Visualizzazione post con etichetta Castelli Romani. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta Castelli Romani. Mostra tutti i post

venerdì 27 aprile 2018

Kastelli Rumani


Għalina l-Maltin hija xi ħaġa li nħossu fina li xi darba f’ħajjitna għandna nżuru Ruma, il-belt kapitali tal-eqreb stat tagħna l-Italja. Għalina Ruma hija l-bieb tad-dinja. Kemm huma dawk minna li jieqfu hemm biex ikomplu l-vjaġġ tagħhom min jaf għalfejn? Ruma hija wkoll belt mimlija bi storja, arti kif ukoll fidi u għalhekk b’xi mod jew ieħor il-Belt Eterna se tolqtok żgur. U bosta Maltin wara l-ewwel żjara tagħhom f’din il-belt, reġgħu żaruha għal darba, tnejn, tlieta jew aktar. Għax Ruma hija meravilja li ngħid għalija ma niddejjaq qatt fiha u nħoss in-nuqqas tagħha meta nkun ilni xi ftit ma nżurha.

Biss jista’ jkun hemm min għall-vakanzi jipprova jaħrab il-folol u allura għal bniedem bħal dan żgur mhux ser nissuġġerilu Ruma, imma nista’ nissuġġerilu nħawi qrib ħafna ta’ din il-belt iżda li huma għal kollox differenti. Qed nirreferi għal dawk li jissejħu “Castelli Romani”. Taqbad ferrovija mill-istazzjon Termini u f’inqas minn siegħa tispiċċa f’dinja oħra, dinja ta’ ġmiel u sliem.

“Castelli” bla kastelli
L-għadira ta' Nemi
Meta nisimgħu l-kelma “Castelli” nimmaġinaw li f’dawn l-inħawi hemm xi numru ta’ fortizzi jew kastelli, imma xejn minn dan. Allura nistaqsu mnejn ġie dan l-isem? Skont Giuseppe Tomasetti, storiku Taljan minn Ruma, li miet aktar minn mitt sena ilu, dan l-isem imur lura sas-seklu XIV meta ħafna minn dawk li kienu joqgħodu Ruma ħallew djarhom minħabba l-kriżi ekonomika u politika li kien hemm fil-belt. Din il-kriżi seħħet minħabba li l-Papa, il-kap tal-Knisja u l-isqof ta’ Ruma ma kienx għadu joqgħod Ruma imma kien ittieħed ġewwa Avignon fi Franza (1309-1377). Il-fidi Nisranija dejjem kienet importanti għall-ekonomija tal-Belt ta’ Ruma u n-nuqqas tal-preżenza tal-Papa affettwa ħażin ħafna l-ekonomija tal-belt. Bosta Rumani telqu lejn il-kampanja u sabu kenn għand il-familji għonja ta’ Savelli ġewwa l-irħula ta’Albano, Castel Savello, Ariccia, Castel Gandolfo u Rocca Priora, għand il-familja Annibaldi ġewwa Molara, Monte Compatri u Rocca di Papa, għand il-familja Orsini ġewwa Marino u l-familja Colonna f’Monte Porzio Catone, Nemi, Genzano di Roma u Civita Lavinia.  Illum dawn l-irħula kollha jiffurmaw dawk li jissejħu “Caselli Romani” u jissejħu hekk għax fihom sabu kemm ir-Rumani ta’ mijiet ta’ snin ilu.

Ġmiel
Il-knisja ta' Ariccia
L-Infiorata ta' Genzano di Roma
Meta wieħed iżur dawn l-inħawi jkun jaqbel li jkollu karozza għaliex it-trasport bejniethom mhux daqstant frekwenti u b’hekk wieħed jista’ jitlef bosta ħin jistenna.

F’dawn il-Castelli nsibu żewġ għadajjar mill-isbaħ, il-kbira, imsejħa Lago Albano u ż-żgħira bl-isem Lago di Nemi. Fuq il-Lago Albano nsibu r-raħal bl-isem Castel Gandolfo. Hawn insibu l-palazz fejn il-Papa jagħmel il-vaganzi tas-sajf tiegħu. Il-Papa Benedettu XVI kien għadu juża dan il-palazz, il-Papa Franġisku jippreferi jibqa’ fiċ-ċentru ta’ Ruma! Bejn iż-żewġ għadajjar insibu r-raħal ta’ Ariccia. Hawnhekk insibu knisja li bla ma trid tagħtik x’tifhem li l-perit tagħha kien l-istess wieħed li ddisinja l-pjazza tal-Vatikan. Din hija l-knisja ddedikata lill-Assunta, u min bħali  fil-faċċata tagħha u fil-pjazza ta’ quddiemha jara xebh bejnha u bejn il-pjazza San Pietru ma jkunx qed jiżbalja għaliex kien Gian Lorenzo Bernini li ħoloq il-pjanta ta’ din il-pjazza u knisja.

Aktar qrib lejn l-għadira ta’ Nemi nsibu r-raħal Genzano di Roma, magħruf ħafna għat-tapit bil-petali tal-fjuri li jsir kull sena għall-festa ta’ Coprus. L-infiorata ta’ Genzano hija fost l-akbar li jsiru fl-Italja u fost l-isbaħ ukoll. Nistqarr li dan ir-raħal fih ġmiel immens, anke ċ-ċimiterju tiegħu qiegħed f’post fuq l-għadira ta’ Nemi li bla ma trid tieħu gost fih minkejja n-niket li jnissel kull ċimiterju. Nemi hu magħruf għall-frawli. Issib tiekol frawli kemm trid u kif trid. Post ħelu ħafna, donnu gallarija fuq l-għadira ta’ taħtu.

Mal-funtana tal-ilma tal-gass f'Marino
Post ieħor sabih huwa Marino. Hawnhekk issir il-festa tal-inbid fil-bidu ta’ Ottubru u jgħidu li fi tmiem il-ġimgħa li fiha ssir din il-festa, minflok ilma fil-funtani tal-post ipoġġu nbid u kulħadd ikun jista’ jixrob kemm irid. Ma nafx għax qatt ma kont hemm f’Ottubru imma li naf hu li hemm funtana b’ilma ġieri li l-ilma tagħha huwa ilma tal-gass. Dan huwa naturali u mhux magħmul mill-bniedem. Meravilja, idduqu u terġa’ dduqu għax ma tkunx trid temmen!

Niżla fit-telgħa
L-aħħar ħaġa li se ngħid dwar dawn il-postijiet hija kurżità li ngħid għalija ma ridx nemmen lil għajnejja meta rajtha. Ġewwa Ariccia hemm biċċa triq, inti taraha niżla imma jekk taqta’ l-karozza free minflok tmur ’il quddiem din tmur lura u jekk tkun tiela’ u tagħmel l-istess din minflok lura tibda miexja ’l quddiem. Forsi taħsbu li qed nigdeb jew li xrobt. Le le xejn minn dan. Xi wħud jgħidu li din hija illużjoni ottika li filwaqt li taħseb li t-triq tkun għat-telgħa, fil-verità tkun għan-niżla. Ma nafx; li naf hu li bqajt b’ħalqi miftuħ meta mort hemm. U mhux jien biss, kien hemm ħafna karozzi qed jippruva dil-ħaġa!

Castelli Romani, tant qrib Ruma iżda dinja għal kollox differenti. Inħajrek iżżurhom xi darba!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 28 ta' April 2018





venerdì 2 giugno 2017

Drawwiet

Aħna l-Maltin għandna ħafna drawwiet li ma humiex wisq differenti minn dawk Taljani. Din hija ħaġa mill-aktar naturali għaliex il-qagħda ġeografika tagħna hija dik li hi u allura l-influwenza Taljana bilfors tkun kbira f’ pajjiżna. Forsi l-aktar drawwiet li ħadna mill-ġirien tagħna huma dawk marbutin mal-fidi. Bil-fors għaliex snin ilu l-kleru kollu b’ xi mod jew ieħor kien iżur l-Italja, jew bi studju jew b’ xi xogħol jew għal vakanza. Ddan kien iġib miegħu d-drawwiet u billi l-influwenza tal-Knisja fuq il-poplu kienet akbar mill-lum, id-drawwiet impurtati ġew mifruxin bla dewmien.

Issa li dħalna fix-xahar ta’ Ġunju nixtieq naqsam magħkom xi drawwiet li rajthom f’ dan ix-xahar ġewwa l-Italja li għandna mnejn ħadniehom mingħandhom.

Il-pavaljun tal-gallarija
Meta kont ngħix Napli, kont noqgħod fit-triq tal-parroċċa. It-triq kienet waħda dejqa li taqsam il-kwartier minn naħa sa oħra. Id-djar, ħafna minnhom għandhom entratura komuni, taraġ komuni u mbagħad id-djar fuq tlieta, erba’ jew ħames sulari. Illum djar bħal dawn insejħulhom flats, dari kienu jissejħu kerrejjiet. L-isem ma jibdel xejn minhom, jibqgħu dawk li huma! Issa billi l-bejt ikun maqsum bejn il-familji kollha tal-kerrejja, ma jkunx hemm post biżżejjed għall-inxir tal-ħwejjeġ, u għalhekk kulħadd jorganizza biċċtejn saratizz jew biċċtejn ħadida mal-gallarija u jorbot il-ħbula tal-inxir magħhom. Hemmhekk dak li jkun inixxef il-ħasla bla ma joqgħod jitla’ dak it-taraġ kollu. Din il-ħaġa konna u għadna nsibuha f’ xi postijiet f’ Malta wkoll.

Issa meta kien ikun hemm il-purċissjoni tal-Qalb ta’ Ġesù li toħroġ mill-parroċċa, il-ħwejjeġ minxurin mal-gallarija jagħmlu ikrah. Anke jekk dak li jkun ma jkollux ħwejjeġ minxura, il-ħbula xorta jibqgħu hemm. Illum l-inxir b’ dan il-mod sar kważi attrazzjoni turistika ta’ Napli. Intant għall-purċissjoni bis-sagrament il-ħbula tal-inxir jitgħattew bi tvalja jew purtiera sabiħa. Dan kien ifakkarni fil-faldrappa jew pavaljun li aħna l-Maltin inħobbu ndendlu mal-galalrijiet jew twieqi ta’ djarna meta tkun il-festa jew meta tgħaddi xi purċissjoni. Tgħid mhux minn Napli ġiet din id-drawwa?

F’ Corpus
Image result for napoli forcellaIl-festa tal-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù bdiet propju wara miraklu Ewkaristiku li ġara fl-Italja, sewwasew ġewwa Bolsena, mhux wisq bogħod minn Ruma u qrib ħafna ta’ Orvieto. Din id-devozzjoni ma damitx ma nxterdet mhux mal-Italja biss iżda mad-dinja kollha. Issa fl-Italja waqt il-purċissjoni bis-sagrament in-nies kienet toħroġ il-qsari mill-btieħi tagħha u tpoġġihom fit-triq min fejn tkun ser tgħaddi l-purċissjoni. Kienet ukoll toħroġ it-twapet u tpoġġihom f’ nofs ta’ triq biex minn fuqhom jgħaddi s-saċerdot bl-Ewkaristija.
Din il-ħaġa konna narawha f’ kull purċissjoni Ewkaristika f’ pajjiżna u hemm fejn għadna narawha wkoll. Żgur li din id-drawwa waslet Malta mill-Italja.

Evoluzzjoni
It-tqegħid tal-fjuri u t-tapiti ingħaqdet fi drawwa waħda. F’ xi postijiet ġewwa l-Italja bdew isiru dawk li jissejħu l-infiorata, tapit tal-fjuri. Hemm bosta rħula li jagħmlu dan ix-xogħol sabiħ li jirrikjedi sengħa, ħin u paċenzja.

Infiorata popolari ħafna hija dik li ssir f’ Genzano, qrib Ruma. Dan l-avveniment jinvolvi lil dawk kollha li joqgħodu f’ dan il-post li jieħdu sehem fid-diversi attivitajiet li jinvolvi. Fil-jum ta’ Corpus, Via Belardi, it-triq priċipali f’ dan il-lokal, tinkesa b’ disinn jew aħjar tapit ta’ fjuri. Dan it-tapit ikun fih elfejn metru kwadri miksijin b’ madwar 350,000 fjura ta’ madwar 20 tip differenti, li jiffurmaw 13-il kwadru li juru xeni reliġjużi, li kull wieħed ikun fih 7 metri wisa’ b’ 14-il metru tul. Ix-xogħol fuq din l-infiorata jibda qabel. Grupp ta’ nies jibdew jaqilgħu l-petali tal-fjuri u jaħżnuhom fl-għerien għall-frisk. Kull kulur jinżamm għalih biex hekk ikunu jistgħu jsiru x-xeni bihom. L-aktar fjuri użati huma l-qronfol u l-ward, iżda mhux biss, kif għidtilkom hemm madwar 20 tip ta’ fjura differenti. Ladarba dan ix-xogħol ikun lest ikun jonqos l-aktar ħaġa importanti, it-tqegħid tal-petali f’ posthom. Jitħażżu d-disinni u x-xeni bil-ġibs mal-art u jibda x-xogħol artistiku. Issa billi hemm ilwien li ma jinstabux fil-fjuri, jiġu użati xi prodotti oħra bħal kafè jew ross jew xi ċereali oħrajn, imma kollox naturali.

Tistgħu timmaġinaw il-fwieħa ħelwa li jkun hemm fir-raħal meta l-infiorata tkun lesta!


Din id-drawwa ilha ssir aktar minn 200 sena u llum daħlet fil-kalendarju tal-post. Bosta Taljani, kif ukoll barranin iżuru dan il-post biex jitgħaxqu bil-ġmiel naturali tiegħu, jaraw din l-opra tal-arti u jgawdu ftit il-Castelli Romani. L-għada jitnaddaf kollox u qisu qatt ma kien xejn!

Din id-drawwa ġieli rajnieha f’ xi rħula f’ Malta wkoll u hija wkoll frott ta’ ħbiberiji ta’ xi rħula Maltin ma’ dawk Taljani. Min jaf il quddiem għadx ikollna xi infiorata famuża bħal dik ta’ Genzano?


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 3 ta' Ġunju 2017