġewwa Malta.

Xena simili bħal din kont naraha f’ raħal ċkejken qrib Avellino. Kull meta mort hemmhekk dejjem rajt għadd ta’ nies fil-pjazza ewlenija ta’ dan ir-raħal li ma fihx aktar minn 3,000 persuna. Il-pjazza hija l-post fejn dak li jkun jgħaddi jieħu l-caffettino u jgħid kelma mal-ħbieb qabel ikompli sejjer fuq xogħolu.

In-naħa ta’ fuq tal-Italja l-istorja tinbidel. Aktarx li minflok il-pjazza l-anzjani ifittxu xi ċentru jew każin għalihom. Dan aktarx għall-fatt li t-temp ftit li xejn jipperemtti li dak li jkun joqgħod bilqegħda fi pjazza għal ħin twil.

L-akbar pjazza
Fosos tal-Furjana
L-akbar pjazza f’ pajjiżna insibuha fil-Furjana, magħrufa bħala l-fosos tal-Furjana. Din il-pjazza minn dejjem serviet għal attivitajiet kbar li minn żmien għall-ieħor kienu u għadhom ikunu organizzati. Attivitajiet politiċi kbar, attivitajiet reliġjużi, kunċerti mużikali nazzjonali kif ukoll internazzjonali. Il-karattru ta’ din il-pjazza hija differenti minn dik ta’ pjazez oħrajn. Ma fihiex l-elementi li fihom pjazzez oħrajn. Dan forsi għall-fatt li l-Furjaniżi ma għandhomx bżonn il-fosos biex imorru jgħaddu siegħa żmien għaliex għandhom bosta ġonna fis-subborg tagħhom. Xorta waħda ta’ kull filgħaxija jkun hemm xi wħud li jgħaddi siegħa żmien fuq il-fosos.

Kemm isiru attivitajiet fil-pjazza tar-raħal. Kemm bnedmin jgħaddu minnha. Kemm negozju, kemm kummerċ. Madwar il-pjazza iddur il-ħajja tal-belt jew raħal. U kemm ħsibijiet jistgħu jiġuk waqt li tkun fil-pjazza. Perezempju dan il-ħsieb li nikteb dwar il-pjazza tar-raħal ġieni waqt li kont qed nieħu cappuccino f’ ħanut ġewwa pjazza Maltija.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 17 ta' Settembru 2016




mercoledì 12 giugno 2013

Ħarsa lejn l-ambjent tal-għaqdiet u każini fit-tieni nofs tas-seklu XIX.

Meta nqallbu l-kotba tal-istorja ta’ pajjiżna dejjem insibu li b’xi mod jew ieħor Ħal Qormi kien protagonist. Dan minħabba l-għadd ta’ nies li minn dejjem kienu jgħixu fih kif ukoll minħabba li jinsab qrib il-port, iċ-ċentru tal-kummerċ u l-attività, u b’hekk bilfors minn dejjem kellu ċerta importanza.

L-aħbarijiet kienu jaslu għand il-poplu mill-ħwienet tax-xorb
Il-bniedem maħluq biex jissolċjalizza ruħu, biex jagħmel kuntatt ma’ bnedmin oħra. Illum aħbar tasal għandna permezz tat-teknoloġija moderna, imma mhux hekk kienet l-istorja madwar mija u ħamsin sena ilu. Aħbar kienet tasal bil-fomm. Dawk li jafu jaqraw kienu ftit u l-ġurnali ta’ dak iż-żmien kienu jaslu biss f’idejn xi avukat, xi nutar, it-tabib u s-saċerdoti. Il-kumplament tal-poplu kien analfabeta. Imma l-poplu xorta jistaqsi xi jkun qed jiġri madwaru u lil hinn minnu. Jaf jaqra jew le xorta l-bniedem irid ikun jaf x’ qed tgħid in-nies, kemm qrib kif ukoll bogħod. L-aħbarijiet kienu jaslu għand il-poplu mill-ħwienet tax-xorb, li ta’min jgħid li r-raħal tagħna ma kienx nieqes minnhom! Lejn nofs is-seklu XIX bdew jinħolqu l-każini. Id-differenza bejn il-każin u l-ħanut tax-xorb kienet li l-każin kien immexxi minn kumitat u għandu għan partikolari, filwaqt li l-ħanut tax-xorb kien il-mezz ta’ għixien għal sidu.

Sabiex nifhmu ftit kif kienet is-sitwazzjoni ta’ dawn il-każini sejrin niftħu żewġ kotba antiki li fihom insibu ħjiel ta’ kif kienet il-ħajja Maltija dak iż-żmien. Il-kotba li qiegħed nirreferi għalihom huma tal-magħruf Pietru Pawl Castagna:  Malta bil-gżejjer tagħha u li għadda min għaliha, stampat fl-1865 u L-Istorja ta’ Malta bil-gżejjer tagħha tas-sena 1890.
P.P. Castagna
Castagna, iben Antonio u Carmela nee’ Gonzi twieled ġewwa Bormla nhar is-16 ta’ Ġunju 1827, Wara l-istudji primarji mar jistudja fil-Liceo tal-Belt Valletta.  Beda jaħdem mal-Gvern bħala għalliem tal-iskola elementari, laħaq surmast u wara direttur tal-edukazzjoni elementari. Castagna baqa’ msemmi bħala edukatur, storiku u folkloristiku li kiteb l-ewwel Storja ta’ Malta bil-Malti. Huwa għen il-letteratura Maltija billi kiteb ħafna rapreżentazzjonijiet bil-Malti għal fuq il- palk. Kif diġa għidna, Pietru Pawl Castagna ħareġ l-ewwel edizzjoni tal-istorja ta’ Malta fl-1865 f’żewġ volumi bl-isem ta’ Malta bil Ghzejer Tahha u li Ghadda min Ghaliha.(L-isem miktub skont il-grammatika ta’ dak iż-żmien u skont kif insibuh fil-qoxra). It-tieni edizzjoni stampaha fl-istamperija C. Busuttil ta’ 133, Strada Forni, Valletta bejn is-snin 1888-1890, din id-darba b’isem ieħor, Lis Storja ta Malta bil Gzejer Tahha. Miet nhar it-13 ta’ April 1907.

Intant fl-ewwel ktieb tiegħu, f’paġna 97, b’Malti li jxaqqlek aktar lejn it-Taljan, Castagna jagħtina lista ta’ każini li kienu jistabu f’Malta u Għawdex. Ser inġibu kelma b’ kelma dak li nsibu f’ dan il-ktieb, biss ser naqilbuh b’ Malti tal-lum. Dan huwa dak li naqraw:

F’ Ottubru tas-sena 1821, ċertu Giovanni Taffien, f’ bottegin Strada Vescovo, fetaħ l-ewwel każin tan-negozjanti.
Fl-1823 kien istitwit it-tieni: Każin San Giorgio.
Fl-1824 sar it-tielet każin mill-inġliżi, imsemmi Club.
Fl-1848 il-kbarat tal-Belt istitwew ir-raba’ każin li semmewh Il Circolo Maltese.
Fl-1849 intrama każin ieħor bit-titlu tar-Rendevous.
Fl-1850 sar il-Casino Maltese.
Wara dawna, saret L’Unione, każin iffurmat mis-soċi taċ-Circolo u tal-Casino Maltese.
Fl-1851 is-sinjuri ta’ Bormla armaw każin ieħor għalihom, li ssemma il Casino Cospicuano.
Fl-1852 l-Isolani (tal-Isla) għamlu Il Casino Sengleano.
Wara dan fl-Isla sar ieħor li ssemma Il Casino Marittimo.
Fl-1854 sar il-każin fiż-Żejtun.
Ma’ din il-ħabta sar ukoll każin fl-Imdina, ieħor fin-Naxxar u ieħor fir-Rabat ta’ Għawdex.
Fl-1857 sar it-tmien każin fil-Belt, L’Indipendente.
Fl-1858 fil-Birgu saru żewġ każini oħra.
Fl-1861 fil-Belt intrama każin ieħor, Casino San Giovanni.
Fl-1862 sar ir-Reading Institution fl-Isla.
U issa fl-aħħar (tmien snin wara dan) iffurmaw ruħhom iż-żewġ każini fil-Belt: San Paolo u L’Unione.



Banda Unione Luqa 1880

Wieħed dlonk jinnota li Ħal Qormi ma jidhirx fil-lista ta’ dawn l-ewwel każini.  Fil-ktieb tal-istess kittieb tas-sena 1890 nistgħu ninnutaw żviluppi kbar fejn jidħlu l-każini. Issa bdew ikunu mwaqqfin soċjetajiet filarmoniċi, jew aħjar bdew jinħolqu l-baned. F’paġni 247- 249 Castagna jikteb lista ta’ għaqdiet mużikali li kienu jeżistu. Huwa jagħti wkoll l-ismijiet tad-diretturi tal-istess baned. Għal darba oħra sejrin inġibu din il-lista b’ Malti li jinftiehem:
Il-Baned Maltin
La Società Filarmonica Nazionale:

Valletta                   1  Royal Malta Artillary – Dir. Eman Bartoli.
                               2  Royal Malta Militia – Dir. Fil. Galea.
                               3  Prince of Wales Band – Dir. Alf.P. Hare.
                               4  La Vallette – Dir. Cav. V. Carabott.

Floriana                   5  Vilhena Band –Dir. Gius. Borg.

Senglea                   6  La Vincitrice – Dir. Gius Portelli.
                               7  La Croce di Malta – Dir. Bern. Costa.

Cospicua                8  San Giorgio – Dir. Carmelo Abela.

Vittoriosa                9  Duke of Edimburgh – Dir. Gaet. Grech.
                               10 La Vittoriosa – Dir. Gius Micallef.

Sliema                     11 I Cavalieri di Malta – Dir. Ferd Camilleri.

Notabile                  12 L’Isle Adam – Dir. Carm Camilleri.
                               13 Conte Ruggiero – Dir. Fran Xuereb.

Luqa                       14 Sant’ Andrea – Dir. Salv. Spiteri.
                               15 L’Unione – Dir. Gaet. Grech.

Żabbar                    16 Santa Maria – Dir. Gius. Micallef
                               17 San Michele – Dir. C. Abela Scolaro.

Żejtun                      18 Beland – Dir. Ang. Mifsud.
                                19 Santa Caterina – Dir. P. Caruana Dingli.              

Żebbuġ                    20 San Filippo – Dir. Gioac. Galea.
                               21 Rohan – Dir. Lor. Gatt.

Birkirkara               22 La Stella – Dir. Gavino Camilleri.
                               23 L’Alleanza – Dir. Costant Fenech.

Qormi                     24 Pinto – Dir. Ant. Agius.
                               25 San Giorgio – Dir. Gius. Portelli.

Żurrieq                    26 Il Cavaliere – Dir. Carm. Zamit (miktub hekk minn Castagna)

Ħamrun                   27 San Giuseppe –Dir. Carm. Doneo.
                               28 San Gaetano – Dir. Edwardo Farina.

Naxxar                   29 La Pace – Dir. Gav. Camilleri.

Siġġiewi                 30 La Nicolina – Dir. Ruggiero Carabott.

Tarxien                  31 San Giuseppe – Dir. P. Caruana Dingli.

Mosta                   32 Nicolò Isouard – Dir. Eman. Camilleri.

Kirkop                  33 L’Unione – Dir. Ignazio Catania.

Victoria                 34 Il Leone – Dir. Cav. V. Carabott.
                              35 La Stella – Dir. Ant. Agius.

Nadur                   36 Calypso – Dir. Fran. Decesare.

Kazin Leone, Rabat Għawdex
Castagna wara din il-lista jikteb li f’ xi postijiet  imsemmija id-diretturi kienu inbidlu. Minn din il-lista wkoll nistgħu nindunaw li xi wħud mill-għaqdiet tal-Banda li kienu jeżistu fi żmien Castagna għadhom magħna sal-lum, oħrajn spiċċaw għal kollox u oħrajn inbidlilhom isimhom imma għadhom jeżistu. La qegħdin insemmu l-ismijiet tal-baned nixtieq naqsam magħkom dak li qaluli żewġ anzjani mill-Birgu waqt waħda mill-ħafna diskursati li kellna. Qaluli li l-ismijiet tal-għaqdiet jirriflettu wkoll it-tendenza politika tal-belt jew raħal. Il-Mizzjani, jew aħjar is-segwaċi tal-Partit Nazzjonalista kienu jiffavorixxu l-Italja u għalhekk isem ta’ għadqa bl-ilsien Taljan kien juri li l-maġġoranza fil-belt jew raħal kienu Nazzjonalisti. Aktar tard l-iStricklandjani kienu jappoġġjaw lill-Ingilterra u għalhekk jekk isem ta’ għaqda kien bl-Ingliz kien ifisser li l-maġġoranza kienet tappoġġja lill-partit Kostituzzjonali. Ma rridux naħsbu bil-mentalità politika tal-lum. Jekk xejn l-ewwel differenza hija li dak iż-żmien Malta kienet kolonja u mhux stat sovran.  F’dak iż-żmien, jiġifieri lejn tmiem is-seklu dsatax konna nsibu l-Partit Riformista taħt it-tmexija ta’ Sigismondo Savona u l-Partit Anti-Riformista mmexxi minn Fortunato Mizzi, liema partit aktar tard beda jissejjaħ Partito Nazionale, illum il-Partit Nazzjonalista. Nikkwota dak li qal Remiġ Sacco fil-ktieb tiegħu L-Elezzjonijiet Ġenerali, (K.K.M. 1986, p.52) <<S’issa kellna numru ta’ assoċjazzjonijiet, għaqdiet, eċċetral li forsi kont tista’ ssejħilhom partiti politiċi, iżda ħafna kienu jsibuhom jew jattribwulhom l-isem tal-mexxej, bħal ngħidu aħna Panzavecchjani, Mizzjani, Savonjani eċċ. [...] Għalhekk kien hemm ir-Riformisti, Anti-Riformisti, estremi jew moderati, il-firda fost il-Maltinbejn Imperjalisti u pro-Taljani bdiet iżżid id-doża minn hawn ’il quddiem , u dawn l-elementi baqgħu jiddominaw ix-xena politika Maltija sa qabel l-aħħar gwerra dinjija>>. Intant inħallu fil-ġenb il-politika u l-partiti. Naraw li fil-Belt Valletta l-każini li għadna nsibu llum, minbarra l-Każin Malti, kienu jisimhom Filarmonica  Nazionale La Vallette u La Vincitrice. Din tal-aħħar biddlet isimha fi Prince of Wales Own u aktar tard f’ King’s Own. B’ Hekk naraw il-qasma politika fil-Belt Valletta. Mhux l-istess nistgħu ngħidu għall-Birgu. Hawn il-Banda La Vincitrice saret id-Duke of York u meta l-Beltin ċedew l-isem ta’ Prince of Wales wirtuh huma. Il-banda l-oħra tal-Birgu kienet iġġib l-isem ta’ Duke of Edinbugh. Dan juri li l-Birgu kien favur il-Gran Brittanja. Mhux l-istess l-Isla. Hawn il-maġġoranza kienet Nazzjonalista u l-istess ħaġa Bormla. Xjuħ Bormliżi jsostnu li aktar milli Nazzjonalisti, l-antenati tagħhom kienu Grossisti, jiġifieri jsegwu lil Carmelo Mifsud Bonnici, magħruf bħala l-Gross. Imma dan li qed insemmu issa huwa aktar tard minn żmien it-twaqqif tal-ewwel każini.


Kazin tal-Banda fil-Birgu
Ta’ interess partikolari għalina huwa l-isem tal-banda San Giorgio li Castagna jsemmi f’ Ħal Qormi. Meta wieħed jiftakar li l-ktieb li qegħdin nieħdu t-tagħrif minnu kien maħruġ fl-1890 jista’ jiġi f’ diffikultà x’ ħin jiftakar li l-Banda San Ġorġ Martri iġġib is-sena 1893 bħala s-sena tat-twaqqif tagħha. Nieħdu kelma b’ kelma dak li nsibu fis-Sit elettroniku tal-Banda San Ġorġ Martri sabiex nifhmu dan il-punt:
<< Fl-eqqel tal-kwistjoni politiko-religjuza dwar il-legati taż-żwieġ, Mons S. Chircop, nhar it-8 ta’Ottubru (1893) kien għamel meeting ġewwa Ħal Qormi. Il-banda Pinto ma appoġjatx dan il-meeting anzi xi partitarji tagħha issuttaw u ppruvaw itellfu lil dan il-kelliem. Dan wassal għal diżgwid fi ħdan is-soċjetà Pinto, diżgwid li wassal sabiex numru ta’ bandisti fosthom Nikola Montebello u Ġorġ Zarb (eks president u surmast tal-banda Pinto) jħallu l-każin Pinto u jingħaqdu maċ-Circolo San Giorgio, każin li kien diġa stabbilit u li aktarx hu l-istess każin li twaqqaf fl-1872. Fiċ-Circolo San Giorgio dawn il-bandisti waqqfu banda ġdida bl-isem ta’ Società Filarmonika San Giorgio. Din il-banda l-gdida tat l-ewwel programm tagħha nhar it-8 ta’ Jannar 1894. Il-banda kienet taħt id-direzzjoni tas-Surmastrijiet Guzeppi Portelli u Giorgio Zarb.>>

Dan ifisser sewwa għaliex l-ebda każin Qormi ma kien imsemmi fil-ktieb ta’ Castagna tas-sena 1865 u jissemmew tnejn f’ dak tal-1890. Biex inkomplu niċċaraw id-diskors tagħna ngħidu li xi anzjani Qormin li llum ma għadhomx magħna kienu jsemmu l-fatt tal-firdiet bejn il-baned Qriema kien jidher anke mil-laqmijiet tal-baned. Il-każin San Giorgio kien magħruf bħala “Taz-zokk”. Dan il-każin li kellu s-sede tiegħu fi pjazza San Franġisk, kien magħruf ukoll bħala tal-orkestra.  Il-Banda Pinto kellha l-laqam “Tal-Qalba”, laqam li għadu mal-istess banda. Jingħad li kienu jgħidu li ta’San Giorgio huma zokk imma ta’ Pinto huma l-qalba taz-zokk. Meta ġiet iffurrmata uffiċċjalment l-Għaqda tal-Mużika San Ġorġ Martri ġiet imlaqqma bħala “Tal-werqa” sabiex ikun mifhum li l-werqa ħarġet miz-zokk. Forsi dak iż-zmien il-laqmijiet kienu jingħataw b’ disprezz, forsi xi wħud kienu jridu jgħidu li kieku ma kienx hemm iz-zokk ma kienitx tinbet il-werqa u li z-zokk għandu l-qalba li jgħijjixha! Illum storja oħra, illum il-laqam tal-banda aktarx jagħti identità.
Ejjew inkomplu naraw x’ kiteb Castagna dwar dawn l-ewwel każini f’ Malta.
Mastru Indri Borg 
L-ewwel banda nazzjonali saret f’ Ħaż Żebbuġ mit-tant imsemmi Vallettan Mastru Indrì Borg fl-1860. Dan kien il-bidu ta’ kemm baned saru u li għad isiru. Sitt xhur wara, l-istess Indrì ifforma t-tieni banda fir-Rabat tal-Imdina, u l-Band Master Galea (is-Surmast li semmejna) rama it-tielet f’Ħaż Żebbuġ ukoll.
Fiż-Żejtun, li sa mis-sena 1837 kienet teżisti orkestra, diretta mid-dilettant Sign. Grazio Diacono, dana ifforma r-raba’ banda (1862) u hekk issa f’raħal u issa f’ieħor, l-abitanti tal-kampanja tagħna ħadu żvilupp liema bħalu.

L-ibliet damu ftit ma qabdu din ir-rikreazjoni, infatti bilkemm fl-1874 saret l-ewwel banda li ssemmiet “La Stella”. Il-promutur u d-direttur tagħha kien il-ġuvni Giuseppe Borg, bin l-imsemmi Surmast Indrì. Sena wara il-professur tal-vjolin Sign. Luigi Carabott ifforma l-banda l-oħra li ssemmiet “La Vallette”
Castagna jtemm il-parti tal-ktieb tiegħu dwar il-każini tal-banda billi jagħtina x’ nifhmu li l-flus kienu dejjem problema sabiex tmexxi għaqda mużikali. Mingħajr ma jsemmi l-problema finanzjarja l-awtur jgħid li : Daż-żmien, il-gvern jikkonċedi tnejn u ħamsin tombla lil dawn il-baned biex bi flushom ipattu l-ispejjes li jkollhom.

Illum, aħna li twelidna lejlet it-tielet millenju bilkemm nimmaġinaw kif kien pajjiżna daqs mija u ħamsin sena ilu jew ftit aktar. Nimmaġinaw li dak li għandha kien minn dejjem, imma kull ma għandna kien xi darba maħluq, bħalma kienu maħluqin l-għaqdiet u l-soċjetajiet u l-każini tal-banda. Grazzi għal kitbiet ta’ storiċi bħal Castagna nistgħu nibnu l-istorja ta’ pajjiżna, tar-raħal tagħna, tal-għaqdiet tagħna u fl-aħħar mill-aħħar l-istorja tagħna stess.

Fr. Reno Muscat OP

Kitba fil-programm tal-Festa San Ġorġ Qormi - Kumitat Festi Esterni 2013