Visualizzazione post con etichetta kartapesta. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta kartapesta. Mostra tutti i post

sabato 13 gennaio 2024

KARLU DARMANIN

Din is-sena il-Patrijiet Teatini, patrijiet li ma għandniex minnhom f’pajjiżna, qegħdin jiċċelebraw il-500 sena mit-twaqqif tagħhom. Wieħed mill-fundaturi ta’ dan l-Ordni Reliġjuż kien San Gejtanu ta’ Thiene, li lilu hija ddedikata l-knisja arċipretali tal-Ħamrun. Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ dan l-anniversarju, l-istatwa titulari ta’ San Gejtanu, mill-Ħamrun sejra tittieħed fil-belt ta’ Ruma fix-xahar ta’ Settembru. Hija ħaġa sabiħa li nkunu nafu xi ħaġa dwar l-artist li ħoloq din l-istatwa. Dan ma kien ħadd għajr Karlu Darmanin.

Il-familja Darmanin

Karlu Darmanin twieled l-Isla nhar it-30 ta’Awwissu 1825. Missieru kien jismu Ġużeppi u ommu Marija imwielda Cumbo. Ħutu kienu Filippu, Marija Karmela, Maddalena u Ġanni. Ġanni kien skultur u flimkien ma’ Karlu  kienu jaħdmu ma’ missierhom fid-ditta bl-isem “Giuseppe Darmanin e Figli” li kienet timporta l-irħam u l-granit u taħdem xogħol ta’ monumenti, statwi, oqbra, kolonni, balavostri u pavimentar, għal knejjes jew djar privati.  Kien hawn li Karlu tħarreġ sewwa fl-arti.  Fil-bidu tal-karriera tiegħu kien beda jagħmel xi skulturi fl-irħam imma wara beda jaħdem fil-kartapesta. Karlu żżewweġ lil Annetta Ready, Maltija bint ġenituri Skoċċiżi, fis-7 ta’ Frar 1848. Huma kellhom familja numeruża ħafna. Huwa kellu l-ħanut tax-xogħol tiegħu ġewwa l-Ħamrun.

Darmanin l-istatwarju

Darmanin sar statwarju magħruf sew fi żmienu u xhieda ta’ dan hu l-fatt li huwa ħoloq il-vari titulari tas-Salvatur għal Ħal Lija maħduma fl-1864,  il-vara ta’ San Gejtanu għall-Ħamrun li tlestiet fl-1882 u dik ta’ San Ġiljan għall-parroċċa li ġġib l-istess isem, li tlestiet fl-1893. Xi vari titualri oħra kienu ta’ Darmanin imbagħad inbidlu. Dawn kienu dik ta’ Santa Venera, tar-raħal li jġib isem il-qaddisa, Santa Margerita ta’ Sannat Għawdex u dik ta’ San Leonardo ta’ Ħal Kirkop. Fil-Qrendi nsibu l-vara tal-Madonna ta’ Lourdes li hija xogħol ta’ dan l-istatwarju, li tlestiet fl-1878. Il-fatt li huwa kien fdat b’tant statwi titulari juri l-ħila li kellu.

Vari

Karlu Darmanin jibqa’  magħruf ħafna għal bosta vari tal-Ġimgħa l-Kbira li ħadem. Kien l-istatwarju li seraq ix-xena fit-tieni nofs tas-seklu dsatax u ta sehem kbir fl-izvilupp u l-bidla ikonografika f'Malta. Minn sett ta’ disa’ vari tal-Ġimgha l-Kbira li jinsabu fil-knisja tal-Mosta, Karlu Darmanin ħadem sebgħa minnhom: Kristu fl-ort, Kristu marbut mal-kolonna, l-Ecce Homo, ir-Redentur, il-Veronika, il-vara l-kbira u l-istatwa tad-Duluri. Bħala karatteristiċi ġodda, dan l-istatwarju ntorduċa xi figuri ġodda bħat-tifla ħdejn il-Veronika tal-Mosta, vara li saret fl-1869 u l-vara ta’ Kristu fl-ort b’żewġ anġli minflok anġlu wieħed għal Bormla, fl-1878. L-aktar vara li turi l-bidla ikonografika hija l-vara tat-tradiment ta’ Ġuda li Darmanin ħadem fl-1908 għal Ħal Qormi. Din hija l-ewwel vara f'Malta li turi l-bewsa ta’ Ġuda u li baqgħet unika sal-1961. B’ hekk Karlu Darmanin kiser it-tradizzjoni tas-sett tat-tmien vari. Statwi oħra li Darmanin ħadem għall-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-kbira huma: Kristu fl-ort tan-Naxxar, ta’ Ħal Għargħur u Ħal Qormi, Il-Marbut fl-Isla u ta’ Ħal Għargħur, Ir-Redentur tal-Belt Valletta, tal-Birgu, ta’ Ħal Qormi u taż-Żejtun, Il-Veronika tar-Rabat (Malta), tal-Isla, ta’ Ħal Qormi  u taż-Żejtun (attribwita), Il-Madalena fil-vara l-kbira tal-Isla u l-persunaġġi tal-vara l-kbira ta’ Bormla għajr Kristu, Il-Madonna u San Ġwann fil-vara l-kbira ta’ Ħal Qormi, wiċċ San Ġwann tal-vara l-kbira ta’ San Ġorġ Għawdex,  l-anġli tal-monument tal-Belt Valletta u ta’ Ħal Luqa, Kristu mejjet ta’ Ħal Għargħur, id-Duluri tar-Rabat (Malta), ta’ Bormla, ta’ Ħal Għargħur, ta’ Ħal Għaxaq u tal-Qala.

Statwi oħra

Fost statwi oħra li wkoll huma xogħol dan l-istatwarju nsemmu l-Madonna tar-Rużarju tal-Mellieħa, tan-Naxxar, ta’ Ħal Qormi San Ġorġ u taż-Żurrieq kif ukoll dik tal-Madonna tal-Qalb ta' Ġesù ta' H' Attard. Ħadem għadd bla qies ta’ statwi għal toroq u pjazez li jiġu armati fil-festi f’għadd ta’ bliet u rħula tagħna. Illum min għandu xi statwa ta’ dan l-istatwarju jqisha bħala patrimonju imprezzabbli għax Darmanin huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa statwarji li qatt ta pajjiżna. Dan l-iskultur ta kontribut kbir fl-iżvilupp tal-arti reliġjuża popolari f’pajjiżna u permezz tiegħu l-arti tal-kartapesta ħadet apprezzament ġdid f’Malta.

Darmanin miet fis-26 ta’ Novembru 1909 fl-età ta’ 84 sena, fid-dar tiegħu fi Strada Rjali l-Ħamrun, fejn kellu wkoll il-ħanut tax-xogħol tiegħu. Huwa ndifen fiċ-ċimiterju tal-Addolorata fil-qabar tal-Fratellanza tat-Trinità Qaddisa tal-Belt Sengleana, billi huwa kien membru ta’ dik il-fratellanza. Il-ħidma ta’ Darmanin tkompliet mill-istudenti tiegħu Karmenu Mallia magħruf bħala “il-Lhudi” u Ġużeppi Cilia magħruf bħala “il-Bellettu”, li t-tnejn baqgħu jużaw l-istil u l-forom tiegħu fix-xogħol tagħhom, fil-bidu tas-seklu għoxrin.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 13 ta' Jananr 2024



martedì 9 luglio 2019

Wistin Camilleri

Wistin Camilleri
Ninsabu fl-istaġun tas-sajf, l-istaġun li fih aħna l-Maltin niċċelebraw il-festi tradizzjonali tagħna. Wieħed mill-elementi l-aktar importanti f’dawn il-festi hija l-istatwa titulari, tal-patrun jew patruna tar-raħal jew tal-belt jew tal-knisja li minnha ssir il-festa. F’pajjiżna għandna vari proċessjonali li wħud minnhom inħadmu lokalment, minn artisti Maltin bħalna. Il-lista ta’ dawn l-artisti hija twila mhux ħażin, lista ta’ nies ta’ ħila li ħallewlna opri tal-arti li jagħmluna kburin.

Fost il-bosta mgħallmin Maltin bħalna li sawru dawn l-istatwi nsibu lil Wistin Camilleri, magħruf ħafna għall-arti fil-kartapesta li għandu xogħol madwar Malta kollha. F’dawn il-jiem Wistin jagħlaq erbgħin sena li ħalla din id-dinja u għalhekk xieraq naraw xi ħaġa dwar dan l-artist kbir Malti.



Minn Malta għal Għawdex għal barra minn Malta
Dejjem kont naħseb li l-familja ta’ Wistin hija Għawdxija imma sirt naf li missieru u ommu, Ġużeppi u Katarin, xebba Bonnet, kienu t-tnejn li huma miż-Żejtun li telqu raħal twelidhom u marru jgħixu u jibnu familja ġewwa Għawdex. Wistin, l-iżgħar iben tal-familja Camilleri,  twieled fil-mitħna ta’ Għajn Qatet fir-Rabat Għawdex nhar it-2 ta’ Mejju tas-sena 1885.

Irħama mad-dar fejn għex u ħadem Wistin
Sa minn ċkunitu Wistin wera l-ħajra lejn l-arti Jingħad li fi tfulitu, meta kellu madwar għaxar snin,  kien beda jagħmel xi pasturi u statwi żgħar tat-tafal u jmur ibigħhom. Huwa kien jistudja fl-iskola tas-seminarju ta’ Għawdex u hemmhekk beda jitgħallem l-arti taħt id-direzzjoni ta’ patri Ġiżwita. Ta’ ħmistax-il sena, Wistin ħadem l-istatwi ta’ San Pietru u San Pawl fil-ġebel għal fuq il-fontispizju tal-knisja tal-Kapuċċini ta’ Ghawdex, dik il-knisja li hemm kif tibda n-niżla lejn Marsalforn.  Wara kompla jistudja fl-iskola tal-arti ġewwa l-belt Valletta. L-artist Ġużè Duca kien wieħed mill-ewwel għalliema tiegħu u aktar tard Wistin kompla taħt id-direzzjoni tal-pittur famuż Ġużeppi Calì. Meta dan l-artist kbir Malti ra t-talenti li kellu Camilleri bla dewmien ħajru jinkiteb fl-akkademja tal-arti San Luca ta’ Ruma, assoċċjazzjoni  ta’ artisti antika u ferm prestiġġjuża. Huwa għadda xi snin jistudja Ruma. Hemmhekk sar ħabib tal-iskultur Filippo Coppa li mingħandu tħarreġ l-arti tal-kartapesta. Meta ġie lura Malta baqa’ jaħdem il-kartapesta bħalma kienu qegħdin jagħmlu bosta artisti oħrajn ta’ żmienu.

Huwa iżżewweġ lil Franġiska, imwielda Cauchi u kellhom sitt itfal. Baqgħu joqgħodu dejjem ġewwa t-triq hekk imsejħa Għajn Qatet. Illum mad-dar ta’ dan l-artist insibu rħama kommemorattiva.

Mhux biss kartapesta
 Tabilħaqq li Wistin kien artist tajjeb fejn tidħol il-karatapesta u nsibu mijiet ta’ statwi maħdumin minnu minn dan il-materjal, imma dan l-artist għandu wkoll xogħol fil-ġebla Maltija. Fis-santwarju nazzjonali tal-Madonna ta’ Pinu nsibu l-iskultura fil-ġebla Maltija maħduma minnu. Hemmhekk insibu madwar elf u tmien mitt disinn differenti, kollha xogħol li ħareġ minn taħt l-idejn abbli tiegħu. Wistin kien fost l-ewwel artisti, jekk mhxu ukoll l-ewwel wieħed, li ħadem ukoll statwi fil-konkos. Irridu niftakru li l-konkos mhux xi materjal antik wisq. Wistin għaraf li jista’ jużah ukoll għall-opri artistiċi tiegħu.

Xbihat sagri
Ġuda tan-Naxxar
Qalb ta'  Ġesù - Fontana
Iż-żmien li għex u ħadem fih Wistin Camilleri kien bejn wieħed u ieħor l-istess żmien li għex San Ġorġ Preca. Fil-fatt dan l-artist għandu bosta kurċifisssi f’ħafna oqsma tal-Museum imxerdin ma’ Malta u Għawdex. Jingħad li San Ġorġ Preca kien jinsisti li jekk xi ħadd irid ikollu kurċifiss devot għandu jordnah għand Wistinu.

Ta’ dan l-artist ukoll hija l-vara titulari mill-isbaħ tar-raħal pittoresk tal-Fontana, f’Għawdex. Ix-xbieha tal-Qalb ta’ Ġesù hija waħda mill-isbaħ li nsibu fil-gżejjer tagħna. L-artist ma ntilifx biss fuq il-ġmiel fiżiku tal-persuna imma wkoll irnexxielu joħloq xbieha ta’ devozzjoni liema bħalha.

Dan l-imgħallem għandu bosta statwi tal-Ġimgħa l-Kbira. Ma nistgħux ma nsemmux il-monument tal-Mosta, kapolavur f’kull sens tal-kelma! Wistin fassal id-disinn ta’ dan il-munument u ħadem il-korp ta’ Kristu li hemm fih kif ukoll l-anġli li jsebbuh. Interessanti wkoll li s-sett kollu tal-vari tal-Ġimgħa l-Kbira taż-Żebbuġ ta’ Għawdex inħadem minnu kollu kemm hu. Billi kienet saret xi ħsara f’dan is-sett, Wistin kien irrestawrah u kien hemm fejn ħadem mill-ġdid statwi li kienu spiċċaw.

Wistin ma' Uliedu
Alfred u Pawlu Camilleri Cauchi
Wisin baqa’ jaħdem sa mewtu għax għalih l-iskultura ma kinitx biss l-għixien imma kienet passjoni. Kienet ħajtu. L-aħħar xogħol kbir tiegħu huwa l-vara ta’ Ġuda tal-parroċċa tan-Naxxar. Din għamilha meta kellu 90 sena. Huwa kien onorat mill-Papa Pawlu VI bħala Kommendatur tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. Wisitn Camilleri miet nhar l-erbgħa ta' Lulju 1979, sewwasew erbgħin sena ilu fl-età ta' 94 sena.

Għal 10 snin Għawdex kellu momument għal dan ibnu imma l-post fejn kien ma kienx wisq gawdut. Illum sab ruħu fi Triq ir-Repubblika ir-Rabat, barra Villa Rundle, post eċellenti li jixraq lil dan l-artist lokali.

Illum għadna ngawdu bosta opri ta’ dan l-artist li tana mhux biss opri imma tana wkoll ulied u neputijiet li wkoll imxew fil-passi tiegħu u għadhom jagħtuna opri artistiċi mill-aqwa.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  6 ta' Lulju 2019