Visualizzazione post con etichetta Alan de Rupe. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta Alan de Rupe. Mostra tutti i post

sabato 15 ottobre 2022

Aktar dwar ir-Rużarju

Il-ġimgħa l-oħra bdejna naraw fuq fuq kif oriġinat it-talba tar-Rużarju. Rajna kif aktarx bdiet u bdejna naraw ftit l-iżvilupp tiegħu matul is-snin. Illum inkomplu niskopru ftit aktar dwar din id-devozzjoni popolari mmens fi ħdan il-Knisja Kattolika.


Aktar żviluppi

Duminku tal-Prussja, li diġà semmejnieh il-ġimgħa l-oħra, kien iżid sentenza mill-Bibbja ma’ kull Sliema u Qaddisa. Is-superjur ta’ dan Duminku, Adolf von Essen, u xi oħrajn xerrdu kemm felħu din it-talba kemm fil-Prussja kif ukoll fil-Belġju u fi Franza, tant li mal-abitu tal-irħieb Ċertożini u Benedittini bdiet tidher kuruna tar-Rużarju mdendla maċ-ċintorin li jdur mal-qadd. Din id-drawwa għadha popolari sal-lum il-ġurnata. Is-saċerdot Dumnikan Alan de Rupe, li wkoll semmejnieh diġà, xerred it-talba tar-Rużarju fi Franza, fil-Fjandi u fin-Netherlands. Fl-1474 id-Dumnikan Ġakbu Sprenger waqqaf fratellanza tar-Ruarju fi Strasburgu fi Franza u sena wara oħra f’Kolonja l-Ġermanja. Dawn l-għaqdiet bdew jinxterdu tant li fl-1480 twaqqfet il-fratellanza tar-Rużarju f’Venezja u sena wara oħra f’Firenze. Fis-seklu sittax bdew jitwaqqfu għaqdiet tar-Rużarju għan-nisa. Dawk kienu saru popolari billi dak iż-żmien il-mara kienet titħalla barra minn għaqdiet soċjali. Dawn kienu jinvolvu talb fil-privat. Il-Kapitlu Ġenerali  tal-Ordni Dumnikan li kien sar fl-1574, kien ħeġġeġ biex fil-knejjes amministrati mid-Dumnikani jitwaqqfu fratellanzi tal-Madonna tar-Rużarju. F’Malta dawn il-fratellanzi wkoll saru popolari mhux biss fil-knejjes Dumnikani biss imma tista’ tgħid f’kull parroċċa twaqqfet fratellanza u artal lill-Madonna tar-Rużarju.

Fl-1571 il-Papa Piju V, li tajjeb ngħidu li kien dak il-papa li għen ħafna biex inbniet il-Belt Valletta, sejjaħ biex l-Ewropa kollha titlob ir-Rużarju għar-rebħa Nisranija fil-Battalja ta’ Lepanto. Ma ninsewx li sitt snin qabel kien sar l-assedju l-kbir fil-gżira tagħna, allura nifhmu l-periklu kbir li kien hemm dak iż-żmien ta’ okkupazzjoni barranija f’artijeit Ewropej. Ir-rebħa tal-Insara f’Lepanto kienet għall-ewwel iċċelebrata bħala l-festa tal-Madonna tal-Vitorja fis-7 ta’ Ottubru, iżda wara ħadet l-isem ġdid tal-Madonna tar-Rużarju.  Fl-1587 il-Venerabbli Alwiġi ta’ Granada, saċerdot Dumnikan magħruf għal kitbietu u l-prietki tiegħu, ippubblika l-ktieb Rosario della Sacratissima Vergine Maria. Sena wara l-Ingliż Dun Ġwann Bucke ħareġ il-ktieb Instructions for the Use of the Beads. Sa dak iż-żmien l-isem ta’ din it-talba kien għadu magħruf bħala t-talba taż-żibeġ. Fl-1597 insibu l-ewwel riferenza għal din it-talba bl-isem ta’ Rużarju. Personalitajiet oħra li kkontribwew għat-tixrid ta’ din it-talb huma San Alwiġi Maria Grignion de Montfort bil-ktieb tiegħu Is-Sigriet Ammirabbli tar-Rużarju Mqaddes u l-Beatu Bartolo Longo, fundatur tas-Santwarju u tal-opri ta’ karità f’Pompei, li huwa wkoll meqjus bħala l-Appostlu tar-Rużarju Mqaddes.

 

Approvazzjoni uffiċjali

Il-bolla papali Consueverunt Romani Pontifices mill-Papa Dumnikan Piju V stabbilixxiet uffiċjalment id-devozzjoni lejn ir-Rużarju fil-Knisja Kattolika kollha. Id-Duttur tal-Knisja San Pietru Kanisju, Ġiżwita li miet fl-1597 jingħad li żied il-kliem “Qaddisa Marija Omma Alla, itlob għalina midinbin”. Dan il-qaddis xerred mhux ftit id-devozzjoni lejn ir-Rużarju u lejn il-Madonna. Huwa kien jgħid li r-Rużarju huwa l-aqwa mod biex tissewwa l-ħsara li saret lill-Knisja ta’ Kristu mir-riforma Protestanta.

San Pietru Kanisju

Mis-seklu sittax sal-bidu tas-seklu għoxrin, l-istruttura tar-Rużarju baqgħet tista’ tgħid l-istess. Kien hemm 15-il misteru, b’għaxar Ave Marijiet kull wieħed. Fl-1917 seħħew id-dehriet tal-Madonna f’Fatima fil-Portugall. Minn hawn  seħħet iż-żieda fl-aħħar ta’ kull għaxar Sliema u Qaddisa. Dini ż-żieda saret fuq talba tal-Madonna stess.  Din it-talba hija hekk: O Ġesu tiegħi, aħfrilna dnubietna, eħlisna min-nar tal-infern; Ħu l-ġenna l-erwieħ kollha, l-aktar dawk li għandhom bżonn tal-ħniena tiegħek.  Wara l-Konċilju Vatikan II, Mons. Annibale Bugnini, riformsita tal-liturġija, kien ppropona xi tibdil fl-istruttura tar-Rużarju, iżda l-Papa Pawlu VI rrifjuta li jimplimenta l-proposta għar-raġuni li t-tibdil ta’ devozzjoni tant stabbilita u popolari setgħet tfixkel lill-fidili u turi nuqqas ta’ rispett għal prattika daqstant antika. Għalhekk ma kien hemm ebda tibdil sal-2002 meta San Ġwanni Pawlu II waqqaf il- ħames misteri Tad-Dawl bl-Ittra Appostolika Rosarium Virginis Mariae. Fatt kurjuz f’din l-Ittra tal-Papa huwa li l-misteri ġodda tar-Ruzarju, imsejħin Misteri tad-Dawl biex jibdew jingħadu nhar ta’ Ħamis, jaqblu mal-ħames Misteri li San Ġorġ Preca kien ta lill-membri tal-MUSEUM fl-1957 u li l-qaddis sejħilhom ukoll Misteri tad-Dawl.

Din hija l-istorja fil-qosor ta’ din it-talba Marjana tant popolari u mifruxa mad-Dinja Kattolika kollha. L-iskop tiegħi li ktibt dawn l-artikli kien biex dak li jkun isir jaf l-istorja fuq fuq ta’ din it-talba li tingħad aktar mis-sotu matul ix-xahar ta’ Ottubru.

Fr Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 15 ta' Ottubru 2022




venerdì 7 ottobre 2022

Ir-Rużarju

Niftakar lill-bużnanna tiegħi issejjaħ ix-xhur skont xi qaddis jew devozzjoni. Għaliha u għal bosta oħrajn ix-xahar ta’ Ottubru kien iddedikat lir-Rużarju. Interessanti wieħed ikun jaf kif evolviet din it-talba.

Bla dubju ta’ xejn waħda mill-aktar talbiet Marjani popolari hija t-talba tar-rużarju. Bosta ngħiduh kuljum imma forsi ftit li xejn nafu l-istorja tiegħu.


Hemm diversi fehmiet dwar l-istorja tar-Rużarju. L-oriġini eżatta tar-Rużarju bħala talb ma huwa ċar xejn u dan huwa suġġett għal dibattitu fost l-istudjużi. Fil-Kristjaneżmu l-użu ta’ ħbula bl-għoqod biex jgħinu lil dak li jkun jitlob imur lura għall-irħieb tad-deżert fis-seklu tlieta u fil-bidu tar-raba’ seklu. Dan l-apparati tal-għadd kienu jintuża fil-monakiżmu Kristjan għat-talb bħat-Talba ta’ Ġesù. It-Talba ta’ Ġesù hija din: Mulej Ġesù Kristu Iben ta’ Alla jkollok Ħniena minni jiena midneb.  Wara l-Ewwel Konċilju ta’ Efesu li sar fl-431 beda jiżdied it-talb Marjan. Skont xi tradizzjonijiet Kattoliċi, ir-Rużarju kien mogħti lil San Duminku f’dehra tal-Madonna li kellu.

Il-meditazzjoni waqt ir-reċitar tas-Sliema u l-Qaddisa, jew kif tafhom id-dinja kollha l-Ave Maria, kien attribwit lil Duminku tal-Prussja, raħeb jew monaku Ċertożin li fl- 1458 kiteb ktieb bl-isem Liber Experientiae  imma li huwa kien isejjaħ Vita Christi Rosarium (Il-Ħajja tar-Rużarju ta’ Kristu). Iżda fl-1977, it-Teologu minn Trier Andreas Heinz skopra Vita Christi Rosarium ieħor bid-data 1300, għalhekk huwa jinsisti li l-oriġini tar-Rużarju kif nafuh illum tmur lura għall-inqas għal dak iż-żmien. Dan ma jfissirx li r-Rużarju beda dik is-sena, ifisser li dik is-sena r-Rużarju kien diġà stabbilit. San Duminkun ta’ Gużman kien ilu madwar 80 sena mejjet għalhekk jista’ jkun li it-tradizzjoni li tgħid li dan il-qaddis ingħata r-Rużarju hija minnha.

Ftit storja

Talb biż-żibeġ bħar-rużarju għandu mnejn beda mil-lajċi biex jimitaw l-irħieb Insara. Dawn l-irħieb waqt il-Liturġija tas-Sigħat kienu jitolbu l-150 Salm kuljum. Peress li ħafna mil-lajċi u anke frajiet fil-monasteri ftit li xejn kienu jafu jaqraw, biddlu l-150 salm ma’ 150 Missierna  jew kif jafha kulħadd: Pater Noster. Huma kienu jużaw qafla bl-għoqod fuqha biex iżommu l-għadd preċiż ta’ Pater Noster li jgħidu.

Skont tradizzjoni Dumnikana, fl-1208 ir-Rużarju ġie mogħti lil San Duminku f’dehra mill-Verġni Marija fil-knisja ta’ Prouille. Din id-dehra Marjana ngħatat l-isem tal-Madonna tar-Rużarju. Fis-seklu XVI il-Beatu Alan de Rupe, saċerdot u teologu Dumnikan, jingħad li kellu dehra mingħand Ġesù dwar l-urġenza li r-Rużarju jerġa’ jiddaħħal bħala forma ta’ talb. Il-Beatu Alan qal ukoll li kien irċieva l-“15-il Wegħda” tal-Omm Imqaddsa. Qabel mewtu li seħħet fit-8 ta’ Settembru 1475, huwa reġa’ xerred ir-Rużarju f’ħafna pajjiżi u waqqaf ħafna fratellanzi tar-Rużarju. Minkejja l-popolarità tal-istorja tal-Beatu Alan dwar l-oriġini tar-rużarju, qatt ma nstabet xi evidenza storika li torbot lil San Duminku mar-Rużarju. L-istorja tad-devozzjoni ta’ San Duminku lejn ir-Rużarju u dehra tal-Madonna tar-Rużarju ma tidher fl-ebda dokument tal-Knisja jew tal-Ordni Dumnikan qabel il-kitbiet tal-Beatu Alan, li nkitbu madwar 300 sena wara.

Żvilupp storiku

Sas-seklu sebgħa t-talb lil Marija kien qed isir aktar komuni. L-ewwel talba magħrufa lil Marija hija s-Sub tuum praesidium, li bil-Malti tiġi hekk: Omm qaddisa tal-kbir Alla, taħt il-mant tiegħek nistkennu, tirruftax it-talb minn tagħna, waqt li lilek aħna ntennu. Fil-bżonn kbir li fih ninsabu, mill-periklu int ħarisna, bit-talb tiegħek int qaddisna. Magħna kun dejjem pjetuża, Verġni mbierka u Glorjuża. L-ewwel forma tas-Sub tuum praesidium tinstab fil-liturġija Ortodossa Kopta u kopja tagħha bil-Grieg tmur lura għal madwar is-sena 250 wara Kristu.

Matul il-Medjuevu aktarx li kemm il-Pater Noster kif ukoll l-Ave Maria kienu jingħadu biż-żibeġ. Fis-seklu XIII f’Pariġi, kienu jeżistu erba’ ħwienet tax-xogħol li kienu jsenslu l-kuruni biż-żibeġ. Dawn kienu jissejħu paternosteri, isem li ġej mit-talba tal-Missierna bil-Latin, Pater Noster.

Kittieb li ktieb il-ħajja ta’ San Ajbertu ta’ Krespin, raħeb Benedittin li miet fl-1140, qal li dan il-qaddis kien ta’ kuljum jgħid 150 Sliema u Qaddisa, 100 minnhom għarkupptejh u 50 minnhom mindud għal tulu fl-art. San Luwiġi Re ta’ Franza li miet fl-1270 jingħad li ta’ kull filgħaxija kien jinżel 50 darba għarkupptejh u kull darba li jqum kien jgħid Sliema u Qaddisa bil-mod. Fis-seklu 12, ir-regola tal-Ankoriti Ingliżi (gruppi ta’ lajċi li kienu jħallu d-dinja biex jgħidu ħajja solitarja ta’ talb u meditazzjoni), speċifikat kif il-ħamsin Ave Marija kellhom jinqasmu f’ħames deċennji jew posti ta’ għaxar Ave Marijiet kull waħda. Bil-mod il-mod, l-Ave Maria ħadet post il-Missierna li kienu jingħadu fil-bidu, iżda qabel kull għaxar Sliema u Qaddisa tingħad Missierna. Issa r-rużarju sar jirrifletti aktar l-istruttura tal-Uffiċju Divin monastiku.

Billi hemm aktar wieħed x’jgħid dwar din it-talba, illum nieqfu hawn u nkomplu ngħidu aktar il-ġimgħa d-dieħla.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 8 ta' Ottubru 2022