Visualizzazione post con etichetta teatru rjal. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta teatru rjal. Mostra tutti i post

venerdì 21 settembre 2018

Nar


Wieħed mill-elementi l-aktar b’saħħithom bla dubju huwa n-nar. In-nar huwa element li jeqred; in-nar huwa ħaġa li tbeżża’, iżda l-bniedem għax għandu moħħ li kapaċi jaħseb u għax huwa intelliġenti, minn element li jeqred u li jbeżża’ sab mezzi biex jagħmel użu minnu tant li llum il-bniedem ma jistax jgħix mingħajr in-nar jew dawk il-kumditajiet li oriġinarjament kienu jaħdmu bin-nar.

Għat-tisjir, id-dawl u s-sħana
L-annimali jitwerwru min-nar. Araw meta taqbad xi foresta kif l-annimali jitilqgħu jiġru bogħod minn dak il-periklu. Iżda l-bniedem mhux hekk. Minkejja li aħna nibżgħu min-nar ukoll, xorta waħda sibna kif minnu ndawlu djarna matul il-lejl, bih sirna nsajru l-ikel tagħna, ħaġa li l-ebda annimal ieħor ma huwa kapaċi jagħmel. Bin-nar bdejna nsaħħnu djarna fix-xhur keħin tax-xitwa. Il-bniedem irnexxielu minn element daqstant perikoluż u tal-biża’ jivvinta aċċessorji biex ikollu ħajja aktar komda. Aktar qrib tagħna l-bniedem irnexxielu juża n-nar biex jgħinu jmur minn post għal ieħor. Il-vapuri ma baqgħux jaħdmu bil-qlugħ u l-qawwa tar-riħ imma bdew jaħdmu permezz tal-fwar prodott minn ilma fuq in-nar. L-istess il-ferrovija, kienet timxi permezz tal-fwar prodott minn ħuġġiega nar. U l-karozza jekk niġu f’dan mhux ukoll bi xrara nar taħdem? In-nar illum sar prodott importanti fil-ħajja tal-bniedem minkejja li għadu jbeżża’.

Ħsarat
Ma rridx li jkun hawn min jaħseb li qed ninsa kemm ħsarat jista’ jikkawża n-nar. Il-kotba tal-istorja jsemmu nirien kbar li seħħew fil-belt ta’ Londra fl-1666. Kienu nirien li qerdu l-belt. Kollox beda minn forn tal-ħobż nhar it-2 ta’ Settembru ta’ dik is-sena. Dan in-nar dam għaddej erbat ijiem sħaħ u qered aktar minn 13-il elf dar. Billi dak iż-żmien id-djar kienu tal-injam u t-tiben, in-nar aktar infirex malajar u biex l-affari tkun agħar, dik is-sena ftit li xejn kienet għamlet xita u għalhekk kollox kien niexef. Semmejt inċident wieħed biss iżda l-lista ta’ dawn hija twila ħafna u jekk tibda ssemmi ma tispiċċa qatt, bejn foresti, bliet jew postijiet oħra  nsibu mijiet ta’ nirien kbar.

Tajjeb insemmu nar kbir li kien seħħ f’Malta fl-1873 sewwasew nhar il-25 ta’ Mejju.  Dakinhar kien inħaraq it-Teatru Rjal tal-Belt Valletta. Minkejja li l-bini fuq barra ma ġralu xejn il-ħsara ta’ ġewwa kienet enormi tant li kellhom jgħaddu erba’ snin u nofs biex dan it-teatru reġa’ fetaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku.  Il-kittieb Malti Ġużè Galea jagħtina rumanz sabiħ li jsemmi sewwa dawn in-nirien. Fil-fatt ir-rumanz jismu “Meta nħaraq it-teatru”.

Fil-fidi u fil-kultura
In-nar huwa element li nsibu wkoll fit-twemmin. Il-Lhud bħalna jemmnu li l-profeta Elija kien imtella’ lejn is-smewwiet fuq karru tan-nar. Alla kellem lil Mosè minn siġra taqbad bla ma tiġi rmied. L-Insara jemmnu li meta niżel l-Ispirtu s-Santu fuq l-appostli dehru ilsna tan-nar fuq rashom. In-nar jissemma fil-Bibbja aktar minn erba’ mitt darba, anke b’mod indirett. Dan juri l-importanza tiegħu fil-ħajja tagħna l-bnedmin. Tajjeb insemmu li nhar Sibt il-Għid fil-knejjes Kattoliċi jitbierek in-nar qabel il-funzjoni tal-Vġili tal-Għid.

Il-bniedem rebaħ u sar anke jikmanda sa ċertu punt lin-nar. Għalkemm mhux daqstant popolari magħna, imma ġieli rajna nies jagħtu spettaklu billi jilgħabu bin-nar u sħansitra jiekluh, jew tal-inqas insejħulhom hekk (fire eaters). Ġieli rajna xi ħaġa minn dawn meta f’pajjiżna jkun hawn xi ċirklu jew aktarx fuq it-televiżjoni. Darba kont Catania fl-aħħar tas-sena u rajt dik li jsejħu Festa del fuoco. Spettaklu tal-għaġeb bin-nar li mhux kapaċi nfissru bil-kitba. Spettaklu meravilja. Iżda l-akbar spettaklu li l-bniedem jagħti permezz tan-nar bla dubju hija fl-arti piroteknika.

Nar tal-ajru, nar tal-art
L-arti piroteknika minkejja l-kontroversji kollha, hija ammirata minn ħafna. L-istorja tal-logħob tan-nar hija mitlufa u ftit li xejn nafu dwarha. Il-logħob tan-nar mexa ’l quddiem u żviluppa aktarx fil-kwiet u bla daqq ta’ trombi. Min jaf, forsi minn dejjem kien hemm il-kontroversji. Hu maħsub li l-logħob tan-nar twieled fiċ-Ċina. U taħsbux li kienu xi nies komuni li bdew din l-arti! Aktarx li kienu l-patrijiet Buddisti li bdew jesperimentaw u jiżviluppaw il-piroteknika. Dan kien madwar elf sena ilu.
L-istorja piroteknika anke f’Malta hija waħda twila. Minn sparar ta’ ftit maskli bosta snin ilu llum għandna ħaddiema li jaħdmu nar mill-aqwa li jpaxxi lil kull min jarah. Nar tal-art u nar tal-ajru, żewġ friegħi fil-piroteknika li pajjiżna jista’ jiftaħar bihom. U llum anke t-teknoloġija daħlet fil-logħab tan-nar. Bosta kmamar li jipproduċu n-nar saru jagħtu spettaklu pirotekniku sinkorinzzat.

Bħal kollox, in-nar fih it-tajjeb u fih il-ħażin tiegħu!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 15 ta' Settembru 2018







giovedì 17 gennaio 2013

Monument lill-arti


Ħsibijiet fuq it-taraġ tat-Teatru Rjal


Fi żmien il-vaganzi tal-Milied ċempilli wieħed żagħżugħ u stedinni biex niltaqgħu ftit, nagħmlu żewġ passi, nieħdu kafè u ngħidu kelmtejn. Ftehma biex l-għada niltaqgħu l-Belt f’ xi l-10 ta’ filgħodu. Ikolli nammetti li għalija niltaqgħu l-Belt Valletta jew f’ xi post ieħor ma kienx jagħmilli differenza, imma wara li iltqajna apprezzajt kemm kien ħsieb tajjeb li niltaqgħu hemmhekk.

Fis-sajf li għadda kont dħalt darbtejn sal-Belt, imma fi żmien il-Milied kont ilni ma nidħol snin twal. Forsi l-ħsieb ta’ folol ta’ nies jixtru u jduru minn ħanut għall-ieħor dejjem kien jaqtagħli qalbi, imma nsomma għal din is-sena kont sejjer nagħmel eċċezzjoni. U dħalt il-Belt u ħassejtni qisni turist. Ħassejtni donni qiegħed inżur xi belt ġdida, belt li fiha qatt ma kont mort qabel, belt li minkejja li żortha mijiet ta’ drabi, ħassejtha timmeraviljani daqs li kieku kont qiegħed niskopriha, niskopri teżor li sibt bla ma kont qiegħed infittex.

Tlajt it-taraġ tat-Teatru Rjal. Inqerr magħkom: kont xettiku għall-aħħar dwar dan il-proġett, imma x’ ħin sibt ruħi hemmhekk ħassejt il-kuxjenza tniggiżżni. Minn moħħi għadda elf ħsieb. Kemm hi kerha l-gwerra, qerda biss iġġib. Ara x’ ħallew il-bombi Ġermaniżi; borġ ġebel, ħallew selħa fil-Belt mibnija mill-ġentlomi għall-ġentlomi, ħallew toqba, ħallew vojt, ħallew il-mewt minflok il-glorja u l-maestrija li kien igawdi dan it-teatru. Bil-waqa’ ta’ dan il-bini, id-dilettanti tal-opra sfaw iltiema, sfaw vittmi, sfaw telliefa, tilfu xi ħaġa għażiża għalihom. Għal bosta u bosta snin konna bqajna bi ftit knaten fuq xulxin biex ifakkruna fil-kruha tal-gwerra. Knaten li kienu jixhdu dak li kienu jirrakkuntawlna n-nanniet u forsi l-ġenituri tagħna, ġrajjiet li aħna ma niftakrux. Knaten li baqgħu hemm biex juruna kemm hi kerha l-gwerra!

Imma inutli noqgħodu nibku. Kollu ta’ xejn noqgħodu naħsbu fuq dak li tlifna u ma nagħmlu xejn. Dan jgħodd għal kull sitwazzjoni tal-ħajja. Jekk noqgħodu b’ idejna fil-but kollox kif inhu jibqa’. Jekk noqgħodu naħsbu bla ma nieħdu azzjoni xejn ma jinbidel. Jeħtieġ li tittieħed deċizzjoni illum jew għada. U deċizzjoni kultant ma tkunx faċli. Deċizzjoni tista’ tintgħoġob ma’ xi wħud u tista’ ma tintlaqax minn oħrajn.

Fil-każ tat-teatru l-imwaqqa’ hekk ġara. Ittieħdet deċizzjoni. Kont għadni fuq it-taraġ tat-teatru meta ġewni dawn il-ħsibijiet. Teatru tal-ħadid, bla saqaf, imma li ma jmissx mal-fdal tal-bini tat-teatru l-imwaqqa’. Ħassejt li l-istruttura l-ġdida trid tisfida lill-gwerra, trid twassal messaġġ lil dawk li jaħsbu li bil-gwerra tista’ taħkem fejn trid, tikkmanda lil min trid. L-istruttura trid turi biċ-ċar li l-arti ma tispiċċax bil-gwerra, anzi fejn il-gwerra tiżra l-qerda l-arti tnibbet il-ħajja. L-arti, it-teatru, huma parti mir-ruħ tal-ġens u r-ruħ ma tmut qatt. Il-bombi li niżlu f’ dan il-post waqqgħu l-bini, ħallew ħerba, imma ma qatlux ir-ruħ. Veru każ fejn mix-xewk ħareġ il-ward.
Renzo Piano
Ħassejtni kważi nistħi minni nnifsi meta ftakart li kont xettiku dwar dan il-proġett. Issa li qiegħed fih nista’ nara l-għaqda tal-antik mal-modern. Għalija iktar minn teatru l-istruttura tal-perit Renzo Piano hija monument għall-arti. Iva l-gwerra kissret il-ġebel imma ma ġabitx fix-xejn lir-ruħ, il-qalb, ix-xewqat u l-imħabba kulturali ta’ dan il-poplu.

Ħassejtni kuntent li kont ninsab f’ post li għada pitgħada għandu jkun imniżżel mal-lista ta’ xogħolijiet magħarufa li wettaq il-perit ta’ fama internazzjonali. Fraħt meta bdejt nimmaġina li għad nara isem Malta, isem il-Belt Valletta ma’ ismijiet ta’ bliet kbar oħrajn bħal Pariġi, Londra, Milan, Genova, Turin, Napli, Ateni, Berna,  Berlin,  Amsterdam, Rotterdam, Oslo, Houston, Dallas, Atalanta, New York, Tokyo u għadd ta’ bliet oħra li lkoll għandhom xi xogħol ta’ dan l-arkitett modern.

Inżilt lura mit-taraġ li kont tlajt. Minkejja li minix belti, ħassejtni kburi bil-Belt Kapitali ta’ pajjiżi. Dort fuq dak li kont dħalt il-Belt biex niltaqa’ miegħu u fissirtlu dan kollu fi ftit kliem. Għidltu biss: “Dan mhux teatru, dan monument li juri li l-arti lanqas il-gwerra ma tirbħilha!”

Fr Reno Muscat OP

In-Nazzjon 17 ta' Jannar 2013