sabato 29 gennaio 2022

IL-LEWN AĦDAR

Ftit ilu kont qiegħed ma’ pelleġrinaġġ Lourdes. Matul it-triq sakemm wasalna f’dan il-post tant imfittex mill-Maltin, ħsiebi mar fuq il-bosta sfumaturi tal-lewn aħdar li s-siġar tal-madwar joffru. Moħħi meta jibda jaħseb xi ħaġa jibqa’ jberren u jhewden u hekk ġrali fuq dan il-kulur li tant insibuh madwarna.

Xi ħaġa fuq fuq

L-aħbar huwa l-lewn bejn l-ikħal u l-isfar. Matul l-era post klassika u moderna, fl-Ewropa l-aħdar kien il-kulur assoċjat mal-ġid, in-negozjanti, il-bankiera u l-mexxejja, filwaqt li l-aħmar kien riservat għan-nobbli u l-poplu komuni kien jilbes il-griż jew il-kannella. Fin-natura nsibu dan il-lewn f’bosta minerali u ħaġar fosthom il-quarts, l-iżmerald u l-malakita. Hemm ukoll tipi ta’ rħam aħdar. Bla dubju l-akbar firxa ta’ ħdura nsibuha fil-weraq tal-pjanti u s-siġar. Ħafna frott ikun aħdar sakemm isir, biss hemm xi frott li anke meta jimmatura jibqa’ aħdar bħall-għeneb abjad, il-kiwi, il-lime, il-mango u tip ta’ tuffieħ. Iż-żebbuġ għandu żewġ varjazzjonijiet, dak aħdar u dak iswed. Hemm xi annimali, l-akar tjur jew rettili, li huma ta’ lewn aħdar u dan jgħinhom biex ikunu protetti minn predaturi.

L-aħdar huwa meqjuż bħala kulur kiesaħ flimkien mal-ikħal u l-vjola. Huwa wkoll wieħed mill-kuluri tal-għajnejn li flimkien mal-għajnejn koħol huma meqjusin bħala minoranza f’pajjiżna, iżda hemm ġnus li din hija ħaġa normalissima.

Fil-Malti meta bniedem jissejjaħ aħdar ikun ingħata aġġettiv xejn sabiħ għax fi lsienna ngħidu li bniedem ikun ta’ qalb ħadra jew li hu aħdar meta nkunu rridu nfissru li dak li jkun huwa bniedem kattiv. Ikollna ngħidu li din ma hijiex ħaġa tagħna biss għax għall-Ingliżi “Green-eyed monster” huwa dak li jkun jgħir u t-Taljani ġieli jgħidu “verde d'invidia” għal persuna għajjura. 

Fir-reliġjon

L-aħdar nassoċjawh l-aktar mal-Iżlam. F’dan it-twemmin l-aħdar jissimbolizza l-ġenna u għalhekk it-tribù ta’ Mawmettu kellu standard ta’ lewn aħdar. Kważi l-pajjiżi Musulmani kollha għandhom il-lewn aħdar fil-bandiera tagħhom. Sar-revoluzzjoni msejħa “Ir-Rebbiegħa Għarbija” il-bandiera tal-Libja kienet kollha ħadra. Fil-fatt bejn l-1977 u l-2011 din il-bandiera kienet l-unika waħda madwar id-dinja kollha li kienet ta’ lewn wieħed li ma kien fiha l-ebda arma jew disinn fuqha. F’dan il-pajjiż ukoll konna nsibu l-Pjazza l-Ħadra. Illum kemm il-bandiera Libjana kif ukoll isem din il-pjazza ġew mibdulin.

Fil-fidi Kattolika l-aħdar jintuża għal-liturġija ta’ matul is-sena, jiġifieri dejjem għajr fl-Avvent u r-Randan meta jintuża l-vjola u żmien il-Milied u żmien il-Għid meta jintuża l-abjad. Fir-rit Ambrożjan li jintuża f’Milan, il-lewn aħdar fil-quddies jintuża fil-Ħdud u l-ferji ta’ wara l-Epifanija sar-Randan mentri fir-rit Biżantin jintuża f’Ħadd il-palm, fil-Pentecoste u fil-festi tal-akbar qaddisin.

Interessanti l-fatt tal-istorja tal-Irlanda. Il-Kattoliċi ta’ hemmhekk jassoċċjaw irwieħeom mal-lewn aħdar filwaqt li dawk Protestanti huma marbutin mal-lewn oranġjo. B’hekk il-bandiera ta’ dan il-pajjiż hija ħadra, bajda u oranġjo.

Fil-Paganiżmu l-aħdar jissimbolizza l-ġid u l-abbundanza kif ukoll il-kobor u l-bilanċ. Fil-Buddiżmu l-aħdar huwa sinjal tal-armonija u l-bilanċ. Għalihom jekk wieħed jimmedita dwar l-aħdar ikun jista’ jibdel l-għira f’għerf. Fl-Indużmu il-kulur aħdar jirrappreżenta l-ferħ, is-sliem u s-safa.

Tal-partit

L-aħdar jista’ wkoll jidentifika lil xi partit. Mhux qed nifhem b’partiti politiċi biss. Il-partiti politiċi li fuq nett tal-aġenda tagħhom għandhom il-ħarsien tal-ambjent, normalment iġorru bnadar ħodor. L-aħdar jista’ jkun ukoll il-lewn ta’ tim tal-futbol. Bla dubju f’Malta meta nsemmu l-aħdar u l-futbol bla ma rridu moħħna mill-ewwel jaħseb fit-tim tal-Furjana u jekk naħsbu fuq livell internazzjonali niftakru fit-tim nazzjonali Irlandiż.

Hawn ukoll xi każini tal-banda li jħaddnu l-kulur aħdar, il-Każin ta’ San Filep ta’ Ħaż-Żebbuġ, dak ta’ Pinto – San Bastjan ta’ Ħal Qormi, dak tal-Beland taż-Żejtun, tal-Bagri ta’ Birkirkara, ta’ San Mikiel ta’ Ħaż-Żabbar, il-Banda Birżebbuġa, San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq u l-Banda Kristu Sultan ta’ Raħal Ġdid. Ma nafx jekk hemmx aktar, jekk ħallejt lil xi ħadd barra niskuża ruħi u nitlobkom taħfruli.

Aktar

Normalment l-imwejjed tal-billjard ikunu miksijin b’pannu aħdar għalhekk ġieli naraw minnhom bi lwien oħra fostrhom aħmar jew blu. L-istess nistgħu ngħidu għall-imwejjed tal-casinos. X’aktarx li dawn ikollhom tvalja ħadra fuqhom. Fil-judo u l-karate meta wieħed jakwista ċintorin aħdar ikun ifisser li huwa ta’ livell li jaf sewwa dak l-isport.

L-aħdar huwa l-inqas kulur li nħarsu lejh meta nieqdu fit-traffic lights bil-kontra tal-aħmar. Meta jixgħel dan aħna nsuqu. U bilħaqq, bilħaqq, bilħaqq! Qed niftakar li l-ewwel kompjuter li ħdimt fuqu kellu monitor bi sfont iswed u tipi ħodor.

Illum dort dawra ma’ kulur li minkejja li f’pajjiżna ma huwiex mifrux daqs f’pajjiżi oħra. Huwa kulur li jserraħ l-għajnejn u huwa kulur li  nsibuh spiss.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  29 ta' Jannar 2022




Nessun commento:

Posta un commento