Visualizzazione post con etichetta rigali. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta rigali. Mostra tutti i post

sabato 23 dicembre 2023

Father Christmas

Ix-xwejjaħ bid-daqna bajdanija, liebes ilbies ħamrani, li jidħol fi djarna kull 24 ta' Diċembru, huwa maħbub madwar id-dinja u magħruf b'ħafna ismijiet: Father Christmas, San Nikola jew Santa Klaws. Dan huwa karattru li nsibu f'ħafna kulturi fejn hemm it-tradizzjoni tal-Milied, l-aktar fil-Punent, kif ukoll fil-Ġappun u partijiet oħra tal-Asja tal-Lvant.  Minn fejn ġie u xi storja għandu?

Il-verżjonijiet kollha ta’ Santa Klaws li niltaqgħu magħhom fil-pajjiżi li jitkellmu bl-Ingliż, ġejjin prinċipalment mill-istess figura storika: San Nikola, isqof ta’ Mira, illum Demre, belt li tinsab fit-Turkija. Illum dan il-qaddis huwa aktar marbut mal-belt ta’ Bari u għalhekk insejħulu San Nikola ta’ Bari. Il-laqam Santa Klaws ġej minn Sinterklaas, l-isem Olandiż għal San Nikola.

San Nikola

San Nikola huwa wieħed mill-aktar qaddisin meqjumin u maħbubin fid-dinja. Ftit li xejn hu magħruf dwar it-tfulija tiegħu. L-ewwel li tkellem dwaru kien patri Grieg, Arkimandrita Mikiel, fis-seklu 8. Il-karità u l-kastità huma ż-żewġ virtujiet li jiffurmaw l-isfond għal wieħed mill-aktar episodji famużi ta’ ħajtu. Tabilħaqq, l-artisti, speċjalment dawk tal-Punent, ġew ispirati minn dan l-episodju biex jidentifikaw is-simbolu li jikkaratterizza lil dan il-qaddis. Fil-fatt, meta tara statwa jew pittura li turi isqof qaddis tal-antikità, faċli tiżbalja min hu dak il-qaddis. Jista’ jkun San Bażilju, San Bjaġju, San Girgor, Sant Ambroġ jew Santu Wistin ngħidu aħna.  U tabilħaqq huwa hekk għax anke f'kotba ta' kwalità artistika għolja, dawn l-iżbalji spiss jinstabu. Madankollu, id-devot ta’ San Nikola għandu sinjal infallibbli biex dlonk jintebaħ jekk huwiex San Nikola jew wieħed minn dawn il-qaddisin l-oħra. Isqof li għandu tliet blalen tad-deheb f’idu jew ħdejn riġlejh huwa żgur San Nikola u bl-ebda mod ma jista’ jkun qaddis ieħor. It-tliet blalen tad-deheb huma fil-fatt deformazzjoni artistika tal-boroż mimlija muniti tad-deheb, li huma fiċ-ċentru ta’ din l-istorja.

L-istorja

Issa nimmaġina li dħaltu fil-kurżità biex tkunu tafu l-istorja li qed insemmu. L-episodju jseħħ f’Mira, belt mal-baħar madwar mitt kilometru bogħod minn Patara, fejn Nikola x’aktarx kien mar joqgħod mal-ġenituri tiegħu. Darba wasallu tagħrif li familja kienet għaddejja minn żminijiet diffiċli. Sinjur, li kien waqa' f'faqar kbir, iddisprat li ma jistax joffri żwieġ deċenti lil uliedu bniet, kien issuġġerielhom li jipprostitwixxu lilhom infushom sabiex jiġbru biżżejjed flus għat-tieġ.

Malli sema’ proposta bħal din, Nikola ddeċieda li jintervjeni, u li jagħmel dan skont il-parir evanġeliku: ħalli idek ix-xellugija ma tkunx taf x’qed tagħmel il-leminija. Fi kliem ieħor, ried jagħmel att ta’ karità, mingħajr ma n-nies ikun jafu x’għamel. Il-virtù tiegħu kellha tkun magħrufa biss minn Alla u mhux mill-bnedmin. Għalhekk iddeċieda li jwettaq il-ħsieb tiegħu bil-lejl. Geżwer xi muniti tad-deheb f’borża tad-drapp, telaq mid-dar u wasal id-dar ta’ missier dawn il-bniet. Meta resaq lejn it-tieqa, għadda idu mill-gradilja u tefa’ l-borża ġewwa. Il-ħoss tagħhom qajjem lill-missier it-tfajliet, li ġabar il-flus u bihom organizza ż-żwieġ ta’ bintu l-kbir. Meta Nikola ra li l-missier kien uża tajjeb il-flus li kien tah, ried jirrepeti l-ġest. Għalhekk din l-istorja ġrat għat-tieni darba sabiex iżżewġet ukoll it-tifla l-fustanija. Issa l-missier kellu kurżità kbira biex isir jaf min kien dak il-benefattur u għalhekk meta waslet biex it-tifla ż-żgħira tieħu l-istat tagħha, kien jibqa’ mqajjem. Meta Nikola mar jitfa’ t-tielet borża bil-flus, il-missier ħareġ jiġri minn daru u ftit wara sab lil Nikola. Il-qaddis talbu biex ma jgħid xejn lil ħadd dwar dawn l-għotjiet, biss ladarba nafu b’dawn il-fatti aħna sinjal li l-missier xi darba jew oħra fetaħ ħalqu!

Din hija biss waħda mill-istejjer marbutin ma’ dan il-qaddis, hemm oħrajn imma llum din biżżejjed biex nifhmu r-rabta ta’ San Nikola u Father Christmas.

U Father Christmas?

Hawn naraw kif bdiet id-drawwa tat-tqassim tar-rigali minn Father Christmas. Il-ħwejjeġ li narawh liebes illum oriġinaw minn ħwejjeġ ta’ isqof. Il-kapott kien il-pjaneta filwaqt li l-barnuża evolviet mill-mitra li jilbes isqof fuq rasu. Il-Father Christmas oriġinali Brittaniku, kif muri fis-seklu 17, kellu daqna, iżda ma kinitx bajda u l-kulur tal-ħwejjeġ tiegħu kien aħdar u mhux aħmar. Jingħad li kienet kumpanija li tipproduċi xarba popolari li biddlet il-lewn tal-libsa ta’ Father Christmas billi l-aħmar kien u għadu marbut ma’ din il-kumpanija multinazzjonali. Għandek tgħid id-dinja tal-kummerċ tidħol kullimkien! Hu x’inhu dan huwa l-mod kif oriġina dan il-karattru hekk marbut mal-Milied.

San Nikola kien, u għadu, figura ta’ ispirazzjoni kbira tant li minkejja li l-belt fejn twieled issa hija fil-biċċa l-kbira Musulmana, u għalhekk ma jkunx iċċelebrat il-Milied, xorta waħda jiċċelebraw il-figura ta’ Santa Klaws.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 23 ta' Diċembru 2023



venerdì 9 dicembre 2016

Rigali

Ix-xahar ta’ Diċembru huwa xahar sinonimu mal-għoti tar-rigali. Tista’ tgħid li madwar id-dinja kollha ssib din id-drawwa li fi żmien il-Milied u l-ewwel tas-sena jingħataw rigali. Hemm eluf ta’ rigali x’ jingħataw u l-fantasija ħafna drabi tkun fertili f’ dawn il-jiem. L-għoti tar-rigali huwa att unilaterali, jiġifieri bniedem għandu jagħti rigal għax iħoss li għandu jferraħ jew irodd ħajr lil xi ħadd  u mhux għax jistenna rigal lura mingħand dik il-persuna.  Rigal jista’ jingħata għal bosta raġunijiet: bħala sinjal ta’ ħbiberija jew imħabba, biex turi gratitudni lejn xi ħadd jew bħala għajnuna lil xi persuna fil-bżonn, dik li nsejħulha solidarjetà jew karità.


L-istrina
F’ Malta tal-imgħoddi l-għoti tar-rigali kien isir fl-ewwel jum tas-sena l-ġdida. It-tfal kienu jingħataw xi flus bħala rigal. Fil-fatt il-kelma ‘Strina’ hija marbuta mal-ewwel tas-sena u għad hawn min dan il-jum isejjaħlu b’ dan l-isem. Minn mindu bdiet issir il-ġabra għall-Community Chest Fund bejn il-Milied u l-ewwel tas-sena u ħadet dan l-isem, ir-rabta bejn l-istrina u l-ewwel tas-sena donnha spiċċat u llum issib min lanqas jaf xi tfisser eżatt il-kelma ‘Strina’.

Gost
Jgħidu li hemm aktar gost meta tagħti milli meta tirċievi. Veru għax tkun qed tferraħ lil xi ħadd għażiż għalik. Iżda aħna bnedmin u rridu nirraġunaw ta’ bnedmin li aħna. Mela ħa ngħiduha kif inhi, anke meta nirċievu xi rigal nieħdu gost. Ladarba r-rigali qegħdin hemm biex inferrħu u nifirħu tajjeb li nagħtu rigali bi ħsieb. Qabel wieħed jixtri xi rigal għandu jaħseb x’ użu ser jagħmel b’ dak l-oġġett dak it-tali li jirċevih. Kollu ta’ xejn nagħtu oġġett li ma jkunx utli għal dak li jkun. Bi ftit ħsieb nistgħu nevitaw dan ukoll.

Hawn intenni l-ħsieb tiegħi dwar il-gift vouchers. Diġà ktibt dwarhom u nerġa’ nikteb għax veru naraha ħaġa bla sens li tixtri kupun bħala rigal u torbot lil dak li jirċevih li jixtri jew li trid int jew minn fejn trid. Aħjar qbadt u xtrajt xi ħaġa int jew tajtu flus. Kupun bħala rigal għadnu mnejn itellef nofs il-gost.

Popolari
Kien hemm żmien li l-kotba kienu rigali popolari ma’ bosta, anzi mal-maġġoranza tan-nies. Mhux għax illum ma għadhomx jingħataw, iżda ż-żmien inbidel u t-teknoloġija biddlet anke d-drawwiet tagħna. Illum fi żmien il-Milied, madwar id-dinja kollha saru jinbiegħu aktar ebook readers milli kotba. Kieku din mhix ħaġa ħażina għax ktieb elettroniku fih ċerta vantaġġi fuq ktieb stampat, għalkemm il-preġju ta’ ktieb stampat ma jista’ jinqabeż qatt mit-teknoloġija.

Rigal ieħor popolari sar it-telefon ċellulari. Minkejja li llum hawn għażla kbira ta’ dan l-apparat, għad hawn prezzijiet għoljin. U jekk titħajjar tagħti mowbajl bħala rigal mhux ser tixtri wieħed ta’ ftti flus. Personalment naħseb li oġġett bħal dan għandu jintgħażel mill-individwu li ser jużah għax anke fl-għamla ta-telefon ċellulari hemm il-gosti.

Imma mhux kull rigal għandu jkun fil-faxxa tal-prezzijiet tat-teknoloġija.

L-ikel, l-aktar il-ħelu huwa wkoll rigal popolari, il-kejk tal-Milied, xi kaxxa ċikkulatini jew xi ftit mince pies jistgħu jkunu rigal fil-veru sens tal-kelma ‘ħelu’. Ix-xorb ukoll huwa rigal attraenti għal dawn il-jiem. Il-whiskey huwa r-re tar-rigali ta’ dan it-tip. Bejnietna l-irġiel flixkun whiskey jferraħna daqs ma nafx xiex. U kemm hawn tipi ta’ whiskey għandek tgħid! U kemm varjetà ta’ prezzijiet! M’ ilux kont qed inżur attività fejn kien hemm madwar mitejn tip ta’ whiskey differenti, whiskey minn kull parti tad-dinja. Dil-ħaġa nebbħitni li dan ix-xorb huwa popolari mad-dinja kollha, mela jista’ jkun rigal ideali wkoll f’ kull pajjiż.

Rigali li ma ssibx fil-ħwienet
Dan iż-żmien ta-sena nistgħu nagħtu xi rigali speċjali li ma ssibx tixtri fil-ħwienet. F’ moħħi għandi żewġ atti li nistgħu nagħmlu bħala rigal.

L-għoti tad-demm huwa rigal li ma tistax tixtrih. Huwa rigal li ma hemmx prezz għalih. Huwa rigal li lilek ma jiswielek xejn imma min jirċevih l-ebda prezz ma jkun jista’ jħallas għalih għaliex il-ħajja ma għandiex prezz. F’ dawn iż-żminijiet ir-riserva tad-demm għandha tkun akbar mis-soltu għax hemm riskji akbar li jkun hemm iżjed ħtieġa tiegħu.

Għoti ta’ ħin ma’ xi persuni speċjali huwa wkoll rigal li ma ssibux fuq l-ixkafef. Hawn bosta persuni li jispiċċaw f’ solitudni, l-aktar f’ dawn il-jiem meta suppost kulħadd ikun ferħan. Żjara lil nies ta’ din il-kategorija hija wkoll rigal li jiġi apprezzat aktar milli naħsbu.

Rigali, rigali, rigali…. Issa żmien ta’ hekk. Tajjeb li naħsbu qabel nagħtu rigal u tajjeb ukoll nagħtu rigali li ma jistgħux jinxtraw. Issa ż-żmien li nagħtu!


Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 10 ta' Diċembru 2016



sabato 18 giugno 2016

Premji u rigali

Hemm xi studenti li għalihom żmien l-eżamijiet għadda u hemm oħrajn li għadhom għaddejjin bihom bħalissa. Hu x’ inhu dawn normalment jistinkaw biex jiksbu l-premju ta’ ħidmiethom. Il-premju huwa riżultat tajjeb u sodisfaċenti li bih ikunu jistgħu jibqgħu għaddejjin aktar ’il quddiem fil-ħajja studenteska tagħhom. Bħalissa huwa wkoll żmien ta’ bosta ċelebrazzjonijiet bħal l-ewwel tqarbina u żwiġijiet. F’ dawn l-okkażjonijiet għandna d-drawwa li nagħtu xi rigal. Il-premju huwa għotja mistħoqqa lil dak li jkun ħadem għalih, rigal huwa rikonoxximent ta’ ħbiberija jew familjarità lil min ikun qiegħed jiċċelebra xi okkażjoni speċjali.

Wara l-eżamijiet
Dawk l-istudenti li jiksbu riżultati tajbin fl-eżamijiet jifirħu, iżda għandi l-impressjoni li l-ġenituri jifirħu aktar minn uliedhom bir-riżultati tajbin li jiksbu wliedhom. Illum aktar minn qatt qabel tista’ tkun taf. Biżżejjed tara l-kummenti fuq il-medja soċjali u tinduna kemm l-ommijiet jitilgħu fis-seba’ sema mal-wasla tar-riżultati tajbin ta’ wliedhom. Ovvjament jekk ir-riżultati ma jkunux tajbin jew mhux kif mixtieqa, ħafna drabi ma naqraw xejn fuq Facebook!

Din il-ħaġa naraha bħala s-sodisfazzjon tal-ġenituri li l-isforzi u s-sagrifiċċji kollha li jkunu qed jagħmlu biex iħallsu għat-tagħlim ta’ wliedhom ikunu qed jagħtu l-frott mixtieq. Għax ħalli ngħiduha kif inhi, tassew li l-istudent huwa l-moħħ wara l-istudju, biss il-moħħ irid ukoll il-but u dan ma nsibuhx għand l-istudent iżda għand il-ġenituri tiegħu. B’ dan li qed ngħid ma rridx ninftiehem li dawk li r-riżorsi finanzjarji tagħhom ma humiex wisq għoljin, ma jistgħux jistudjaw u jiksbu riżultati tajbin ukoll, biss dawn ikollhom jagħmlu sagrifiċċju akbar.

Rigali
Illum il-ġurnata kollox inbidel, allura anke x’ riġali jingħataw inbidel. Niftakar fi ċkuniti fil-preċett konna nirċievu xi kuruna tar-rużarju, xi statwa, jew l-aktar l-aktar xi ħaġa tal-ħwejjeġ. Ilum differenti għal kollox. U xi ngħidu għat-tiġijiet? Kemm vażuni kienu jaqilgħu l-għarajjes? Din il-problema bdiet tittaffa billi daħlet id-drawwa tal-Wedding List. B’ hekk dak li jkun, kien ikun jaf li dak li stiednu ser jirċievi rigal li żgur jieħu gost bih għax ikun għażlu hu u żgur li se jkollu bżonnu. Biss din il-ħaġa kellha nuqqas ukoll: ġieli kien hemm min kien iħossu skomdu jmur id-dar tal-għarus jew l-għarusa pereżempju b’ kikra u plattina jew b’ żewġ platti, minkejja li jkunu ntgħażlu mill-koppja stess.  Bil-mod daħlet id-drawwa li mal-invit tintbagħat nota ċkejkna biex dak li jkun jagħti rigal ta’ flus lill-koppja li tkun stiednet għat-tieġ. Għall-bidu kien hemm min tkaża b’ din il-ħaġa u kien hemm min kien iqisha bħala nuqqas ta’ edukazzjoni titlob il-flus. Illum tant indrat li anke n-nota biex jingħataw flus spiċċat.

Aktar premijiet
Premijiet ma humiex marbutin biss mal-ħajja tal-istudent. Il-premju huwa wkoll rikonoxximent f’ xi konkors jew f’ xi sport. Il-premju f’ dawn il-każi jingħataw biex dak li jkun jibqa’ jiftakar l-akkwist li jkun għamel f’ dak l-avveniment. Premju jista’ jkun ukoll ta’ xi lotterija. Ir-rebbieħ tal-lotterija jingħata l-premju li għalih ikun lagħab il-biljett. Premju jista’ jkun ukoll għotja ta’ xi ħaġa wara għajnuna mitluba. Pereżempju jintilef kelb u jsir avviż li min isibu u jieħdu lura għand sidu jingħata premju. Dawn huma kollha premijiet differenti.

Pass il quddiem jew lura?
Rigward ir-rigali, llum hawn kumpaniji li joffru gift vouchers. Dak li jkun imur jixtri dan il-kupun u jagħtih lil dak li jkollu l-birthday, magħmudija, gradwazzjoni, jum l-Omm jew jum il-Missier, kif ukoll okkażjoni ta’ tieġ. Dawn il-kupuni jkunu jistgħu jissarfu f’ bosta ħwienet madwar Malta. Imma jien nistaqsi: għalfejn dak li jkun għandu jixtri kupun meta jista’ jaqbad u jagħti flus kontanti? Nagħmlu mod li jien noqgħod Birżebbuġa u naqla’ kupun minn dawn. Ħdejn id-dar tiegħi hemm ħanut li għandu oġġett li nixtieq nixtrih iżda dan il-ħanut ma jaċċettax dawn il-kupuni. L-istess oġġett jinstab f’ ħanut ieħor ġewwa l-Mellieħa u dan il-ħanut jaċetta l-kupuni. X’ nagħmel jien? Naqbad il-karozza u mmur il-Mellieħa għal dak l-oġġett? Tiġini z-zalza ogħla mill-ħuta! Nistenna li jkolli xi okkażjoni u nagħti dan il-kupun lil ħaddieħor? Sewwa, mela nneħħi l-piż min fuq spallejja u nitfgħu fuq spallejn ħaddieħor! Nista’ narmih il-kupun! Kulħadd jagħmel li jrid, biss jien din tal-kupuni bħala rigal ma ddoqqli xejn!

Illum qbadt ftit mal-premijiet u r-rigali. Huma t-tnejn għotjiet lil xi ħadd, għotjiet mistħoqqa jew b’ rikonoxximent f’ okkażjonijiet differenti.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon. 18 ta' Ġunju 2016