Visualizzazione post con etichetta Irlanda. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta Irlanda. Mostra tutti i post

sabato 29 gennaio 2022

IL-LEWN AĦDAR

Ftit ilu kont qiegħed ma’ pelleġrinaġġ Lourdes. Matul it-triq sakemm wasalna f’dan il-post tant imfittex mill-Maltin, ħsiebi mar fuq il-bosta sfumaturi tal-lewn aħdar li s-siġar tal-madwar joffru. Moħħi meta jibda jaħseb xi ħaġa jibqa’ jberren u jhewden u hekk ġrali fuq dan il-kulur li tant insibuh madwarna.

Xi ħaġa fuq fuq

L-aħbar huwa l-lewn bejn l-ikħal u l-isfar. Matul l-era post klassika u moderna, fl-Ewropa l-aħdar kien il-kulur assoċjat mal-ġid, in-negozjanti, il-bankiera u l-mexxejja, filwaqt li l-aħmar kien riservat għan-nobbli u l-poplu komuni kien jilbes il-griż jew il-kannella. Fin-natura nsibu dan il-lewn f’bosta minerali u ħaġar fosthom il-quarts, l-iżmerald u l-malakita. Hemm ukoll tipi ta’ rħam aħdar. Bla dubju l-akbar firxa ta’ ħdura nsibuha fil-weraq tal-pjanti u s-siġar. Ħafna frott ikun aħdar sakemm isir, biss hemm xi frott li anke meta jimmatura jibqa’ aħdar bħall-għeneb abjad, il-kiwi, il-lime, il-mango u tip ta’ tuffieħ. Iż-żebbuġ għandu żewġ varjazzjonijiet, dak aħdar u dak iswed. Hemm xi annimali, l-akar tjur jew rettili, li huma ta’ lewn aħdar u dan jgħinhom biex ikunu protetti minn predaturi.

L-aħdar huwa meqjuż bħala kulur kiesaħ flimkien mal-ikħal u l-vjola. Huwa wkoll wieħed mill-kuluri tal-għajnejn li flimkien mal-għajnejn koħol huma meqjusin bħala minoranza f’pajjiżna, iżda hemm ġnus li din hija ħaġa normalissima.

Fil-Malti meta bniedem jissejjaħ aħdar ikun ingħata aġġettiv xejn sabiħ għax fi lsienna ngħidu li bniedem ikun ta’ qalb ħadra jew li hu aħdar meta nkunu rridu nfissru li dak li jkun huwa bniedem kattiv. Ikollna ngħidu li din ma hijiex ħaġa tagħna biss għax għall-Ingliżi “Green-eyed monster” huwa dak li jkun jgħir u t-Taljani ġieli jgħidu “verde d'invidia” għal persuna għajjura. 

Fir-reliġjon

L-aħdar nassoċjawh l-aktar mal-Iżlam. F’dan it-twemmin l-aħdar jissimbolizza l-ġenna u għalhekk it-tribù ta’ Mawmettu kellu standard ta’ lewn aħdar. Kważi l-pajjiżi Musulmani kollha għandhom il-lewn aħdar fil-bandiera tagħhom. Sar-revoluzzjoni msejħa “Ir-Rebbiegħa Għarbija” il-bandiera tal-Libja kienet kollha ħadra. Fil-fatt bejn l-1977 u l-2011 din il-bandiera kienet l-unika waħda madwar id-dinja kollha li kienet ta’ lewn wieħed li ma kien fiha l-ebda arma jew disinn fuqha. F’dan il-pajjiż ukoll konna nsibu l-Pjazza l-Ħadra. Illum kemm il-bandiera Libjana kif ukoll isem din il-pjazza ġew mibdulin.

Fil-fidi Kattolika l-aħdar jintuża għal-liturġija ta’ matul is-sena, jiġifieri dejjem għajr fl-Avvent u r-Randan meta jintuża l-vjola u żmien il-Milied u żmien il-Għid meta jintuża l-abjad. Fir-rit Ambrożjan li jintuża f’Milan, il-lewn aħdar fil-quddies jintuża fil-Ħdud u l-ferji ta’ wara l-Epifanija sar-Randan mentri fir-rit Biżantin jintuża f’Ħadd il-palm, fil-Pentecoste u fil-festi tal-akbar qaddisin.

Interessanti l-fatt tal-istorja tal-Irlanda. Il-Kattoliċi ta’ hemmhekk jassoċċjaw irwieħeom mal-lewn aħdar filwaqt li dawk Protestanti huma marbutin mal-lewn oranġjo. B’hekk il-bandiera ta’ dan il-pajjiż hija ħadra, bajda u oranġjo.

Fil-Paganiżmu l-aħdar jissimbolizza l-ġid u l-abbundanza kif ukoll il-kobor u l-bilanċ. Fil-Buddiżmu l-aħdar huwa sinjal tal-armonija u l-bilanċ. Għalihom jekk wieħed jimmedita dwar l-aħdar ikun jista’ jibdel l-għira f’għerf. Fl-Indużmu il-kulur aħdar jirrappreżenta l-ferħ, is-sliem u s-safa.

Tal-partit

L-aħdar jista’ wkoll jidentifika lil xi partit. Mhux qed nifhem b’partiti politiċi biss. Il-partiti politiċi li fuq nett tal-aġenda tagħhom għandhom il-ħarsien tal-ambjent, normalment iġorru bnadar ħodor. L-aħdar jista’ jkun ukoll il-lewn ta’ tim tal-futbol. Bla dubju f’Malta meta nsemmu l-aħdar u l-futbol bla ma rridu moħħna mill-ewwel jaħseb fit-tim tal-Furjana u jekk naħsbu fuq livell internazzjonali niftakru fit-tim nazzjonali Irlandiż.

Hawn ukoll xi każini tal-banda li jħaddnu l-kulur aħdar, il-Każin ta’ San Filep ta’ Ħaż-Żebbuġ, dak ta’ Pinto – San Bastjan ta’ Ħal Qormi, dak tal-Beland taż-Żejtun, tal-Bagri ta’ Birkirkara, ta’ San Mikiel ta’ Ħaż-Żabbar, il-Banda Birżebbuġa, San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq u l-Banda Kristu Sultan ta’ Raħal Ġdid. Ma nafx jekk hemmx aktar, jekk ħallejt lil xi ħadd barra niskuża ruħi u nitlobkom taħfruli.

Aktar

Normalment l-imwejjed tal-billjard ikunu miksijin b’pannu aħdar għalhekk ġieli naraw minnhom bi lwien oħra fostrhom aħmar jew blu. L-istess nistgħu ngħidu għall-imwejjed tal-casinos. X’aktarx li dawn ikollhom tvalja ħadra fuqhom. Fil-judo u l-karate meta wieħed jakwista ċintorin aħdar ikun ifisser li huwa ta’ livell li jaf sewwa dak l-isport.

L-aħdar huwa l-inqas kulur li nħarsu lejh meta nieqdu fit-traffic lights bil-kontra tal-aħmar. Meta jixgħel dan aħna nsuqu. U bilħaqq, bilħaqq, bilħaqq! Qed niftakar li l-ewwel kompjuter li ħdimt fuqu kellu monitor bi sfont iswed u tipi ħodor.

Illum dort dawra ma’ kulur li minkejja li f’pajjiżna ma huwiex mifrux daqs f’pajjiżi oħra. Huwa kulur li jserraħ l-għajnejn u huwa kulur li  nsibuh spiss.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  29 ta' Jannar 2022




venerdì 15 marzo 2019

Birra, whiskey u San Patrizju

Il-munument ta' Molly Molone

Jekk ikollok tiltaqa’ ma’ persuna mill-Irlanda u tistaqsiha jekk hijiex mill-Irlanda ta’ fuq jew minn ta’ isfel, ġeneralment tgħidlek li hemm Irlanda waħda, ir-Repubblika tal-Irlanda. Il-ġżira Irlandiża hija maqsuma fi tnejn, parti tagħmel mir-Renju Unit u l-parti l-oħra le. Il-qaddis patrun tal-Irlanda huwa San Patrizju. Lil dan il-qaddis issirlu festa kbira fil-jum iddedikat lilu li jaħbat fis-17 ta’ Marzu. Mhux festa kif nagħmlu aħna l-Maltin bin-nar u l-pavaljuni u l-purċissjoni, imma bil-mod uniku tagħhom. Il-kapitali tar-Repubblika tal-Irlanda lejlet u nhar il-festa timtela bin-nies jiċċelebraw, mhux Irlandiżi biss imma bosta oħrajn mill-erbat irjieħ tad-dinja jmorru f’din il-belt biex jiċċelebraw.

Dublin
Il-belt kapitali tar-Repubblika Irlandiża hija Dublin. Mhux magħruf eżatt meta twaqqfet din il-belt imma hemm min isostni li din ilha wieqfa mis-seklu VII. Bosta jemmnu li kienu l-Vikingi li waqqfu din il-belt. Dan ma jfissirx li qabel dan iż-żmien ma kienx hemm nies jgħixu fuq din il-gżira. It-tradizzjoni li San Patrizju mar hemm bħala missunarju diġà turina li sa mis-seklu V kien hemm bosta nies fil-pajjiż. Iżda t-twaqqif uffiċjali ta’ Dublin huma miżmun bħala s-sena 988

Illum Dublin hija belt kbira b’aktar minn miljun ruħ jgħixu fiha. Hija belt li tiġbdek, forsi minħabba l-karattru ċajtier tan-nies tal-post, forsi minħabba l-karattru sabiħ tal-belt. Hu x’inhu hija belt li ma tiddejjaqx iżżur.

Il-qaddis
Tajjeb ngħidu xi ħaġa dwar San Patrizju billi dan huwa l-qaddis patrun tal-Irlandiżi imma mhux popolari wisq magħna l-Maltin.

Patrizju huwa qaddis imwieled fil-Brittanja fis-seklu V. Dak iż-żmien il-Brittanja kienet tagħmel parti mill-Imperu Ruman u għalhekk il-fidi tal-post kienet dik Nisranija. Jingħad li Patrizju meta kellu madwar sittax-il sena kien maqbud bħala skjav u meħud l-Irlanda. Hemm hu kien imġiegħel jirgħa l-annimali u għadda sitt snin f’din il-ħajja. Irnexxielu jaħrab u jmur lura mal-familja tiegħu fejn sar saċerdot. Huwa mar lura ġewwa l-Irlanda biex iwassal it-tagħlim ta’ Ġesù Kristu lin-nies tal-post. Baqa’ hemm u aktar tard sar l-isqof ukoll. Sa mis-seklu VII Patrizju kien magħruf bħala l-patrun tal-Irlanda.  Hemm bosta leġġendi marbutin ma’ dan il-qaddis fosthom dik li huwa ħeles lill-Irlanda mis-sriep valenużi li kien hemm jiġġerraw. Huwa ordna li dawn is-sriep jintefgħu fil-baħar wara li attakkawh meta kien qed jagħmel sawma ta’ erbgħin jum. Leġġenda oħra tgħid li l-bastun li kien iżomm miegħu, li kien biċċa zokk ta’ siġra, kien imdaħħal fil-ħamrija u dan rabba l-għeruq u beda jħaddar.

Hu x’inhu, għall-Irlandiżi San Patrizju hu l-qaddis favorit.

Whiskey u birra
Il-festa ta’ San Patrizju llum saret sinonima max-xorb ta’ alkoħol Irlandiż.

Meta naħsbu fil-whiskey moħħna mill-ewwel imur fl-Iskozja, iżda tajjeb inkunu nafu li jeżisti wkoll il-whiskey Irlandiż. Jgħidu li l-whiskey Skoċċiż irid idum tliet snin fil-btieti imma dak Irlandiż irid idum aktar. Biex whiskey jkun tassew Irlandiż irid ikun ilu tal-anqas tliet snin u ġurnata fil-bettija. Hemm kompetizzjoni qawwija bejn il-produtturi tal-whiskey Skoċċiż u dak Irlandiż.
Xarba popolari oħra li ssir ukoll l-Irlanda hija l-birra. Għandkom mnejn tgħiduli li din hija xarba li ssir madwar id-dinja kollha, u ngħidilkom li għandkom raġun, imma fl-Irlanda, anzi f’Dublin hemm birerija famuża mad-dinja kollha għall-birra sewda li tipproduċi. Din il-birra tinxtorob bil-glalen f’dawn il-ġranet qrib il-festa ta’ San Patrizju.

Barijiet
L-atmosfera li wieħed isib fil-barijiet Irlandiżi hija wħada unika u li ma tinsa qatt. Ngħid għalija lejla f’bar ġewwa Dublin kienet waħda mill-isbaħ serati ta’ ħajti. Verament li kont ma’ kumpanija tajba, imma l-atmosfera li ssib f’dawn il-barijiet hija xi ħaġa li mhux faċli tinsiha. Birra, dejjem bil-qies, mużika, sing along u żfin tradizzjonali. Kulħadd iċapċap idejh u jkanta mal-għanjiet tradizzjonali Irlandiżi.

Minħabba din l-attmosfera infetħu bosta barijiet Irlandiżi madwar id-dinja, anke f’Malta u bħalissa jkunu fl-aqwa tal-attività tagħhom. Bil-fors, qegħdin fi żmien i-festa ta’ San Patrizju.
Waħda mill-għanjiet tradizzjonali li tisma’ żgur f’xi ħanut minn dawn hija dik bl-isem Molly Molone. Din tirrakkonta storja ta’ tifla li matul il-jum kienet tbigħ il-ħut bħalma kienu jagħmlu missierha u ommha. Imma din Molly mietet b’deni qawwi li ħakimha. Wara mewtha il-leġġenda tgħid li kienet toħroġ ir-ruħ tagħha tgħajjat bil-ħut.

Ovvajment din hija biss leġġenda imma l-għanja nistgħu ngħidu li hija l-Innu ta’ Dublin u tista’ tgħid kull bar Irlandiż madwar id-dinja jibda l-ispettaklu tiegħu b’din għanja. Tant hija popolari din l-għanja u t-tifla li titkellem fuqha li f’Dublin insibu monument għaliha, mikxuf mis-sindku tal-post fl-1988, għeluq l-elf sena mit-twaqqif uffiċjali tal-belt ta’ Dublin.

Dublin belt li tiġbdek lejha, u tassew hemm x’ jiġbdek lejha.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 16 ta' Marzu 2019



venerdì 31 marzo 2017

Xahar b’ xorti ħażina

Bdejna ix-xahar ta’ April – ix-xaahr tal-boloh hawn min isejjaħlu u dan kollu għax fl-ewwel jum tiegħu hemm id-drawwa li jsir xi ċajt fuq il-ħbieb. Id-drawwa taċ-ċajta tal-ewwel ta’ April ma hijiex xi ħaġa Maltija iżda nistgħu ngħidu li nsibuha mifruxa sew.

Fir-Renju Unit u l-Irlanda
Fl-Ingilterra, l-Iskozja u l-Irlanda ta’ Fuq isiru bosta ċajtiet f’ dan il-jum iżda aktarx li dawn jieqfu ma’ nofsinhar għax id-drawwa ta’ dan il-poplu tgħid li min jiċċajta jew jidħaq b’ħaddieħor waranofsinhar ikun iblah hu stess. Dawn isejħu dan il-jum April fool, l-iblah ta’ April. Fl-Irlanda hemm id-drawwa li bniedem jagħti ittra lil xi ħadd biex dan joħodha lil xi ħadd ieħor u dan it-tieni wieħed x’ ħin jirċievi l-ittra jerġa’ jibgħat lil dak li jkun iwassalhielu għand xi ħadd ieħor u l-istorja tibqa’ sejra hekk sakemm il-messaġġier tal-ittra taqbiżlu ċ-ċinga u jiftaħ l-ittra u jsib messaġġ li jkun jgħidlu li dik kienet ċajta tal-ewwel ta’ April. Ma nafx kemm hawn wisq boloh li jibilgħu ċajta bħal din. Jekk issir darba ma nafx kemm hawn imzazen fid-dinja li jerġgħu jaqgħu fin-nasba! Insomma fid-dinja ma trid tistgħaġeb b’ xejn għax issib minn kollox.

Hemm min isejjaħ dan il-jum bħala “All fools day” – jum il-boloh kollha.

Il-ħuta ta’ April
F’ xi pajjiżi ċ-ċajt li jsir f’ dan il-jum jissejjaħ “il-ħuta ta’ April”. Għat-Taljani iċ-ċajtt a’ dan il-jum huwa “pesce d’aprile” filwaqt li għall-Franċiżi hu “poisson d’avril”. Għan-nies tal-Olanda dan il-jum huwa “aprilvis” li wkoll ifisser il-ħuta ta’ April. Minkejja li ħadd ma jaf minn fejn oriġina dan l-isem, hemm min jaħseb li dan il-jum beda jissejjaħ hekk għaliex kien hemm id-drawwa li xi ħadd iwaħħal ħuta tal-karti ma’ dahar xi ħadd ieħor bla ma tinduna l-vittma u għalhekk tibqa’ ddur bil-ħuta tal-karti mwaħħla ma’ daharha sakemm xi ħadd jgħidilha. Ċajta bħal din min jaf kemm għamilniha meta konna għadna studenti!

Spanja u l-Portugall
Fil-Peninsola Iberika insibu żewġ ismijiet differenti għal dan il-jum. Il-Portuġiżi jsejħulu “Dia da mentira”, il-jum tal-gidba filwaqt li għall-Ispanjoli dan huwa “Día de las bromas de abril”, il-jum taċ-ċajta ta’ April. Iż-żewġ popli għandhom raġun għaliex bħal-lum spiss ngħidu xi gidba biex nidħqu b’ dak li jkun u nidħqu b’ dak li jkun mhux bi ħsieb ħażin iżda b’ ċajta.

Malta
Aħna wkoll inżommu dan il-jum bħala jum li ċajta tkun mistennija u aċċettata. Bosta minna nsejħu xi praspura li jagħmlulna jew nagħmlu aħna lil oħrajn bħala “Ċajta tal-ewwel ta’ April” Hawn xi partijiet ta’ Malta li din id-drawwa jsejħulha “Il-Ġifa”. Ma nafx għalfejn għaliex il-kelma ġifa tfisser bniedem li jaqta’ qalbu, xi ħadd li jonqsu l-kuraġġ. Min jaf minn fejn bdiet din il-ħaġa.

Nistgħu nibqgħu nsemmu l-pajjiżi għax din hija drawwa mifruxa sewwa.

Ipotesi
Insibu minn ipprova jagħti ħjiel dwar kif origina dan il-jum.

Fl-1582 il-Papa Gregorju XIII introduċa il-kalendarju Gregorjan, dak li nużaw aħna llum. Sa dak iż-żmien kien jintuża l-kalendarju li Ġulju Ċesari kien introduċa ftit anqas minn ħamsin sena qabel Kristu. Il-bidu tas-sena fil-kalendarju Ġuljan kien isir mal-bidu tar-Rebbiegħa bejn l-20 u l-21 ta’ Marzu.  Meta kien introdott il-kalendarju Gregorjan mhux kulħadd kien jaf bih u kien hemm min ma aċċettahx. B’ hekk kien hemm min baqa’ jiċċelebra l-ewwel tas-sena mal-bidu tar-Rebbiegħa li mhix wisq bogħod mill-ewwel ta’ April. Dawk li aċċettaw il-kalendarju l-ġdid kienu jgħaddu biż-żmien lil dawk li ma aċċettawhx jew li ma kienux jafu bih u kienu jsejħulhom “boloh” jew “boloh ta’ April” . Franza aċċettat  dan il-kalendarju mill-ewwel iżda l-Ingilterra qalbet għall-kalendarju Gregorjan fl-1752. L-isem ta’ “April fools” għal din id-drawwa, kien jintuża fl-Ingilterra ħafna snin qabel u għalhekk twaqqa’ din l-ipotesi. Mill-banda l-oħra fi Franza ma tissejjaħx b’ dan l-isem imma bħala “ħuta ta’ April” u għalhekk nistgħu ngħidlu li din l-ipotesi hija żbaljata.
L-Imperatur Kostantinu

Insibu min jgħid li dan il-jum beda fi żmien l-Imperatur Kostantinu. Grupp ta’ buffi ta’ dan l-Imperatur kienu qalulu li huma kienu kapaċi jmexxu l-Imperu aħjar minnu. Biex ikompli ċ-ċajta l-Imperatur ħalla lil ċeru buffu bl-isem ta’ Kugel biex imexxi l-Imperu Ruman għal ġurnata. Il-jum magħżul għal Kugel kien l-ewwel ta’ April. Din l-ipotesi kien ħareġ biha ċertu professur tal-Istorja fl-università ta’ Boston. Iżda l-professur Joseph Boskin ma kellu l-ebda bażi storika jew dokumentata dwar dak li qal u llum nafu li din kienet biss invenzjoni ta’ moħħ dan il-professur.

Hu x’inhu, il-bidu taċ-ċajt tal-ewwel ta’ April jibqa’ mistur, iżda dan iċ-ċajt ċappas ix-xorti ta’ dan ix-xahar, xahar li bosta jqisuh bħala “tal-boloh”. Ara veru xahar b’ xortih ħażina miskin!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 1 ta' April 2017



venerdì 10 marzo 2017

Uisce beatha

Naħseb li parti kbira minnkom ma tafux xi tfisser il-kelma uisce beatha. Jien sakemm qaluli ma kontx naf u għalhekk mhux ser nistgħaġeb li lanqas intom ma tafu x’inhi jew x’ilsien hija miktuba bih.

L-ilma tal-ħajja
Uisce beatha huma żewġ kelmiet Ċeltiċi li jfissru “Ilma tal-ħajja”. Ippruvaw aqraw l-ewwel kelma biss u ppronunzjaw l-U bħala W u ċ-Ċ bħala K. Naħseb li issa indunajtu li l-ilma tal-ħajja għaċ-Ċeltiċi ma kien xejn għajr il-Whiskey.

Huwa maħsub li kienu l-patrijiet, jew aħjar l-irħieb, li daħħlu l-ewwel distillatur, jew l-ewwel lampik fl-Irlanda għall-ħabta tas-sena 1000. Dawn l-irħieb kienu jiddistillaw likwidu biex issir il-fwieħa. L-Irlandiżi mmodifikaw l-ingredjenti iżda żammew it-teknika u minflok fwieħa ħolqu spirtu li jista’ jinxtorob. Huma semmew dan ix-xorb “Ilma tal-ħajja” - Uisce beatha.

L-Irlandiżi jew l-Iskoċċiżi?
Il-whiskey huwa marbut mal-Iskożja u aktarx li meta naħsbu f’ dan ix-xorb f’ moħħna jiġi dan il-pajjiż. Iżda l-fatti juru mod ieħor. L-ewwel dokumentazzjoni li ssemmi dan ix-xorb hija dik li tissejjaħ bħala  Annals of Clonmacnoise, kronaka ta’ dak li ġara fl-Irlanda. Id-data ta’ dan id-dokument hija 1405. F’ din il-kitba nsibu li wieħed mill-kapijiet ta’ tribu Ċeltiku miet wara li kien xorob ammont eċċessiv ta’ Ilma tal-ħajja fil-festi tal-Milied ta’ dik is-sena. L-ewwel dokument Skoċċiż li jsemmi l-Whiskey huwa tas-sena 1494 fejn fil-kitba  Rotuli scaccarii regum scotorum, li kien bħala lista ta’ awditur. Hawn insibu mniżżel x’ kien qiegħed isir mix-xgħir, li ta’ min jgħid li huwa ingredjent importanti fil-manifattura tal-Whiskey. B’ hekk nistgħu naslu għall-konkluzzjoni li l-ewwel whiskey li qatt rat id-dinja ma kienx fl-Iskozja iżda fl-Irlanda.

Mużew tal-Whiskey Irlandiż
Kont għal ftit jiem ġewwa l-Irlanda u mort inżur dan il-mużew li jinsab fil-qalba ta’ din il-belt, sewwasew quddiem Trinity College. L-Irish Whiskey Museum jagħtik esperjenza unika fejn gwida jdawrek madwar il-post u jurik waqt li jispejgalek l-istorja tal-Whiskey Irlandiż, li tajjeb ngħidu li huwa differenti minn dak Skoċċiż. Matul id-dawra tara bosta għodod antiki li kienu jintużaw fil-produzzjoni ta’ dan ix-xorb. Jien inzertajt xi Skoċċiżi mal-grupp li kont qed insegwi id-dawra fil-mużew u hemmhekk ħassejt ir-rivalità li hemm bejn dawn iż-żewġ popli fejn jidħol dan ix-xorb. L-irlandiżi mhux biss jiftaħru li huma kienu dawk li ħolqu l-whiskey iżda wkoll jgħidu li l-whiskey tagħhom huwa superjuri għal bosta fatturi fosthom li biex whiskey jkun jista’ jissejjaħ Irlandiż irid ikun ilu fil-btieti tliet snin u ġurnata filwaqt li dak Skoċċiż irid idum fil-bettija tliet snin biss.

Matul is-snin
Dan il-Mużew fih parti li jurik kif kienet il-ħajja tal-Whiskey Irlandiż. Matul is-sekli XVIII u XIX fl-Irlanda infetħu madwar elf fabbrika tal-whiskey, xi wħud damu ftit u għalqu , oħrajn komplew.  Kien hemm żmien meta madwar il-pajjiż kollu kien hemm xejn anqas minn 30 distillerija tal-whiskey. Matul is-snin dawn naqsu u kien hemm żmien fejn kien fadal biss tliet kumpaniji li jipproduċu dan ix-xorb. Dan ġara minħabba li kienet naqset id-domanda għall-prodott. Il-gwerra għall-Indipendenza tal-Irlanda, bejn l-1919 u l-1921 ma għenet xejn lil din l-industrija għaliex naqqset l-esportazzjoni.
Kif jgħid il-Latin, mors tua, vita mea, il-mewt tiegħek hija l-ħajja tiegħi. Bin-nuqqas ta’ produzzjoni ta’ whiskey fl-Irlanda, l-Iskozja saret l-akbar pajjiż produttur ta’ dan l-ispirtu.

Tgħallem ixrob
Iż-żjara fl-Irish Whiskey Museum tintemm billi ssib ruħek f’ bar fejn jagħtuk idduq xi whiskey differenti. L-ewwel ħaġa jgħallmuk kif għandek tixrob il-whiskey, iddawwar il-grokk fit-tazza, ixxommu ftit, mhux bħall-inbid għaliex il-whiskey fih ħafna aktar alkoħol mill-inbid. Wara dan idduq il-whiskey billi tieħu boqqa żgħira minnu u tiġbed nifs biex iddaħħal l-arja fix-xorb. Insomma hemm teknika sħiħa biex tgawdi t-togħma sħiħa tax-xarba.

Hawnhekk tingħata dduq jew tliet tipi ta’ whiskey jew erbgħa skont il-biljett li tkun qtajt. L-ewwel tingħata whiskey mhux wisq antik u wara tingħata whiskey ta’ għaxar snin. It-tielet tip ikun whiskey ordinarju. Hawn tinduna kemm il-palat ivarja. Jekk tkun qtajt biljett ta’ VIP idduq ir-raba’ whiskey li huwa taħlita tat-tlieta ta’ qabel – niggarantilkom li għandu togħma eċċellenti.

Għalfejn illum qsamt magħkom dan kollu? Ħafna minna jsiefru u ma jitħajrux iżuru ċerti postijiet li jkunu fil-qalba tal-belt.  Żjara bħal din tagħtik ħjiel dwar l-istorja tal-pajjiż, tinduna xi prodotti tipiċi ssib f’ dak il-post u wkoll tkabbar it-tagħrif ġenerali tiegħek.

Jekk tkunu Dublin erħikom mix-xiri, morru s’ hemm. Siegħa jew siegħa u nofs kollox imma li tibqa’ tiftakarha bħala xi ħaġa speċjali fil-vakanza tiegħek.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 11 ta' Marzu 2017