Illum nixtieq naqsam magħkom xi ftit tagħrif dwar waħda mill-Bażiliċi Maġġuri li nsibu fil-belt ta’ Ruma. Qed nirreferi għal San Paolo fuori le Mura. Din hija it-tieni l-akbar Bażilika Papali wara dik ta’ San Pietru fil-Vatikan. Din tinsab fuq Via Ostiense, fuq ix-xatt tax-xmara Tevere, madwar żewġ kilometri bogħod mis-swar li l-Imperatur Awreljanu kien bena madwar il-belt ta’ Ruma bejn is-snin 270 u 275 sabiex iħarsu l-belt mill-attakki tal-Barbari. Minn hawn ħadet isimha din il-Bażilika, fuori le mura li tfisser barra mis-swar tal-belt. Hawnhekk tradizzjonalment huwa l-post fejn kien jinstab il-qabar tal-Appostlu San Pawl. Fil-fatt din il-knisja tinstab madwar tliet kilometri bogħod mill-kumpless ta’ knejjes imsejjaħ Tre Fontane, il-post fejn il-qaddis kien sofra l-martirju. Il-qabar tal-Appostlu jinsab sewwasew taħt l-altar Papali fil-Bażilika. Għal din ir-raġuni, matul is-sekli, hawn dejjem kien post ta’ pellegrinaġġ. Sa mis-seklu VII il-liturġija u l-lampa votiva li hemm tixgħel fuq il-qabar tal-Appostlu kienu fdati lill-patrijiet Benedittini tal-Abbazija li tmiss mal-Bażilika ta’ San Pawl.
Storja
Qabel ma nbniet
l-ewwel knisja, f’dan il-post konna nsibu ċimiterju li kien jintuża bejn
l-ewwel u t-tielet seklu wara Kristu. Fiċ-ċimiterju kienu jinsabu bosta oqbra u
mawsolej. Bħalma ġara fil-każ tal-Appostlu Pietru hekk ġara fuq il-qabar ta’
Pawlu. Hawn ukoll dlonk wara l-martirju sar post ta’ devozzjoni kbira
mill-ewwel Insara ta’ Ruma. Fuq il-qabar inbena monument żgħir. l-istoriku
Eusebio ta’ Ċesarea (265 – ċ 340) fil-kitba tiegħu Historia Ecclesiastica jsemmi parti minn ittra li l-presbiteru
Gaju kien kiteb lill-Papa Żeferinu (198 – 217/ 218). Il-presbiteru jsemmi żewġ
kolonni li huwa jsejjaħ trofej, li kienu twaqqfu fuq l-oqbra tal-appostli,
waħda fuq l-għolja tal-Vatikan u l-oħra f’Via Ostiense. Fil-Liber Pontificales tal-Imperatur
Kostantinu (274 – 337) nsibu li l-post
fejn indifen Pawlu kien sar wieħed devozzjonali ħafna u għalhekk kienet inbniet
minnu daqxejn ta’ knisja, jew aħjar Bażilika. Il-Bażilika ta’ Kostantinu kienet
ikkonsagrata fis-sena 324.
Matul il-lejl
tal-15 ta’ Lulju tas-sena 1823 nar kbir ħakem lill-Bażilika. Dan in-nar qered tista’ tgħid din il-knisja għal kollox.
Kien ħtija ta’ ħaddiem li kien qiegħed isewwi s-saqaf tal-knisja li seħħet din
id-diżgrazzja. Huwa kien nesa n-nar li kien kebbes biex jaħdem, telaq lejn daru
bla ma tfiegħ u seħħ dak li seħħ. F’dak il-lejl kien hemm ragħaj li ra n-nar u
mar malajr javża lill-patrijiet tal-abbazija ta’ ħdejn il-Bażilika. Fi żmien li
la kien hemm il-mezzi ta’ komunikazzjoni u lanqas il-mezzi tat-trasport li
għandna llum, minn x’ħin ir-ragħaj intebaħ bin-nar sakemm waslu l-pumpieri
tat-tifi tan-nar kienu laħqu għaddew madwar sagħtejn. Bosta opri inqerdu, imma
fortunatament it-tribuna, il-gandlier tal-blandun u l-apside ħelsuha ħafif.
Bini mill-ġdid
Fl-1825 il-Papa
Ljun XII (1823 – 1829) kiteb l-enċiklika Ad
plurimas u fiha ħeġġeġ lill-isqfijiet sabiex jagħmlu ġabra mingħand
il-fidili bl-iskop li tinbena mill-ġdid il-Bażilika ta’ San Pawl. L-appell
tal-Papa ntlaqa’ tajjeb ħafna u bdew jaslu flus kbar mingħand l-Insara
tad-dinja kollha. Fost id-dinjitarji li taw sehemhom għall-bini mill-ġdid ta’
din il-knisja nsibu r-Re Karlu Feliċ ta’ Sardenja, ir-Re Karlu X ta’ Franza,
ir-Re l-ġdid, Franġisku I tar-Renju ta’ Napli u Sqallija kif ukoll iż-Żar
Nikola I tar-Russja u Ibraħim Pascia Viċire tal-Eġittu.
Is-sena ta’ wara
inbeda ix-xogħol tal-bini mill-ġdid tal-Bażilika. Fl-1840 il-Papa Gregorju XVI
(1831 – 1846) ikkonsagra l-altar tal-Bażilika imma kellu jkun il-Beatu Papa
Piju IX (1846 – 1878) biex nhar l-10 ta’ Settembru, 1854 ikkonsagra il-Bażilika.
Madankollu ix-xogħol fil-Bażilika baqa’ sejjer sal-1874. Fl-1928 tlesta
il-kjostru meraviljuż li hemm quddiem il-knisja. Fl-2006 sar xogħol biex
il-qabar tal-Appostlu Pawlu jkun jista’ jidher minn dawk li jżuru l-Bażilika.
Opri
Il-Bażilika minn
ġewwa fiha ħames navati u għandha forma ta’ salib Latin. In-navati huma
mifrudin minn kolonni kbar tal-granit. Fil-faxxa ta’ fuq il-kolonni nsibu
l-kwadri tal-papiet kollha maħduma fil-mużajk. Dawn il-kwadri jduru mal-knisja
kollha. Fil-korsija tan-nofs bejn it-twieqi insibu 36 pittura li tirrapreżenta
siltiet mill-ħajja ta’ San Pawl. L-ewwel pittura fuq in-naħa tal-lemin
tal-altar papali turi l-miraklu tal-lifgħa li l-Appostlu wettaq f’pajjiżna. F’din il-Bażilika indifnu żewġ papiet,
il-Papa San Feliċ III (483 -492) u l-Papa Ġwanni XIII (965 – 972).
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 17 ta' Frar 2024
Nessun commento:
Posta un commento