Visualizzazione post con etichetta renzo piano. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta renzo piano. Mostra tutti i post

lunedì 6 dicembre 2021

PUTIRJAL

 

Bħal kull belt oħra fid-dinja li hija mdawra bis-swar, il-belt kapitali tagħna l-Maltin għandha għadd ta’ bibien li jdaħħluk fiha. Il-Belt Valletta għandha d-daħla prinċipali tagħha minn dak li bosta Matin għadhom isejħulu Putijal; kelma ġejja mill-kelmiet Taljani “Porta Reale”, il-bieb tas-salten, sewwasew kif kien jissejjaħ fi żmien li Malta kienet titmexxa mis-Slaten jew kif nafuhom aktar, il-Gran Mastri tal-Ordni ta’ San Ġwann.

L-ewwel bieb

Id-daħla prinċipali tal-belt mibnija mill-ġentlomi għall-ġentlomi, kif bix-xieraq tissejjaħ il-Belt Valletta, oriġinarjament inbniet mal-kumplament tal-bini l-ieħor ta’ din il-belt maħsuba minn La Valette u tkomliet mis-suċċessuri tiegħu. L-isem proprju tal-bieb kien Porta San Giorgio. Billi San Ġorġ huwa l-qaddis patrun tas-suldati, il-kavallieri kienu ħasbu biex dan il-bieb jissemma għal dan il-qaddis. Għall-istess qaddis kienet issemmiet it-triq li minn dan il-belt tieħu sat-tarf l-ieħor tal-belt u għalih ukoll issemma l-misraħ f’nofs din it-triq, sewwasew quddiem il-palazz tas-Sultan. Illum dan il-misraħ għadu jġib l-isem oriġinali tiegħu: Misraħ San Ġorġ.  Kien il-perit Francesco Lapparelli li ħażżeż il-pjanata ta’ dan il-bieb. Kien bieb aktarx sempliċi u nieqes minn kull disinn elaborat. L-għan tal-bieb ma kienx li jsebbaħ iżda li jżomm lura lill-għadu milli jidħol fil-belt. Quddiem il-bieb kien hemm pont tal-injam li kien jittella’ f’każ ta’ xi attakk mill-għadu. Lejn tmiem is-seklu XVI il-Gran Mastru Verdala kien sebbaħ dan il-bieb u issa beda jissejjaħ Porta Reale. Il-Maltin malajr għawġu dawn il-kelmtejn u għamlu minnhom kelma waħda li għadna nużawha bosta drabi sal-lum il-ġurnata: Putirjal.

Wara Verdala

Malta tmexxiet minn tliet Gran Mastri wara Verdala li ma missew xejn mill-bieb ta’ Putirjal iżda Antoine de Paule waqqa’ u bena mill-ġdid dan il-bieb. Din id-darba kien perit Malti li ddisinjah: Tumas Dingli. Il-bieb il-ġdid kien fih aktar x’tara. Kien fih ukoll żewġ daħliet mal-ġnub tad-daħla prinċipali tan-nofs. Il-pont tal-injam tħalla fil-post biex ikun jista’ jittella’ f’każ ta’ ħtieġa. Meta Malta għaddiet f’idejn il-Franċiżi, dawn biddlu isem il-bieb u bdew isejħulu Porte Nationale għalkemm għandi dubju kemm il-Maltin laqgħu dan l-isem. Nassumi li bħalma ma aċċettawx lill-Franċiżi daqstant ieħor aċċettaw l-isem li taw lil Putirjal! Fi żmien l-Ingliżi saru xi tibdiliet f’dan il-bieb. Sfotunatament b’dawn iż-żidiet intilef id-disinn oriġinali ta’ Tumas Dingli.

Fuq tlieta toqgħod il-borma

Fl-1853 twaqqa’ l-bieb ta’ Dingli biex minfloku nbena wieħed ġdid fuq pjanta ta’  Francis Ringler Thomson. Dan il-bieb kien fih żewġ arkati prinċipali kif ukoll żewġ bibien fil-ġnub kif kien dak ta’ qablu. Fuq id-daħliet tal-ġnub kien hemm żewġ niċeċ bl-statwi tal-Gran mastri L’Isle Adam u la Valette. Dawn tkissru matul it-tieni gwerra dinjija. Fuq ġewwa tal-bieb kien hemm bust tal-Papa Piju V, bħala rikonoxximent tal-għajnuna tiegħu fil-bini ta’ din il-belt. Illum dan il-bust insibuh ħdejn il-bini tal-qorti fi Triq ir-Repubblika. Anke l-isem ta’ dan il-bieb inbidel fi żmien li l-gżejjer tagħna kienu f’idejn il-Brittaniċi. Kingsgate kien beda jissejjaħ u t-triq prinċipali tal-Belt Kingsway. Biss il-Maltin xorta baqgħu jsejħu lill-bieb, Putirjal u lit-triq Strada Rjali! Bil-Malti beda jissejjaħ “Bieb il-belt”.

Meta Tlieta mhux biżżejjed

Kien ilu jinħass li dak il-bieb minkejja s-sbuħija tiegħu ma kienx prattiku għal belt ħajja bħalma kienet il-Belt Valletta ta’ wara l-gwerra. Fl-1964 twaqqa’ dan il-bieb u minn floku nbena ieħor fuq pjanta tal-arkitett Taljan Alziro Bergonzo. Minkejja li issa l-belt kapitali ta’ Malta kellha bieb prinċipali komdu, l-istil tiegħu xejn ma ntlaqa’ tajjeb mal-poplu Malti. F’belt barokka bieb sempliċi bħal dak ma jinżilx tajjeb u għalhekk dejjem qala’ kritika ħarxa. Il-ħsieb li jinbidel kien ilu jberren f’moħħ il-Maltin sakemm fl-aħħar intgħażel il-perit ta’ fama internazzjonali Renzo Piano biex jippjanta il-ħames bieb.

Fetħa jew bieb?

Meta nitkellmu fuq il-proġett tad-daħla tal-belt illum niġu f’dubju jekk insejħulhiex “bieb” jew sempliċiment “fetħa”. Hi x’inhi hija d-daħla li nsibu llum u trid tifhem il-ħsieb tal-perit biex tappreżżaha. Illum meta s-swar saru biss ornament, saru biss wirt tal-umanità, id-disinjatur tad-daħla ried li dak li jidħol il-belt iħossu qed jiġi milqugħ bl-akbar unur. Għalhekk hemm dawk iż-żewġ arbli dritti, donnhom xwabel qed isellmu lil min jidħol jew joħroġ mill-kapitali tagħna. Kritika qala’ ħafna imma maż-żmien qiegħed jindara wkoll, u min jaf ladarba l-Perit Piano ma jibqax magħna, kemm inkunu kburin li f’pajjiżna għandna xogħol ta’ dan il-bniedem kbir li għandu xogħlu fl-aqwa bliet tad-dinja!

Illum ħadkom dawra mal-bieb ta’ Putirjal. Nistqarr li kien ritratt antik, li juri l-karozzi tal-linja kollha kuluri differenti madwar il-funtana tat-tritoni bil-bieb ta’ Putirjal fl-isfont li ħajjarni nfttex ftit dwar dan il-bieb li min jaf kemm-il daba ngħaddu minnu bla ma nħabblu rasna xi storja għandu.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 4 ta' Diċembru 2021



giovedì 17 gennaio 2013

Monument lill-arti


Ħsibijiet fuq it-taraġ tat-Teatru Rjal


Fi żmien il-vaganzi tal-Milied ċempilli wieħed żagħżugħ u stedinni biex niltaqgħu ftit, nagħmlu żewġ passi, nieħdu kafè u ngħidu kelmtejn. Ftehma biex l-għada niltaqgħu l-Belt f’ xi l-10 ta’ filgħodu. Ikolli nammetti li għalija niltaqgħu l-Belt Valletta jew f’ xi post ieħor ma kienx jagħmilli differenza, imma wara li iltqajna apprezzajt kemm kien ħsieb tajjeb li niltaqgħu hemmhekk.

Fis-sajf li għadda kont dħalt darbtejn sal-Belt, imma fi żmien il-Milied kont ilni ma nidħol snin twal. Forsi l-ħsieb ta’ folol ta’ nies jixtru u jduru minn ħanut għall-ieħor dejjem kien jaqtagħli qalbi, imma nsomma għal din is-sena kont sejjer nagħmel eċċezzjoni. U dħalt il-Belt u ħassejtni qisni turist. Ħassejtni donni qiegħed inżur xi belt ġdida, belt li fiha qatt ma kont mort qabel, belt li minkejja li żortha mijiet ta’ drabi, ħassejtha timmeraviljani daqs li kieku kont qiegħed niskopriha, niskopri teżor li sibt bla ma kont qiegħed infittex.

Tlajt it-taraġ tat-Teatru Rjal. Inqerr magħkom: kont xettiku għall-aħħar dwar dan il-proġett, imma x’ ħin sibt ruħi hemmhekk ħassejt il-kuxjenza tniggiżżni. Minn moħħi għadda elf ħsieb. Kemm hi kerha l-gwerra, qerda biss iġġib. Ara x’ ħallew il-bombi Ġermaniżi; borġ ġebel, ħallew selħa fil-Belt mibnija mill-ġentlomi għall-ġentlomi, ħallew toqba, ħallew vojt, ħallew il-mewt minflok il-glorja u l-maestrija li kien igawdi dan it-teatru. Bil-waqa’ ta’ dan il-bini, id-dilettanti tal-opra sfaw iltiema, sfaw vittmi, sfaw telliefa, tilfu xi ħaġa għażiża għalihom. Għal bosta u bosta snin konna bqajna bi ftit knaten fuq xulxin biex ifakkruna fil-kruha tal-gwerra. Knaten li kienu jixhdu dak li kienu jirrakkuntawlna n-nanniet u forsi l-ġenituri tagħna, ġrajjiet li aħna ma niftakrux. Knaten li baqgħu hemm biex juruna kemm hi kerha l-gwerra!

Imma inutli noqgħodu nibku. Kollu ta’ xejn noqgħodu naħsbu fuq dak li tlifna u ma nagħmlu xejn. Dan jgħodd għal kull sitwazzjoni tal-ħajja. Jekk noqgħodu b’ idejna fil-but kollox kif inhu jibqa’. Jekk noqgħodu naħsbu bla ma nieħdu azzjoni xejn ma jinbidel. Jeħtieġ li tittieħed deċizzjoni illum jew għada. U deċizzjoni kultant ma tkunx faċli. Deċizzjoni tista’ tintgħoġob ma’ xi wħud u tista’ ma tintlaqax minn oħrajn.

Fil-każ tat-teatru l-imwaqqa’ hekk ġara. Ittieħdet deċizzjoni. Kont għadni fuq it-taraġ tat-teatru meta ġewni dawn il-ħsibijiet. Teatru tal-ħadid, bla saqaf, imma li ma jmissx mal-fdal tal-bini tat-teatru l-imwaqqa’. Ħassejt li l-istruttura l-ġdida trid tisfida lill-gwerra, trid twassal messaġġ lil dawk li jaħsbu li bil-gwerra tista’ taħkem fejn trid, tikkmanda lil min trid. L-istruttura trid turi biċ-ċar li l-arti ma tispiċċax bil-gwerra, anzi fejn il-gwerra tiżra l-qerda l-arti tnibbet il-ħajja. L-arti, it-teatru, huma parti mir-ruħ tal-ġens u r-ruħ ma tmut qatt. Il-bombi li niżlu f’ dan il-post waqqgħu l-bini, ħallew ħerba, imma ma qatlux ir-ruħ. Veru każ fejn mix-xewk ħareġ il-ward.
Renzo Piano
Ħassejtni kważi nistħi minni nnifsi meta ftakart li kont xettiku dwar dan il-proġett. Issa li qiegħed fih nista’ nara l-għaqda tal-antik mal-modern. Għalija iktar minn teatru l-istruttura tal-perit Renzo Piano hija monument għall-arti. Iva l-gwerra kissret il-ġebel imma ma ġabitx fix-xejn lir-ruħ, il-qalb, ix-xewqat u l-imħabba kulturali ta’ dan il-poplu.

Ħassejtni kuntent li kont ninsab f’ post li għada pitgħada għandu jkun imniżżel mal-lista ta’ xogħolijiet magħarufa li wettaq il-perit ta’ fama internazzjonali. Fraħt meta bdejt nimmaġina li għad nara isem Malta, isem il-Belt Valletta ma’ ismijiet ta’ bliet kbar oħrajn bħal Pariġi, Londra, Milan, Genova, Turin, Napli, Ateni, Berna,  Berlin,  Amsterdam, Rotterdam, Oslo, Houston, Dallas, Atalanta, New York, Tokyo u għadd ta’ bliet oħra li lkoll għandhom xi xogħol ta’ dan l-arkitett modern.

Inżilt lura mit-taraġ li kont tlajt. Minkejja li minix belti, ħassejtni kburi bil-Belt Kapitali ta’ pajjiżi. Dort fuq dak li kont dħalt il-Belt biex niltaqa’ miegħu u fissirtlu dan kollu fi ftit kliem. Għidltu biss: “Dan mhux teatru, dan monument li juri li l-arti lanqas il-gwerra ma tirbħilha!”

Fr Reno Muscat OP

In-Nazzjon 17 ta' Jannar 2013