Fid-dinja jkun hawn nies li jgħixu u jtemmu ħajjithom fil-kwiet bla ma ħadd
jinduna bihom, bla ma jħallu l-ebda marka importanti fid-dinja. Imma mbagħad
issib bnedmin oħra li kemm f’ħajjithom kif ukoll wara mewthom jibqgħu meqjusin
bħala nies kbar. Ma jfissirx li dawk li ma jagħmlux ħoss fid-dinja ma jkunux
għamu xi tip ta’ ġid. Ħafna minnhom ikunu rabbew familja, ħadmu u kienu nies
tal-affari tagħhom, imma ma wettqu xejn tant kbir li d-dinja tibqa’ tiftakar
fihom. Propju llum, 8 ta’ Jannar jaħbat jum il-mewt ta’ żewġ irġiel kbar li
ħallew isem. Dawn huma l-esploratur Marku Polo u l-astronomu u fiżiku Galileo
Galilei.
Polo
Insibu kitba dettaljata dwar il-vjaġġi li wettaq Polo, kitba li ġġib l-isem
“Il Millione”. Aktarx li Millione kien il-laqam tal-familja ta’ Polo, imma
din hija biss ipotesi u ħadd ma jaf
fiċ-ċert għalfejn din il-kitba ħadet dan l-isem.
Il-kobor ta’ dan il-bniedem huwa li baħħar lejn artijiet li kienu mbegħda u
ġab miegħu lejn l-Ewropa ħwejjeġ li ħadd qatt qabel ma kien jaf bihom. Fl-1323
Polo kien marid u ma setax iqum mis-sodda. Fit-8 ta’ Jannar 1324, f’xifer
il-mewt, iddetta l-aħħar xewqat tiegħu lis-saċerdot Giovanni Giustiniani ta’
San Procolo. Marku qassam il-ġid tiegħu bejn il-familja tiegħu, diversi
istituti reliġjużi, inkluż il-knisja ta’ San Procolo u l-knisja ta’ San Lorenzo
fejn kien se jindifen, kif ukoll għaqdiet u fratellanzi li kien kien membru
fihom matul ħajtu.
Galilei
Wara tentattiv fallut biex Galileo jiddaħħal fost l-erbgħin student Toskan
li ġew milqugħa b’xejn fl-Università ta’ Pisa, iż-żagħżugħ ġie ospitat “bla
ħlas” minn Muzio Tebaldi, uffiċjal tad-dwana tal-belt ta’ Pisa. Fost il-ħafna
skoperti tiegħu huwa qal lid-dinja li d-dinja ma hijiex ċatta imma hija tonda u
din iddur max-xemx u mhux ix-xemx iddur mad-dinja, verità li kellu jħallas
għaliha prezz għoli mmens!
Fid-19 ta’ April tas-sena 1611, il-Kardinal Roberto Bellarmino
ikkummissjona lill-matematiċi tal-Vatikan biex iħejjulu rapport dwar
l-iskoperti ġodda ta’ dan ix-xjenzat. Fil-21 ta’ Diċembru 1614, minn fuq il-pulptu
ta’ Santa Marija Novella f’Firenze, il-patri Dumnikan Tommaso Caccini tkellem
fit-tul kontra ċerti matematiċi moderni u b’mod partikolari kontra Galileo.
Huwa qal li dak li kienu qed jgħidu dawn ix-xjenzati jikkontradixxi
l-Iskrittura Mqaddsa. Żball enormi mill-Knisja għax interpretat il-Bibbja bħala
ktieb xjentifiku. Il-Knisja talbitu jgħid li dik it-teorija tiegħu kienet għal
kollox żbaljata imma Galileo ma seta’ qatt jaċċetta din il-proposta. Għalhekk
huwa kellu jgħaddi minn taħt idejn l-inkwiżizzjoni.
Il-ġuri beda fit-12 ta’ April 1633, bl-ewwel interrogazzjoni ta’ Galileo,
li għaliha l-inkwiżitur, id-Dumnikan Vincenzo Maculano, ta “preċett” li bih
il-Kardinal Bellarmino kien jordnalu jabbanduna t-teorija tiegħu. Huwa kien arrestat ġewwa daru għall-kumplament
ta’ ħajtu.
Illum nafu li dak li skopra Galileo Galilei ma kienx imur kontra t-tagħlim
tal-Knisja imma kienet skoperta importanti għax-xjenza moderna. Imma mur fiehem
lil dawk in-nies dak iż-żmien! Huwa miet fit-8 ta’ Jannar tas-sena 1642.
Il-kotba tiegħu baqgħu ma jistgħux jinqraw mill-Kattoliċi sas-sena 1758.
Biex tkun kbir
Illum rajna fuq fuq il-ħajja u x-xogħol ta’ żewġ persuni kbar li mietu
bħal-lum. Biex bniedem ikun kbir irid ibati, irid iżomm il-prinċipju tiegħu u
mhux idur ma’ kull riħ. Iżomm il-prinċipji tiegħu anke jekk ikun jaf li kulħadd
huwa kontra tiegħu, anke meta jara d-dinja kollha toħodha kontrieh.
Ikollna nammetti li llum ftit li xejn għad għandna nies kbar bħal dawn!
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 8 ta' Jannar 2022
Nessun commento:
Posta un commento