Visualizzazione post con etichetta Midnight express. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta Midnight express. Mostra tutti i post

venerdì 16 novembre 2018

Il-forti Sant Iermu


Fit-tarf nett tal-Belt Valletta, il-ponta li tifred il-Port il-Kbir minn dak ta’ Marsamxett, insibu fortizza importanti ħafna minħabba l-istorja twila u interessanti li għandha. Qed nirreferi għall-Forti Sant Iermu.

Ftit storja
Mhux faċli li fi ftit versi tgħid l-istorja kollha ta’ din il-forti, u fuq kollox l-għan tiegħi hu li nagħti xi tagħrif ġenerali dwarha u mhux nikteb l-istorja tagħha. Ngħidu mill-ewwel li sa mill-bidu tas-seklu XV fuq dan il-post kien diġà jeżisti post li jgħasses id-dħul u l-ħruġ taż-żewġ portijiet li jdawru l-għolja Xiberras. Fl-1488 meta Malta kienet taħt idejn l-Aragoniżi, inbena torri biex l-għassa ssir aħjar. Din il-forti kellha wkoll sehem importanti fl-Assedju l-Kbir meta l-Belt Valletta kienet għadha ma teżistix bħala belt. Mal-bini tal-belt il-ġdida din il-fortizza sabet ruħha sewwasew fit-tarf tal-belt mibnija mill-ġentlomi għall-ġentlomi u għalkemm wara l-assedju tal-1565 qatt ma reġgħet tat sehemha sħiħ daqs dawk ix-xhur fejn il-Kavallieri u l-Maltin issieltu kontra t-Torok, xorta waħda baqgħet ta’ ċerta importanza. Anke matul l-aħħar gwerra dinjija din il-fortizza kienet strateġika fid-difiża tal-Port il-Kbir. Għal bosta snin il-Forti Sant Iermu kienet mitluqa iżda llum ġiet irrestawrata; ħaġa xierqa għal post bħal dan!

Min hu Sant Iermu
Żgur li ħafna minna qatt ma semgħu bil-qaddis li din il-forti hija msemmiha għalih. U hawn għandna naqra ta taħwid wkoll għax għandna tellieqa bejn żewġ qaddisin. Hemm min jgħid li Sant Iermu huwa l-istess qaddis li jissejjaħ San Erasmus ta’ Formia, isqof ta’ Antijokja, qaddis li ħa l-martirju fis-sena 303 u huwa patrun tal-baħħara fost oħrajn. Il-qaddis l-ieħor huwa id-Dumnikan li ġieli jissejjaħ San Telmo u ġieli jissejjaħ Sant Iermu. Dan il-patri, imwieled fl-1190 f’Kastilja u Leon, sewwasew bħal San Duminku l-fundatur tal-Ordni tiegħu, miet fil-15 ta’ April tas-sena 1246 u kien beatifikat sitt snin wara. Personalment nara probabbilità li l-forti ssemmiet għal dan il-qaddis u mhux għall-ieħor għax huwa qaddis mill-peninsula Iberika bħalma kienu l-Aragoniżi li taw l-isem lill-fotizza. Hu liema wieħed hu ma jnaqqas xejn mill-merti li għandha din il-fortizza.

Martri minsijin
Mappa tal-forti fi żmien l-Assedju l-Kbir
Mhux ser insemmi aktar qaddisin imma ma nistgħux nitkellmu dwar il-forti Sant Iermu u ninsew lil Dun Ġwann jew aħjar Gianello Cilia, kappillan tal-parroċċa ta’ Ħal Qormi li ġie maqtul mit-Torok fl-Assedju l-Kbir meta din il-fortizza waqgħet f’idejhom. Ma rridux ninsew li l-medda ta’ art li fuqha llum hemm mibnija l-Belt kapitali tagħna, kienet tagħmel parti mill-parroċċa ta’ San Ġorġ u għalhekk il-forti kienet ukoll taqa’ taħt ir-responsabilità spiritwali tal-kappillan ta’ din il-parroċċa. Hawn lanqas huwa l-post li nitkellmu dwar dan l-eroj u martri tal-Assedju, imma għal darba oħra nerġa’ ngħid li dan il-kappillan qalbieni ħaqqu monument għaliex inħoss li huwa minsi għal kollox. Biex ngħidu d-dritt, f’Ħal Qormi hemm triq imsemmija għalih, imma nemmen li jixraqlu wisq u wisq aktar minn hekk! Min jaf forsi xi darba dan in-nuqqas jintemm, wara kollox kien hawn ħafna li damu ma sarilhom monument.

Fil-11 ta’ Ġunju 1940, allura qed nitkellmu fuq żmien it-tieni gwerrra dinjija, sar l-ewwel attakk mill-ajru fuq Malta. F’din il-fortizza kien hemm bosta suldati Maltin u Brittaniċi lesti biex jiddefendu lil pajjiżna. Sitta minn dawn il-persuni tilfu ħajjithom f’dan l-ewwel ħbit li sar fuq pajjiżna. Forsi tajjeb li xi mkien fil-qrib isir mafkar jew tal-inqas irħama li tfakkar lil dawn il-qalbenin ukoll.

Midnight Express
Xena mill-film Midnight Express
Fil-bini ta’ din il-fortizza inġibdu bosta xeni mill-film famuż Midnight Express. Minkejja li dan ma huwiex il-film waħdieni li xeni minnu nġibdu hemm, aktarx li huwa l-aktar wieħed popolari. Dan il-film jirrakkonta storja veru ta’ ġuvni Amerikan li kien it-Turkija u pprova joħroġ miegħu il-ħaxixa. Dan il-film għamel suċċess kbir madwar id-dinja u ma jistax jonqos f’Malta għax minbarra li jġib bosta xeni ta’ pajjiżna fih jidhru bosta atturi Maltin, li ħafna minnhom illum ma għadhomx magħna kif ukoll jinsema’ kliem bil-Malti. Jidher ċar ukoll ajruplan tal-linja nazzjonali ta’ Malta – Airmalta. Dan il-film inġibed f’Malta fl-1978, meta Malta kienet differenti għal kollox minn dik tal-lum. Min jirnexxielu jara dan il-film jinduna xi rrid ngħid u naħseb li jagħtini raġun.

Illum
Il-Fori Sant Iermu llum ma għadux il-post li jgħasses id-dħul u ħruġ taż-żewġ portijiet prinċipali ta’ pajjiżna imma xorta għadu jista’ jiddandan bl-istorja tiegħu. Hemm illum insibu l-mużew tal-gwerra, insibu sala fejn wieħed jista’ jara u jisma’ fil-qosor l-istorja millenarja ta’ din il-blata f’nofs il-Mediterran imsejħa Malta kif ukoll hemm fejn wieħed jixrob jew jiekol xi ħaġa wkoll.
Il-forti Sant Iermu, allura l-eqdem bini fil-Belt Valletta, illum sar attrezzat b’mod modern li ta’ min wieħed iżuru!
Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 17 ta' Novembru 2018



venerdì 17 novembre 2017

It-talkies

Ħarġa mill-aktar popolari tal-Maltin ta’ erbgħin jew ħamsin sena ilu kienet sas-sala taċ-ċinema biex wieħed jara film. Dan id-divertiment kulħadd kien isejjaħlu t-talkies li sewwasew bdiet tintuża meta l-films bdew ikunu bil-kliem ukoll. U l-Ħadd waranofsinhar jew filgħaxija kulħadd għat-talkies….. fejn trid tmur?

Iċ-ċinema
L-istorja taċ-ċinema hija waħda twila u mimlija nteress. Hollywood huwa l-post sinonimu maċ-ċinema u bosta għandhom mnejn jaħsbu li dan beda hemmhekk, iżda din l-industrija bdiet ġewwa l-Ewropa u emegrat lejn l-Amerika minħabba l-gwerer. L-Amerika kienet aktar stabbli u l-istabbilità tgħin f’kull qasam.

Din l-industrija ġibdet lejha bosta personaġġi li spiċċaw għamlu isem fil-qasam taċ-ċinema. Mhux Amerikani biss imma anke Ewropej, fosthom Maltin bħalna. Forsi l-aktar tnejn li baqgħu magħrufin kienu Joseph Calleja li ħa sehem f’għadd sabiħ ta’ films u Oreste Chircop li jibqa’ msemmi għall-parti tiegħu fil-film The Vagabond King.

Pajjiżna kien ukoll il-palk għal bosta films kbar. Il-ġbid tal-films f’Malta jmur lura sas-snin għoxrin, kważi mitt sena ilu. Bosta mill-films li nħadmu f’pajjiżna għandna mnejn lanqas qatt smajna bihom imma dawk li saru dawn l-aħħar snin hemm minnhom li għamlu suċċess kbir. Fost films kbar li jew kollha jew xi partijeit minnhom inġibdu Malta insibu: Shout at the Devil, The Spy Who Loved Me, Midnight Express, li juri bosta xeni ta’ Malta tas-snin 70 kif ukoll jidhru bosta Maltin fih, Popeye, li tiegħu għadna ngawdu s-set li kien inbena għalih ġewwa Anchor Bay, bajja li llum ħadet l-isem ta’ Popeye, Christopher Columbus, li fih kellu parti sewwa l-attur Malti John Suda, The Count of Monte Cristo fejn wieħed jista’ jammira l-ġmiel ta’ ċerti nħawi ta’ pajjiżna bħall-Birgu u l-Imdina, Munich, The Da Vinci Code, The Devil's Double, Kon-Tiki, Assassin's Creed u bosta oħrajn. Dawn huma fost l-aktar popolari.

Swali
Minħabba li dan it-tip ta’ divertiment kien popolari, konna nsibu għadd ta’ swali taċ-ċinema imferrxin ma’ Malta kollha. Tista’ tgħid li kull belt u raħal kellha s-sala taċ-ċinema tagħha u fejn il-post ikun kbir ġieli konna nsibu aktar minn sala waħda. Illum dawn is-swali fl-irħula kollha spiċċaw għalhekk jekk insemmi xi wieħed jew tnejn minnhom ma nkun qed nagħmel l-ebda reklam.

Meta konna l-iskola primarja ġieli kienu jieħduna naraw xi film. Fir-raħal tiegħi, Ħal Qormi, kien hemm żewġ swali taċ-ċinema; Amazon u Warner. Skola sekondarja kont immur Sant’ Agata. Hemmhekk kellna sala taċ-ċinema u kull nhar ta’ Ġimgħa bejn il-waqfiet tad-disgħa u ta’ nofsinhar kien ikollna film. Missieri jgħid li ġewwa Ħal Qormi qabel kien hemm sala oħra bl-isem ta’ Saint George’s, fil-post fejn illum insibu l-Każin tal-Partit Laburista. Ommi trabbiet Birkirkara u ġieli smajtha ssemmi xi swali taċ-ċinema li kienet tiffrekwenta meta kienet għadha xebba; Ir-Roxy jew il-Metropole li kien eqreb tad-dar. Meta bdejna nitfarfu, aħna wkoll bdejna mmorru naraw xi film, l-ewwel fir-raħal u mbagħad bil-mod il-mod bdejna nidħlu sal-Belt.

Fil-Belt Valletta kien hemm numru ta’ swali u tas-Sliema l-istess. Film ġdid l-ewwel li kien jintwera kien ikun f’xi sala l-Belt, imbagħad jibda jdur ġimgħa ġimgħa s-swali l-oħra tal-ġżira. Kien żmien ieħor. Kien hemm żmien meta biex issib post għall-film tal-Ħadd f’sala l-Belt, kien ikollok taqta’ biljett it-Tlieta jew l-Erbgħa ta’ qabel. Kien żmien ieħor. Kien żmien li t-talkies kien fl-aqwa tiegħu u kulħadd kien iħobbu. Smajt kemm-il darba li anke meta r-Reġina Eliżabetta kienet għadha prinċipessa u kienet tkun Malta, kienet spiss tmur tara xi film. Kienet tħobb tmur Ħal Qormi fit-Teatru Warner; dan ikkonfermah il-fotografu Frank Attard f’intervista ma’ ġurnal lokali madwar għaxar snin ilu.

Progress
Fis-snin tmenin bdew jidħlu l-videos fid-djar u din kienet daqqa ta’ ħarta għas-swali taċ-ċinema. Bdejna nippreferu nikru video u noqgħodu narawh id-dar bil-kumdità kollha. Biss minkejja l-kumdità kollha, id-dar qatt ma tista’ toffri dik is-sensazzjoni li toffri sala tat-talkies. Iż-żgħażagħ ma baqgħux ifittxu li jmorru jaraw film fi tmiem il-ġimgħa imma bdew imorru jiżfnu fid-discos. It-teatru Coliseum tal-Belt kien xamm x’riedu ż-żgħażagħ u kien inbidel f’diskoteka.
Il-progress fit-teknoloġija biddel ukoll il-mod li bih jinħadem film. Illum sar għandna films maħdumin bil-kompjuter. Illum infetħu swali ġodda taċ-ċinema, swali moderni u armati bl-aqwa teknoloġija. Bis-saħħa tagħhom id-drawwa tat-talkies reġgħet bdiet, imma qatt ma laħqet il-livell li kellha nofs seklu ilum jew ftit aktar. Illum hawn hafna aktar postijiet fejn toħroġ u tmur tiddeverti fihom.

Hu x’inhu, it-talkies iġib ħafna nostalġija għal bosta. L-ewwel ħarġa, l-ewwel ħbieb, l-ewwel ġlieda jew l-ewwel bewsa. Min jaf?


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 18 ta' Novembru 2017