Visualizzazione post con etichetta frott. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta frott. Mostra tutti i post

venerdì 21 agosto 2026

Id-dulliegħ

Bla dubju ta’ xejn fost il-frott kollu tas-sajf, id-dulliegħ huwa wieħed mill-aktar popolari għax bla dubju minbarra t-togħma tajba tiegħu, fih ħafna meraq u felli dulliegħa kiesaħ jaqta’ l-għatx żgur fil-jiem sħan tas-sajf. Id-dulliegħa hija pjanta annwali b’weraq kbar u frott kbir, tond jew ovali. Il-pjanta hija rikonoxxibbli mill-weraq distintivi tagħha u l-għadd kbir ta' frott li tipproduċi, saħansitra kultant sa mitt waħda kull pjanta. Il-frott huwa disponibbli esklussivament fil-perjodu tas-sajf, bejn wieħed u ieħor minn Mejju sa Settembru.

Oriġini

Aktarx li l-ewwel kultivazzjoni tad-dulliegħ saret fl-Eġittu tal-qedem. Hemm leġġenda li tgħid li kien f'dan il-post stess li d-dulliegħa oriġinat miż-żerriegħa ta’ Set, l-alla Eġizzjan tal-qedem tad-deżert, maltempati, kaos, vjolenza u l-barranin. Spiss kien ikun impitter b’ġisem ta’ bniedem iżda b'ras misterjuża ta' annimal. Dan l-alla kien magħruf għall-qtil ta' ħuh Osiris. Għalhekk, l-Eġizzjani kienu jpoġġu għadd ta’ dulliegħ fl-oqbra tal-Fargħuni, bħala mezz ta' sostenn għall-ħajja ta' wara. 

It-tabib Skoċċiż, missjunarju u l-esploratur famuż tal-Afrika David Livingstone, li għex bejn l-1813 u l-1873, kien qal li l-pjanta tad-dulliegħ tikber b'mod abbundanti fid-Deżert ta’ Kalahari, minn fejn jidher li oriġinat. Hemmhekk, il-frott jikber selvaġġ u huwa magħruf bħala tsamma. Id-Deżert ta’ Kalahari jestendi fuq żona ta’ aktar minn disa’ mitt elf kilometru kwadru u huwa mifrux fi tliet nazzjonijiet, Il-Botswana, in-Namibja u l-Afrika ta’ Isfel. Dan id-deżert huwa xott ħafna u għal din ir-raġuni l-frotta tad-dulliegħ hija sors regolari ta' ilma għall-abitanti taż-żona, kif ukoll isservi bħala ikel kemm għall-bnedmin kif ukoll għall-annimali.

Fis-seklu 10 AD , id-dulliegħ beda jkun ikkultivat fiċ-Ċina, biex illum dan il-pajjiż sar l-akbar produttur fid-dinja ta’ din il-frotta bnina. Huwa kkalkulat li f’dan il-pajjiż ikunu prodotti 63,960,353 tunellata ta’ dulliegħ kull sena. Fl-Ewropa, il-pjanta ta’ din il-frotta ġiet introdotta mill-Għarab fis-seklu tnax.

Forma, lewn u varjetà

Bħalma għidt, u ovvjament tafu, id-dulliegħ ikun tond jew ovali, biss xi snin ilu fil-Ġappun bdew jibdlu l-forma ta’ din il-frotta. Dan isir billi meta titfaċċa l-frotta fix-xitla, din jitpoġġielha kontenitur kwadru madwarha biex meta tikber tieħu l-forma tiegħu. Dulliegħa kwadra tkun aktar faċli biex tinġarr u jinħela anqas spazju fil-ġarr.

Fejn jidħol il-lewn tad-dulliegħ aħna ngħidu li hija ħadra minn barra u ħamra minn ġewwa, iżda ġieli naraw dulliegħ li jkun isfar minflok aħmar. Il-dulliegħ isfar huma naturali. Fil-fatt din hija varjetà antika li kienet teżisti qabel id-dulliegħ aħmar komuni, u tmur lura għal aktar minn 5,000 sena. Il-kulur safrani mhuwiex riżultat ta' modifika ġenetika imma sempliċement iseħħ għax ma jkunx fiha il-lycopene, l-antiossidant li jagħti lid-dulliegħa l-ħamra l-kulur distintiv tagħha. Spiss id-dulliegħ isfar ikun aktar ħelu minn dak aħmar.

Il-varjetajiet tad-dulliegħ jaqgħu primarjament f'erba' kategoriji ewlenin: dawk biż-żerriegħa, dulliegħ mingħajr żerriegħa, dulliegħ minjatura, u frotta bil-qalba safra jew tagħti fl-oranġjo. Il-bdiewa Maltin normalment ikabbru l-varjetà tradizzjonali jiġifieri dulliegħ biż-żerriegħa b'żrieragħ peress li din il-varjetà  għandha togħma aqwa minn varjetajiet oħra.

 Festival

Id-dulliegħa daħlet ukoll fl-arti u hawn artisti li joħolqu skultura minnha. Fl-2006, beda jsir il-Festival imsejjaħ Melounovy fil-belt ta’ Praga fir-Repubblika Ċeka. Dan il-festival iġib flimkien xi wħud mill-aqwa artisti tad-dulliegħ minn madwar id-dinja ta’ kull sena. Din l-arti qegħda kulma jmur issir aktar popolari u anke f’pajjiżna ġieli naraw xi skultura fid-dulliegħa. L-isfortuna hija li din hemm żmien limitat kemm tkun tista’ titgawda għax il-frotta tispiċċa.

Benefiċji

Id-dulliegħa hija frotta idratanti ħafna u b'kaloriji baxxi, mimlija antiossidanti, il-vitamini A u Ċ, u l-aċidu amminiku li jgħin ħafna lis-saħħa tal-qalb billi fost oħrajn ibaxxi l-pressjoni, inaqqas l-infjammazzjoni, u jgħin fl-irkupru mill-eżerċizzju u l-vitalità tal-ġilda. Id-dulliegħa fiha 92% tagħha ilma u għalhekk kull felli (medju mhux kbir ħafna) fih madwar 45 kalorija. Għalhekk dan il-frott huwa tajjeb ħafna għal min irid jagħmel dieta biex inaqqas mill-piż. Mill-banda l-oħra, id-dulliegħa fiha ammont sostanzjai ta’ zokkor naturali allura wieħed irid joqgħod attent l-aktar jekk ikun diabetiku. Imma ammonti moderati ma jagħmlu ħsara lil ħadd.

Ħaġa moħġaġa

Id-dulliegħa daħlet ukoll fil-folk Malti u missirijeitna kienu jgħidu ħaġa moħġaġa hekk: "Ħamra nar, nar mhijiex, ħadra ħaxix, ħaxix mhijiex, tnixxi l-ilma, għajn mhijiex". Kien hemm min iżid ukoll: “Tonda bħad-dinja, dinja mhijiex”. Ikollna nammettu li din il-ħaġa moħġaġa llum tilfet ftit mis-sens tagħha għax mal-ħmura nsibu l-isfar u l-forma tad-dinja tibqa’ tonda imma d-dulliegħa minbarra ovali nistgħu nsibuha kwadra wkoll.

Hi x’inhi, din il-frotta hija waħda mill-itjeb li nistgħu nduqu matul is-sajf, sew fuq il-mejda tal-ikel id-dar kif ukoll fejn il-baħar. U xi ngħidu għal felli dulliegħa friska wara xi barbeque?

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 22 ta' Awwissu 2026




sabato 15 luglio 2023

ĊIRASA

 

Aħna l-Maltin għandna l-qawl li jgħid li l-kliem huwa bħaċ-ċirasa. Kulħadd jaf x’inhi ċ-ċirasa imma nemmen li mhux kulħadd jaf għalfejn inħoloq dan il-qawl. Ħafna drabi l-frotta taċ-ċirasa tkun f’pari, tnejn tnejn, iz-zokk ta’ waħda jkun magħqud ma’ zokk ta’ ċirasa oħra jew ta’ oħrajn għax ġieli jkun hemm aktar minn żewġ ċirasiet flimkien. Għalhekk missirijeitna ħolqu dan il-qawl għax il-kliem bħaċ-ċirasa, meta tiġbed waħda tiġi t-tieni waħda magħha, sewwasew bħall-kliem, tibda titkellem u bla ma tkun taf kif, tispiċċa b’taħdita twila li fl-aħħar tibda tgħid: “imma kif wasalt f’dan l-argument meta bdejt nitkellem fuq xi ħaġa li ma għandha xejn x’taqsam?” Hekk, għax il-kliem bħaċ-ċirasa, tibda b’waħda u tiġi l-oħra magħha. Jien ngħid ukoll li billi din hija frotta tajba ħafna, meta tibda tnaqqar ma tkunx tista’ tieqaf! Intant illum ma rridx nintilef nikteb dwar il-kliem jew il-qwiel imma nixtieq naqsam magħkom xi tagħrif dwar din il-frotta bnina li nsibu fix-xhur tal-bidu tas-sajf.

Isem

L-isem ta’ din il-frotta ġej direttament mil-Latin Vulgari ceresia. Min-naħa tiegħu, it-terminu Latin ġej mill-Grieg κέρασος ( kérasos ), li ġej mill-belt ta’ Cerasunte f’Pontus, belt li llum tinsab fit-Turkija li minnha, skont Plinju x-Xiħ, kittieb Ruman tal-ewwel seklu,  ġew importati lejn Ruma, fis-sena 72 qabel Kristu, l-ewwel siġar taċ-ċirasa. Mill-kelma Latina cerasia tnissel isem din il-frotta f’diversi ilsna fosthom il-Portugiż li jsejħulha cereja, il-Franċiż li jgħidilha cerise, fl-Ispanjol il-kelma ssir cereza filwaqt li fir-Rumen din hija cireașă. It-Taljani jsejħulha ciliega imma f’xi reġjuni għandha isem ieħor, bħal f’Napli fejn isejħulha cerasa u fi Sqallija li isem dil-frotta hija cirasa li minnha ħadna l-isem aħna l-Maltin u bħall-ġirien tagħna nsejħulha ċirasa. Fl-Ingliż għad li baqgħu l-għeruq Latini varja ftit l-isem, imma cherry ġejja wkoll minn ceresia.

Ġbir il-frott

Il-ħsad, jew aħjar il-ġbir taċ-ċirasa f'ħafna każijiet isir lejn tmiem ix-xahar ta’ Ġunju. Fl-24 ta' Ġunju, il-festa ta' San Ġwann Battista huwa meqjuż ma’ ħafna bdiewa bħala l-jum li fih għandu jibda l-ġbir taċ-ċirasa, biss din bħal kollox, mhux f’kull post il-frotta tilħaq timmatura fl-istess żmien. Anke f’pajjiżna, ċerti prodotti tar-raba’ li jitkabbru lejn il-Lvant ta’ Malta jilħqu qabel l-istess prodott miżugħ fil-punent ta’ din il-gżira ċkejkna tagħna aħseb u ara f’pajjiżi kbar fejn is-siġar taċ-ċirasa huma abbundanti. Hemm ukoll varjetajiet ta’ ċirasa li jimmaturaw aktar tard, bħal ngħidu aħna ċ-ċirasa ta’ San Ġakbu li, kif juri l-isem, timmatura bejn wieħed u ieħor fil-25 ta’ Lulju, preċiżament nhar San Ġakbu l-Kbir.

Din il-frotta tikber abbundanti fit-Turkija, li wara kollox hija l-art minn fejn  inġiebu l-ewwel siġar taċ-ċirasa fl-Oċċident. Hawn ikunu prodotti madwar 640,000 tunellata ta’ ċirasa fis-sena. Din il-frotta u s-siġar tagħha kienu ntrodotti fil-kontinent Amerikan mill-Ewropej u llum l-Istati Uniti hija t-tieni l-akbar produttur taċ-ċirasa fid-dinja. Pajjiżi tal-baħar Mediterran bħal Spanja, il-Greċja u l-Italja wkoll għandhom abundanza ta’ din il-frotta. F’pajjiżna mhux daqstant komuni.

Is-Siġra

Is-siġra taċ-ċirasa hija relattivament siġra kbira u l-frott tagħha huwa ċkejken meta mqabbel mad-daqs tas-siġra. Pereżempju siġra tal-larinġ hija ħafna iżgaħr minn waħda taċ-ċirasa imma mbagħad larinġa hija ħafna akbar minn ċirasa. Il-frott ħafna drabi jkun abbundanti. Niftakar darba kont f’raħal fuq il-muntanji qrib Avellino l-Italja. Kont mistieden għand familja biex nagħmlu barbeque. Din il-familja kellha siġra taċ-ċirasa fl-art tagħha. Qaluli biex naqta’ u niekol. Obdejt. Taqta’ kemm taqta’ qisu ma jispiċċa qatt il-frott. Konna xi sitta minn nies naqtgħu nimsħu b’idejna l-frott u nieklu. U tabilħaqq li ċ-ċirasa bħall-kliem, waħda tieħdok għal oħra!

Minbarra l-frott bnin tagħha, is-siġra toffri wkoll injam sabiħ għall-għamara. Ħaġa oħra li tajjeb wieħed ikun jaf hu li din il-frotta ma fihiex xaħam u ftit li xejn fiha zokkor filwaqt li hija sors ta’ vitamini A u C, potassju u fosfru. Madwar 80% tal-frotta hija ilma.

Iċ-ċirasa tajba ħafna tittiekel bħala deżerta imma l-istaġun li nsibuha huwa qasir għalhekk insibu bosta prodotti tagħha bħal ġammijiet u kremi. Il-frott frisk huwa dejjem l-aħjar imma meta ma ssibx tinqeda b’dak li ssib. Iċ-ċirasa tkun ukoll proċessata u karamellizzata biex tintuża ma’ frott niexef ieħor f’kejkijiet jew ħelu ieħor. Pereżempju Sqallija, fejn il-frotta taċ-ċirasa ssibha f’ammonti kbar, fit-truf tal-kannoli, ħelu marbut ma’ Sqallija wkoll, spiss titpoġġa ċirasa karamellizzata jew xi biċċa konfettura.

Iċ-ċirasa jgħidu li aktar ma tkun skura aktar tkun tajba, fil-fatt il-bejjiegħa Maltin taċ-ċirasa tal-imgħoddi kienu jgħajtu din l-għajta: “Kemm hi sewda ta’ Catania!”

Illum iddeċidejt li ndewqek ftit mit-tjubija ta’ din il-frotta ċkejkna.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 15 ta' Lulju 2023



venerdì 29 novembre 2019

Ir-rummien





Minkejja li r-rummien jikber f’pajjiżna, ma nistgħux ngħidu li din hija xi frotta popolari wisq magħna l-Maltin. Jista’ jkun minħabba l-fatt li fiha ħafna żerriegħa li tista’ ddejjaq lil min jiekol din il-frotta. Ħasra għax minbarra li hija frotta tajba fit-togħma fiha bosta vitamini u minerali bżonjużi għalina l-bnedmin.

Frotta popolari
Ir-rummien beda jkun ikkultivat fejn illum insibu l-Iran u n-naħa ta’ fuq tal-Indja eluf ta’ snin ilu. Minn hemm inxtered lejn il-Mediterran, l-aktar in-naħa tal-Afrika ta’ fuq. Dan ma jfissirx li fl-Ewropa ma bediex ikun ikkultivat ukoll, iżda l-ambjent Afrikan huwa tajjeb għas-siġra tar-rummien, mhux bħal siġar oħra li jippreferu ambjent anqas xott. Meta l-Ispanjoli waslu fil-kontinent Amerikan, dawn ħadu magħhom din il-frotta u intorduċewha hemmhekk, fejn saret popolari wkoll.

Ir-rummien jissemma fil-Bibbja wkoll. Insibu riferiment għalih fil-ktieb tal-Eżodu kif ukoll fil-ktieb tan-Numri. F’dan il-ktieb insibu l-poplu Lhudi fid-deżert igorr ma’ Mosè għaliex hemmhekk ma jsibx dak li kien isib l-Egittu, fost oħrajn ir-rummien. Ir-rummien imbagħad huwa wieħed mill-għadd  ta’ frott u prodotti oħra imwegħdin li kellu jsib fl-Art Imwegħda l-poplu Lhudi. Fil-ktieb tal-Għanja tal-Għanjiet il-maħbub jgħid li ħaddejn il-maħbuba tiegħu donnhom biċċtejn rummiena. Hemm aktar fejn insibu r-rummien fil-Bibbja, imma ejjew nieqfu hawn.

Ir-rummiena għall-poplu Lhudi kienet meqjusa bħala frotta b’bosta sinifikati. Ħafna jxebħuha mal-virtù għax isostnu li r-rummiena fiha 613 żerriegħa, sewwasew daqs kemm hemm kmandamenti fit-Torah. Fil-fatt is-siġra tar-rummien kienet tidher fuq waħda mill-muniti Ebrej antiki. Xi studjużi Lhud jemmnu li fil-ġnien tal-Eden is-siġra tal-frotta projbita ma kinitx it-tuffieħa iżda rummiena.

Ikel u xorb
Bosta minna meta jkollna rummiena ma naħsbu f’xejn għajr li nqaxxruha u niekluha. Wara li nqaxxruha u forsi qabel ma nikluha, inħaru lejn idejna u naraw li l-meraq ta’ din il-frotta ikun ħalla t-tbajja fuq idejna. Il-lewn ħamrani tar-rummiena huwa magħruf għall-qawwa tiegħu. Fil-fatt dan il-meraq fil-qedem kien jituża biex jinżebgħu d-drappijiet bih u sal-lum il-ġilda kannella, jew kif isibuha xi wħud; ħamra, għadha tingħata l-kulur bir-rummien; ovvjament qed nirreferi għal dik il-ġilda li għadha tinħadem b’mod antik u mhux il-ġilda sintetika li saret komuni.

Intant, ir-rummiena tista’ wkoll tingħasar. Il-meraq ta’ din il-frotta huwa tassew tajjeb. Ngħid id-dritt qatt ma kton doqtu sakemm kont il-Marokk. Nista’ ngħid li r-rummien magħsur huwa differenti minn meta tieklu biż-żerriegħa.

F’ikel tipiku Iranjan, ir-rummien jintuża għal mar-ross, mat-tiġieġ kif ukoll issir soppa tiegħu. F’xi platti oħra, ir-rummien jintuża biex iżejjen il-platt tal-ikel, li ma jkunx deżerta.

Simboliżmu
Ir-rummiena hija attribwita ma’ bosta simboli. Għall-Eġiżjani tal-qedem din kienet simbolu tal-ambizzjoni, għax minn frotta waħda joħorġu mijiet ta’ żerriegħa u min ikun ambizzjuż minn oġġett wieħed jipprova joħroġ kemm jista’. Sinifikat ieħor għall-ġens Eġiżjan antik meta jħares lejn ir-rummiena kien il-prosperità. L-istess, meta tiftaħ rummiena joħorġu ħafna żerriegħa u għalhekk  kienu jissimbolizzawha mal-abbundanza. Għandu mnejn li minn dan il-ħsieb twieldet f’moħħ l-Insara li r-rummiena hija simbolu tal-providenza ta’ Alla.

Hawn tiġi f’moħħi t-triq li nsibu mhux wisq bogħod tal-bażilika ta’ San Ġorġ tar-Rabat Għawdex. Jidhirli li din jisimha Triq il-Providenza u fiha nsibu niċċa tal-Madonna bil-bambin Ġesù li f’idu għandu rummiena. Din mhux l-unika triq f’pajjiżna li ġġib dan l-isem, imma ma nafx jekk jeżistux aktar xbihat bħal din li semmejt.

La semmejt Għawdex ma nistax inħalli barra milli nsemmi li f’din il-gżira nsibu bajja pittoreska li ġġib l-isem ta’ Ħondoq ir-Rummien. Din il-bajja ċkejkna, faċċata tal-gżira ta’ Kemmuna hija wieħed mill-isbaħ postijiet li hemm fil-gżira tat-tliet għoljiet. Ma nafx minn fejn ħa ismu dan il-post imma nimmaġina li fil-qedem kien hemm bosta siġar ta’ dan il-frott.

Is-siġra
Is-siġra tar-rummien ma tirdx wisq kura u tista’ tikber anke f’postijiet xotti. Fil-fatt jekk siġra minnhom ikollha ħafna ilma l-għeruq tagħha ħafna drabi jiġu attakkati minn fungi u jeqirduha. Siġra minn dawn tista’ tgħix sa mitejn sena u tista’ tikber sa għaxar metri. L-ewwel frott li tibda tagħti s-siġra jkun wara xi tliet snin iżda ħafna drabi din ma tkunx tiflaħ iżżommu u għalhekk jaqa’. Ta’ ħames snin is-siġra tibda tagħti l-frott sewwa. L-għadd ta’ frott li siġra tista’ tagħti jiddependi mill-kobor tagħha u meta siġra tixjieh tispiċċa kważi kważi ma tagħti l-ebda frott. Din is-siġra ġieli titkabbar bħala bonsai. Fiċ-ċokon din is-siġra hija mill-isbaħ u anke tagħti frott ċkejken.

Illum rajna xi ħaġa dwar frotta li minkejja li nsibuha f’pajjiżna, u narawha anke għall-bejgħ għand tal-ħaxix ftit li xejn nafu dwarha. Tajjeb jekk nibdew niekluha aktar.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  30 ta' Novembru 2019