Ir-relikwi għandhom post importanti
fl-istorja u fit-tradizzjoni Nisranija. Il-kelma “relikwa” ġejja mil-Latin reliquiae,
li tfisser dak li jibqa’ jew dak li jitħalla warajh. Fil-kuntest reliġjuż,
relikwa tista’ tkun parti mill-fdalijiet ta’ qaddis jew oġġett marbut mill-qrib
mal-ħajja tiegħu.
Fil-bidu
Sa mill-ewwel sekli tal-Kristjaneżmu,
l-Insara kienu jagħtu ġieħ lill-fdalijiet tal-martri u tal-qaddisin. Dawn kienu
persuni li taw xhieda tal-fidi tagħhom, u ħafna minnhom saħansitra tilfu ħajjithom
minħabba t-twemmin tagħhom. Il-fdalijiet tagħhom kienu għalhekk jinżammu
b’rispett kbir bħala tifkira tal-ħajja u tal-fidi tagħhom.
Fit-tradizzjoni Kattolika, ir-relikwi
jistgħu jinkludu partijiet mill-ġisem ta’ qaddis, bħall-għadam, ix-xagħar jew
id-demm. Jistgħu jkunu wkoll oġġetti personali li kienu jappartjenu lil qaddis
jew li kellhom kuntatt miegħu. Ir-relikwi ħafna drabi jinżammu f’kontenituri
apposta msejħa relikwarji, li jistgħu jkunu xogħlijiet artistiċi u dekorattivi
ħafna.
Qima u venerazzjoni
Huwa importanti
li ssir distinzjoni bejn il-qima lil Alla u l-venerazzjoni tar-relikwi.
Fit-tagħlim Kattoliku, ir-relikwa mhijiex meqjuma bħala xi divinità. Dina
tingħata venerazzjoni minħabba r-rabta tagħha mal-qaddis, u għandha tgħin
lill-fidili jiftakru fl-eżempju tiegħu u jersqu aktar lejn Alla.
Ir-relikwi
għandhom ukoll rabta qawwija mal-istorja reliġjuża ta’ Malta. Il-venerazzjoni
tagħhom fil-gżejjer tagħna kompliet tiżviluppa b’mod partikulari wara l-wasla
tal-Ordni ta’ San Ġwann fl-1530. Relikwi ta’ qaddisin kienu jinġiebu Malta u
jinżammu fil-knejjes, kultant f’urni mżejna jew f’figuri magħrufa bħala corpi
santi. Dokumentazzjoni storika tindika li l-ewwel translazzjoni dokumentata
ta’ relikwi f’Malta seħħ fir-Rabat fl-1608.
Il-Korpi Santi
Il-Korpi Santi
huma relikwi ta’ martri Nsara li nġiebu minn katakombi u ċimiterji antiki ta’
Ruma u tqiegħdu għall-venerazzjoni f’diversi knejjes. Matul is-sekli, ħafna
minn dawn ir-relikwi ngħataw lil parroċċi u komunitajiet reliġjużi u biż-żmien
inħolqot devozzjoni qawwija lejhom.
Ħafna drabi,
il-fdalijiet kienu jitqiegħdu f’figura li tirrappreżenta lill-martri, liebsa
b’ilbies rikk u mżejna b’deheb, fidda u dekorazzjonijiet oħra. Dawn il-figuri
kienu jinżammu f’urni jew relikwarji tal-ħġieġ biex il-fidili jkunu jistgħu
jarawhom u jqimuhom. Xi wħud minnhom għadna nsibuhom kemm taħt kif ukoll fuq
l-artali fil-knejjes tagħna.
F’Malta, il-Korpi
Santi saru parti importanti mill-wirt reliġjuż ta’ diversi parroċċi.
Il-wasla tagħhom kienet ġieli tkun akkumpanjata minn ċelebrazzjonijiet solenni,
purċissjonijiet u talb. Għalhekk, minbarra l-importanza reliġjuża tagħhom,
illum il-Korpi Santi għandhom ukoll valur storiku, kulturali u
artistiku, u jfakkruna fid-devozzjoni lejn il-martri li żviluppat matul
is-sekli.
Il-Bejgħ
tar-Relikwi
Matul l-istorja,
ir-relikwi saru oġġetti mfittxija ħafna minħabba l-importanza reliġjuża
tagħhom. Dan wassal ukoll għal abbużi, fosthom il-bejgħ u x-xiri ta’ relikwi.
Fil-Knisja Kattolika, ir-relikwi sagri m’għandhomx jiġu ttrattati bħala oġġetti
kummerċjali u huwa projbit kull bejgħ tagħhom. Il-liġi tal-Knisja tipprojbixxi
b’mod ċar il-bejgħ ta’ relikwi sagri. Il-Kodiċi tal-Liġi Kanonika jgħid li huwa
assolutament ipprojbit li jinbiegħu relikwi sagri. Din il-projbizzjoni tgħin
biex tinżamm id-dinjità tagħhom u biex jiġi evitat li d-devozzjoni reliġjuża
tinbidel f’negozju.
Illum wieħed
jista’ jiltaqa’ ma’ relikwi jew oġġetti ppreżentati bħala relikwi għall-bejgħ,
speċjalment fuq l-internet u fis-suq tal-antikitajiet. Minbarra l-kwistjoni
reliġjuża, f’każijiet bħal dawn tista’ tqum ukoll il-kwistjoni tal-awtentiċità
u tal-provenjenza tagħhom. Għalhekk, ir-relikwi għandhom jitqiesu primarjament
bħala parti mill-wirt reliġjuż u storiku, aktar milli bħala oġġetti għall-kummerċ.
Dak li jitħallas għandu jkun għall-kontenitur u mhux għar-relikwa.
Relikwa ta’ San
Mikiel
San Mikiel huwa
anġlu u għalhekk, skont it-tradizzjoni Nisranija, m’għandux ġisem jew fdalijiet
umani bħalma għandhom il-qaddisin. Għalhekk ma jistax ikun hemm relikwa tiegħu
fis-sens ta’ għadam jew parti minn ġismu. Iżda hemm aneddotu ħelu li
jirrakkonta storja tal-Medju Evu, żmien fejn kien isir ħafna negozju ta’
relikwi. Jingħad li wieħed negozjant mar f’raħal biex ibiegħ relikwa ta’ San
Mikiel. U x’kienet din
ir-relikwa? Huwa qal li waqt li San Mikiel kien qed ikeċċi lil Luċifru
mil-ġenna, waqgħetlu rixa mil-ġwienaħ u din ġiet fid-dinja. Xi ħadd induna
bl-ingann ta’ dan in-negozjant u bidillu r-rixa f’faħma. Hekk kif in-negozjant
fetaħ il-borża li kellha jkollha fiha r-rixa minflokha sab il-faħma, niżel
għarkupptejh u talab lil dawk li kienu qed jarawh jagħmlu bħalu. Qalilhom li
kien għadu kemm seħħ miraklu għax ir-rixa ta’ San Mikiel inbidlet mal-faħma li
biha tqabbad in-nar tal-infern. Stejjer bħal dawn min jaf kemm hemm u għalhekk
kienet għaqlija l-Knisja li twaqqaf dan it-tip ta’ negozju. Il-Vatikan jiċċara
wkoll li huma pprojbiti kemm il-bejgħ għal prezz kif ukoll il-kummerċ jew
skambju ta’ relikwa għal flus jew għal xi ħaġa oħra.
Għal ħafna Nsara r-relikwi
mhumiex sempliċement oġġetti antiki. Huma tifkiriet tanġibbli ta’ persuni li għexu l-fidi tagħhom
b’dedikazzjoni. Fl-istess ħin, għandhom valur storiku u kulturali għax jgħinuna
nifhmu aħjar it-tradizzjonijiet, id-devozzjonijiet u l-arti reliġjuża li
żviluppaw matul is-sekli.
Fr Reno Muscat













