Visualizzazione post con etichetta Port il-Kbir. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta Port il-Kbir. Mostra tutti i post

venerdì 12 ottobre 2018

Il-Barrakka ta’ Isfel


Meta nsemmu l-barrakka u l-Belt Valletta bla ma rridu aktarx li f’moħħna nimmaġinaw dak il-ġnien sabiħ li hemm iħares fuq il-port il-Kbir donnu gallarija li d-daħla tiegħu tinsab ftit bogħod mill- berġa ta’ Kastilja u ninsew li f’din l-istess belt għandna  ġnien ieħor li jissejjaħ barrakka minkejja li ma huwiex kbir jew ċentrali daqs dak li jissejjaħ Barrakka ta’ fuq.

Jekk tkun għaddej minn fejn id-daħla tal-Barrakka ta’ Isfel bla ma tkun taf li hemm dan il-ġnien għandek mnejn tibqa’ għaddej bla ma titħajjar tidħol għax  biex ngħidu d-dritt id-daħla hija xi ftit jew wisq moħbija mit-triq jekk tkun tiela’ min-naħa ta’ Dar il-Mediterran. Jekk tkun nieżel minn fejn is-sur ta’ Santa Barbara iktar wieħed jista’ jinduna bil-kanċell li jdaħħlek f’dan il-ġnien.

Skiet u dell
Ħaġa li tolqtok hekk kif tidħol f’dan il-ġnien huwa s-skiet li fih kif ukoll il-ħafna dell li wieħed isib minħabba l-għadd ta’ siġar għoljin li fiha l-Barrakka. Dan il-post jista’ jkun ideali għal waqfa ta’ mistrieħ għad-dell u l-kwiet anke fix-xhur jaħarqu tas-sajf. Wieħed isib għadd ta’ bankijiet fejn jista’ jpoġġi bilqegħda u jgawdi veduta mill-isbaħ tad-daħla tal-Port il-Kbir u tas-swar tal-Kottonera. Il-passaġġi tal-ġnien huma msebbħa bi xtieli u fjuri li flimkien mas-skiet u d-dell jagħmlu oasi ta’ paċi, daqxejn ta’ ġenna tal-art!

Monumenti
Alexander Ball
Bla ma trid meta tkun fil-barrakka ta’ isfel tilmaħ bini fuq stil Grieg. Dan il-bini li jiddomina lil dan il-post huwa monument f’ġieħ Sir Alexander John Ball. Quddiem dan il-monument, bejn wieħed u ieħor fin-nofs tal-ġnien, hemm funtana tonda li tkompli ssebbaħ u tati l-ħajja lil dan il-ġnien, imma xejn ma huwa aktar imponenti mill-mafkar ta’ Ball. Għalfejn?

Alexander Ball huwa figura importanti fl-istorja ta’ Malta u għalhekk kien jixraq li jinbnielu mafkar biex nibqgħu niftakru fih. Huwa twieled fl-1757 ġewwa Ebworth Park, Sheepscombe, Gloucestershire. Daħal man-Navy fejn mexa ħafna ’l quddiem u laħaq anke kmandant u aktar tard kaptan. Xogħlu laqqgħu ma’ Lord Nelson u b’hekk dawn iż-żewġ  persuni kbar fl-istorja saru wkoll ħbieb. Huwa żar Malta l-ewwel darba fit-12 ta’ Ottubru 1798 meta l-Franżiċi kienu ilhom Malta madwar ħames xhur. Mill-ewwel il-Maltin raw fih persuna li tista’ tkun ta’ għajnuna kbira lejn pajjiżna. Jingħad li dan Ball irċieva ittra mingġand Ċensu Borg, Brared, fejn kien mitlub li l-gżejjer Maltin jgħaddu f’idejn il-Kuruna Brittanika bħala tmexxija wara li jitkeċċew il-Franċiżi. Hemm min jgħid li bosta Maltin kienu qed jibżgħu li jerġgħu jiġu lura lejn Malta il-Kavallieri ta’ San Ġwann.

Fid-9 ta’ Frar 1799, waqt l-imblokk tal-Franċiżi, huwa nħatar Kummissarju Ċivili ta’ Malta, kariga li dam jokkupa għal sentejn sakemm Malta għaddiet f’idejn l-Ingliżi. Ball miet f’Malta sewwsew fil-Palazz ta’ San Anton nhar il-25 ta’ Ottubru 1809. Huwa ndifen fil-Forti Sant Iermu fil-Belt Valletta. Sena wara mewtu inbena dan il-momument neoklassiku fil-Barrakka ta’ Isfel bħala xhieda tal-imħabba li l-poplu Malti kellu lejn dan il-bniedem kbir. Illum ftit huma dawk li jafu min kien dan Alexander Ball u wisq inqas jafu li għandu monument f’dan il-ġnien.

Minn fuq is-swar
Il-monument ta' Ball
Meta tkun f’dan il-ġnien minbarra dak li hemm fih, tkun tista’ tgawdi wkoll dehriet mill-isbaħ. Minn fuq is-swar li jservu bħala l-ħajt tal-ġnien tista’ tara veduta mill-isbaħ tal-port il-kbir, tas-swar tat-tliet ibliet, Il-Birgu, Bormla u l-Isla, il-gardjola, il-forti Sant Anġlu kif ukoll l-attività marittima li l-Port il-Kbir huwa mimli biha. Il-pixkerija li llum ma għadiex taqdi x-xogħol li kienet tagħmel għal bosta snin. Vapuri tal-kummerċ, vapuri li jġorru eluf ta’ turisti li jżuru Malta għal ġurnata, dgħajjes ta’ Maltin dilettanti tal-baħar u laneċ bit-turisti jiddominaw ix-xena meraviljuża li wieħed jara min dan il-ġnien.  Id-daħla tal-Port il-Kbir, il-pont li llum reġa’ qiegħed jgħaqqad il-break water u l-monument tal-qanpiena li tfakkar l-assedji ta’ Malta. Dan huwa wkoll monument ieħor li minkejja li ma jinstabx fil-Barrakka ta’ Isfel, xorta waħda jidher sewwa minnha. Il-qanpiena li fih dan il-monument tiżen 10 tunnellati. Il-monument kien inawgurat mir-Reġina Eliżabetta II fid-29 ta’ Mejju 1992 f’għeluq il-ħamsin sena mill-għoti tal-George Cross lill-gżejjer Maltin. Iżda l-ħsieb wara dan il-monument ma huwiex li jfakkar biss il-vittmi tat-tieni gwerra iżda anke lil dawk tal- Assedju l-Kbir tal-1565. Propju dan il-post, kemm fl-Assedju l-Kbir kif ukoll matul il-gwerra, kien wieħed strateġiku għax jgħasses id-daħla tal-Port il-kbir, l-aktar port importanti tal-pajjiż.

Ċkejken veru l-ġnien tal-Barrakka ta’ Isfel imma jirrakkonta parti mill-istorja ta’ pajjiżna. Ta’ min iżuru meta jkun il-Belt u jkollu ftit ħin!

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 13 ta' Ottubru 2018





venerdì 8 dicembre 2017

Kwalità u kwantità

Dejjem smajthom jgħidu li aħjar il-kwalità milli l-kwantità. Forsi għall-bidu kulħadd jaħseb li aktar ma jkollok aktar aħjar, imma dejjem tajjeb li jkollok ħafna? Dan tassew huwa argument tajjeb għax x’jiswa li jkollok il-ħafna imma li ma jkunux ta’ kwalità? Hu x’ inhu l-każ, aħjar ikollok ftit u tajjeb milli ħafna u bla sugu.

Kliem ix-xiħ
Darba kont qiegħed nitkellem ma’ bniedem xiħ li qatta’ għomru u żmienu fil-kumitat tal-banda ta’ raħal twelidu. Biex ngħid id-dritt, il-banda li kien jifforma parti minnha dan il-ħabib kienet waħda mill-antiki li għandna ġo pajjiżna u kienet, u għadha, torganizza marċ mill-akbar f’jum il-festa tal-parroċċa. Bosta żgħażagħ jinġabru mal-banda biex jifirħu u jiddevertu fil-jiem tal-festa. Darba dan it-tali qalli dal-preċiżi kelmiet: “Ara kemm ikollna nies, l-aktar żgħażagħ fil-marċ tagħna! Jekk l-għada tal-festa ġġib għoxrin briksa u tħallihom fuq il-bankina quddiem il-każin, ma ssibx għoxrin żagħżugħ li jdaħħlu briksa kull wieħed!” Jien biex niddefendi liż-żgħażagħ għidtlu li l-għada tal-festa kulħadd ikun ix-xalata u għalhekk ma jsibx għajnuna. Imma hu qalli li kieku jagħmel dak li qalli u joqgħod jistenna xi grupp żgħażagħ li jkunu mal-marċ, kieku l-bricks barra, fuq il-bankina jibqa’. X’jiswa li jkollok l-eluf mal-marċ? Mhux il-kwantità imma l-kwalità kien qalli dan ix-xiħ.

F’kollox
Il-kwalità hija aqwa mill-kwantità f’ kollox. Anke fl-ikel, anzi forsi f’dan il-qasam il-kwalità trid tkun tajba u l-  tkun suffiċċjenti u bla eseġerazzjoni għax iż-żejjed ħu n-nieqes. Illum hawn ħafna min hu konxju dwar l-ikel li jiekol. Illum hawn aktar tagħlim dwar x’inhu tajjeb għas-saħħa u x’inhu dak li jagħmel ħażin lill-bniedem. Xorta għandi d-dubji tiegħi dwar kemm il-kwalità tal-ikel li nikkunsmaw hija tabilħaqq tajba għal saħħitna. Allura skont il-filosofija tiegħi, ladarba l-kwalità mhux eċċellenti, il-kwantità trid tkun moderata.

U xi ngħidu għall-ilbies? Hawn min jgħidlek aħjar ikollu tibdila waħda u tad-ditta milli tużżana u jkunu ta’ kwalità inferjuri. Mitt bneidem mitt fehma! Fejn jidħol ilbies wieħed irid jagħmel distinzjoni. Ma nimmaġinax bniedem sejjer għal xogħol manwali bi ħwejjeġ tad-ditta. Kollox hemm ħinu u waqtu. Allura f’dan il-qasam xi ftit kwantità jrid ikollna wkoll.

U nistgħu nibqgħu sejrin u noħolqu litanija ta’ oġġetti jew okkażjonijiet li nsibu madwarna fejn insibu li aħjar il-kwalità milli l-kwantità.

Fit-turiżmu
Il-port ta' Dubrovnick
Dan l-aħħar kont qed nitkellem ma’ gwida tat-turisti mill-Kroazja. Din qaltli li l-port ta’ Dubrovnick sar popolari ħafna mal-cruise liners u kuljum ikun hemm aktar minn vapur wieħed sorġut mal-mollijiet ta’ dan il-port. Jien għidtilha li anke minn pajjiżna llum jitilqu vapuri tal-passiġġieri li jagħmlu waqfa fil-port ta’ Dubrovnick.  Din il-gwida qaltli li ta’ kuljum jinżlu eluf ta’ turisti jżuru din il-belt meraviljuża, imma tal-ħwienet qed igorru għax dawn it-turisti huwa ħafna fil-kwantità iżda ta’ kwalità baxxa. X’jiġifieri ta’ kwalità baxxa? Billi dawn it-turisti jkunu fuq cruise, ikollhom l-ikel inkluż mal-vjaġġ, u min xi darba mar xi cruise jaf l-abbundanza ta’ ikel li jkun hemm. Allura dawn it-truisti jmorru jduru Dubrovnick imma ma jkollhomx għalfejn jidħlu jieklu f’ristorant għax ikunu kielu kemm felħu minn fuq il-vapur qabel ma niżlu. Xi wħud mit-turisti jinżlu mill-vapur u jimxu lejn il-belt bla ma biss jużaw taxi. Aktarx li l-ħwienet tas-souvenirs biss igawdu ma’ dawn it-tip ta’ turisti. Hawn għandna każ fejn il-kwantità hija kbira imma l-kwalità fqira u għalhekk in-numru kbir ta’ turisti li jkunu qed jiffullaw it-toroq tal-belt ikun kbir imma ma jonfqu xejn. U s-sidien tal-ħwienet qed jgħidu li aħjar il-kwalità milli l-kwantità. Għalhekk hemm il-ħsieb li l-port ta’ Dubrovnick ma jibqax jilqa’ daqstant vapuri tal-passiġġieri.

Wisq nibża’ li din is-sitwazzjoni tinsab ukoll f’ pajjiżna. Filgħodu jidħol vapur daqs belt fil-port u jorbot ix-xatt ta’ Pintu. Minkejja li dan ikollu fuqu eluf ta’ nies, dawn jinżlu l-art b’ żaqqhom mimlija u xħin l-istonku tagħhom jibda jgerger bil-ġuħ ikun sar il-ħin li jerġgħu lura fuq il-vapur għax ikun sar il-ħin biex isalpa ’l barra mill-Port il-Kbir. L-istatistika turi kull bniedem minn dawn bħala turist li żar pajjiżna, imma kemm verament nistgħu ngħidu li dan kien ta’ għajnuna lill-ekonomija Maltija? Mhux il-kwantità imma l-kwalità tgħodd.

Illum rajna ftit każi fejn il-ftit huwa bil-wisq aħjar mill-ħafna. Il-ftit u tajjeb aħjar mill-ħafna li ma jiswa’ għal xejn. Jien ġibt ftit eżempji prattiċi imma jekk wieħed joqgħod ftit bil-kwiet u jaħseb fuq dan li għidt, dlonk jintebaħ li f’ kollox aħjar il-kwalità milli l-kwantità.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  9 ta' Diċembru 2017