Visualizzazione post con etichetta xjenza. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta xjenza. Mostra tutti i post

sabato 8 gennaio 2022

NIES KBAR

 

Fid-dinja jkun hawn nies li jgħixu u jtemmu ħajjithom fil-kwiet bla ma ħadd jinduna bihom, bla ma jħallu l-ebda marka importanti fid-dinja. Imma mbagħad issib bnedmin oħra li kemm f’ħajjithom kif ukoll wara mewthom jibqgħu meqjusin bħala nies kbar. Ma jfissirx li dawk li ma jagħmlux ħoss fid-dinja ma jkunux għamu xi tip ta’ ġid. Ħafna minnhom ikunu rabbew familja, ħadmu u kienu nies tal-affari tagħhom, imma ma wettqu xejn tant kbir li d-dinja tibqa’ tiftakar fihom. Propju llum, 8 ta’ Jannar jaħbat jum il-mewt ta’ żewġ irġiel kbar li ħallew isem. Dawn huma l-esploratur Marku Polo u l-astronomu u fiżiku Galileo Galilei.

Polo

Imwieled f’Venezja fil-15 ta’ Settembru, 1254, Marku Polo huwa meqjus bħala wieħed mill-akbar vjaġġaturi u esploraturi ta’ kull żmien. Polo jissemma fl-Arkivji tar-Repubblika ta’ Venezja bħala “Marco Paulo de confinio Sancti Iohannis Grisostomi”, jiġifieri Marku Polo mid-distrett ta’ San Giovanni Grisostmu, fejn kien u għad hemm knisja ddedikata lil dan il qaddis. Xejn mhu magħruf dwar it-tfulija tiegħu, ħlief li kważi żgur għaddieha f’Venezja. Wara li mietet ommu, missieru aktar tard kien se jerġa’ jiżżewweġ lil Floradisa Trevisan, għalhekk Marku trabba miz-zijiet. Huwa rċieva edukazzjoni u tgħallem kif jista’ jbaħħar imma ma nafux jekk kienx jaf jitkellem bil-Latin jew le, ħaġa li minbarra li ġġorr preġju tiftaħ ukoll orizzonti akbar lil min kien ikun jaf jitkellem dak l-ilsien. 

Fl-1300 żżewweġ lil Donata Badoer, bint Vitale Badoer, negozjant kbir, li minnha kellu tlett ibniet: Fantina li wara żżewġet lil Marku Bragadin, Belella miżżewġa lil Bertuccio Querini u Moreta li ma nafu xejn dwarha.

Insibu kitba dettaljata dwar il-vjaġġi li wettaq Polo, kitba li ġġib l-isem “Il Millione”. Aktarx li Millione kien il-laqam tal-familja ta’ Polo, imma din  hija biss ipotesi u ħadd ma jaf fiċ-ċert għalfejn din il-kitba ħadet dan l-isem.

Il-kobor ta’ dan il-bniedem huwa li baħħar lejn artijiet li kienu mbegħda u ġab miegħu lejn l-Ewropa ħwejjeġ li ħadd qatt qabel ma kien jaf bihom. Fl-1323 Polo kien marid u ma setax iqum mis-sodda. Fit-8 ta’ Jannar 1324, f’xifer il-mewt, iddetta l-aħħar xewqat tiegħu lis-saċerdot Giovanni Giustiniani ta’ San Procolo. Marku qassam il-ġid tiegħu bejn il-familja tiegħu, diversi istituti reliġjużi, inkluż il-knisja ta’ San Procolo u l-knisja ta’ San Lorenzo fejn kien se jindifen, kif ukoll għaqdiet u fratellanzi li kien kien membru fihom matul ħajtu.

Galilei

Galileo Galilei twieled fil-belt ta’ Pisa fil-15 ta' Frar tas-sena 1564. Huwa kien fiżiku, astronomu, filosfu, matematiku u akkademiku Taljan u huwa meqjus bħala missier ix-xjenza moderna. Żgur li huwa figura ewlenija tar-rivoluzzjoni xjentifika.

Wara tentattiv fallut biex Galileo jiddaħħal fost l-erbgħin student Toskan li ġew milqugħa b’xejn fl-Università ta’ Pisa, iż-żagħżugħ ġie ospitat “bla ħlas” minn Muzio Tebaldi, uffiċjal tad-dwana tal-belt ta’ Pisa. Fost il-ħafna skoperti tiegħu huwa qal lid-dinja li d-dinja ma hijiex ċatta imma hija tonda u din iddur max-xemx u mhux ix-xemx iddur mad-dinja, verità li kellu jħallas għaliha prezz għoli mmens!

Fid-19 ta’ April tas-sena 1611, il-Kardinal Roberto Bellarmino ikkummissjona lill-matematiċi tal-Vatikan biex iħejjulu rapport dwar l-iskoperti ġodda ta’ dan ix-xjenzat. Fil-21 ta’ Diċembru 1614, minn fuq il-pulptu ta’ Santa Marija Novella f’Firenze, il-patri Dumnikan Tommaso Caccini tkellem fit-tul kontra ċerti matematiċi moderni u b’mod partikolari kontra Galileo. Huwa qal li dak li kienu qed jgħidu dawn ix-xjenzati jikkontradixxi l-Iskrittura Mqaddsa. Żball enormi mill-Knisja għax interpretat il-Bibbja bħala ktieb xjentifiku. Il-Knisja talbitu jgħid li dik it-teorija tiegħu kienet għal kollox żbaljata imma Galileo ma seta’ qatt jaċċetta din il-proposta. Għalhekk huwa kellu jgħaddi minn taħt idejn l-inkwiżizzjoni.

Il-ġuri beda fit-12 ta’ April 1633, bl-ewwel interrogazzjoni ta’ Galileo, li għaliha l-inkwiżitur, id-Dumnikan Vincenzo Maculano, ta “preċett” li bih il-Kardinal Bellarmino kien jordnalu jabbanduna t-teorija tiegħu.  Huwa kien arrestat ġewwa daru għall-kumplament ta’ ħajtu.

Illum nafu li dak li skopra Galileo Galilei ma kienx imur kontra t-tagħlim tal-Knisja imma kienet skoperta importanti għax-xjenza moderna. Imma mur fiehem lil dawk in-nies dak iż-żmien! Huwa miet fit-8 ta’ Jannar tas-sena 1642. Il-kotba tiegħu baqgħu ma jistgħux jinqraw mill-Kattoliċi sas-sena 1758.

Biex tkun kbir

Illum rajna fuq fuq il-ħajja u x-xogħol ta’ żewġ persuni kbar li mietu bħal-lum. Biex bniedem ikun kbir irid ibati, irid iżomm il-prinċipju tiegħu u mhux idur ma’ kull riħ. Iżomm il-prinċipji tiegħu anke jekk ikun jaf li kulħadd huwa kontra tiegħu, anke meta jara d-dinja kollha toħodha kontrieh.

Ikollna nammetti li llum ftit li xejn għad għandna nies kbar bħal dawn!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 8 ta' Jannar 2022








sabato 3 ottobre 2015

Modifikazzjoni ġenetika

Meta ngħidu l-kelma “modifika” dlonk nassoċjawha ma’ xi bidla. Timmodifika dar u tagħmilha aktar komda, timmodifika xi lbies, bħal ittella’ il-keffa ta’ qalziet: modifika tfisser tibdel il-mod jew il-forma ta’ oġġett biex tagħmlu aktar adatt għall-ħtieġa tiegħek. Il-kelma “ġenetika”ma aħniex daqstant familjari magħha, imma lanqas hija għal kollox ġdida għalina. L-ewwel ktieb tal-Bibbja jismu l-Ġenesi, hemm xebħ bejn dawn iż-żewġ kelmiet għax ġejjin minn kelma waħda Griega li tfisser l-oriġini, il-bidu ta’ xi ħaġa. Il-ġenetika hija wkoll sinonimu mal-kelma xjentifika gene li wkoll ġejja minn kelma Ġriega li tfisser razza jew ġenerazzjoni. Mela meta nsemmu l-ġenetika nkunu qegħdin nirreferi għall-oriġini ta’ xi razza. Meta nagħqdu ż-żewġ kelmiet flimkien inkunu qegħdin ngħidu li fl-oriġini ta’ xi ħaġa tbiddel xi proċess sabiex l-oġġett finali jkun aktar utli jew komdu għalina.

Genetically modified food
Illum għandna bosta ikel li ġie mmodifikat ġenetikament, bħalma huma tipi ta’ ross, patata, tadam, piżelli jew qamħirrun. Ikel bħal dan huwa reżistenti għal tipi ta’ mard li normalment jolqot il-prodott. Barra minn dan il-vantaġġ hemm ukoll il-vantaġġ li  dawn il-prodotti jkollhom ammont ikbar ta’ nutrimenti kif ukoll jikbru fi żmien iqsar mill-prodotti normali. 

Xi annimali tal-ikel, bħal tiġieġ, ukoll jistgħu jkunu suġġetti għal modifikazzjoni ġenetika. Saru esperimenti fejn tfaqqsu tiġieġ b’ erba’ saqajn jew tiġieġ bla rix. Kollox marbut mal-modifika tal-bidu. Biss mhux kull ma jleqq hu deheb, prodotti bħal dawn jistgħu jkunu ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem u għalhekk hemm regoli li jvarjaw minn pajjiż għal ieħor dwar ikel genetikament modifikat. L-Unjoni Ewropeja hija l-aktar entità iebsa fejn jidħol dan it-tip ta’ ikel u kull prodott huwa eżaminat għalih waħdu u approvat mill-European Food Safety Authority.

Ix-xjenza ma tafx tieqaf
Ix-xjenza tibqa’ għaddejja bil-progress u l-iskoperti tagħha, iżda kultant tinsa li hemm etika f’ kollox. Dixxiplina mingħajr morali, bla etika, tispiċċa tikkontradixxi lilha nnifisha. Sfortunatament kull ma jmur qegħdin dejjem nisimgħu b’ dawn il-kontradizzjonijiet. Kien għalhekk li twieledt il-bioetika, biex iżżomm il-morali fil-qasam tax-xjenza medika u fejn tidħol il-ħajja umana. Il-kontradizzjoni tinstab meta x-xjenza toħloq mezzi biex minflok ittawwal il-ħajja umana, toffri l-qerda tagħha. Dan huwa argument li jekk wieħed jibda jitrattah mhux il-versi ta’ din il-paġna jimla iżda l-paġni kollha ta’ dan il-ġurnal, mela aħjar ma nibdewx!

Qegħdin nisimgħu li sa ftit deċenjin oħra jkollna t-trabi modifikati ġenetikament. Immaġina li inti trid tixtri karozza. X’ tagħmel? Tmur għand l-aġent u tara x’ tixtieq int u tara x’ għandu x’ joffri l-aġent. Tiftaħ il-katalgu u tibda tara jekk il-karozza tridhiex bl-aircondition, tridx electric windows, central lock, roti wiesgħin, airbags, power steering u l-extras kollha. Tara l-but tiegħek kemm jiflaħ u tordna dak li trid. Skont ma tordna tieħu. L-ulied jistgħu jibdew ikunu “ordnati” hekk ukoll, tmur għand it-tabib u tara l-katalgu, tara xagħaru tridux iswed, qastni jew isfar, għajnejh hux ċari jew skuri, hux twil jew qasir, hux oħxon jew irqieq, u fuq kollox hux intelliġenti jew le. Ladarba l-għażla tkun f’ idejna ovvjament sejrin nagħżlu l-aħjar u b’ hekk ikollna ġenerazzjoni ta’ nies sbieħ, twal u mislutin, fiżikament b’ saħħithom, u xagħarhom la jibjad u lanqas jaqa’. Ovvajment din il-ġenerazzjoni tkun kollha intelliġenti, anzi intelliġentissima għax la ser nimmodifikaw il-bidu tal-ħolqien ta’ uliedna naraw li nagħtuhom l-aħjar li nsibu fis-suq. Daqslikieku ser nixtri karozza, ladarba se nixtri, nixtri b’ full extras.

Problemi moħbija
Mhux ħaġa ħażina li jkollok ġenerazzjoni ta’ nies intelliġenti, imma dan il-fatt fakkarni fi proverbu li darba kont smajt min fomm bidwi xiħ. Dan il-bidwi kien qalli “Jekk jien amir u int amir, min se jsuqhom il-ħmir?” Jekk kulħadd ikun kapaċi jagħmel il-pastizzi, min fejn ser nixtru l-ħobż?

It-tfittxija ta’ razza pura ma hijiex xi ħaġa tal-lum. Fis-snin tletin tas-seklu li għadda inbdiet it-teorija tar-razzez. L-Arjani kienu meqjusin bħala r-razza pura u Hitler ħadem kemm felaħ biex jipprova jrawwem ġenerazzjoni ta’ puri, ta’ nies twal għajnejhom sbieħ, b’ saħħithom, ta’ karanġġjon ċar – insomma f’ kelma waħda pupi. Imma x’ ġara? Il-kotba tal-istorja jwieġbu din il-mistoqsija. Il-kotba tal-istorja ma jigdbux, ma jistgħux jigdbu minkejja li hawn min jipprova jinnega dak li seħħ.

Jien m’ inix profeta, imma inxomm problemi kbar jekk lil uliedna nibdew nordnawhom minn fuq il-katalgu. L-ulied huma rigal, jekk nibda nixtrihom kif irrid jien ma jibqgħux rigal imma jsiru oġġett. Uliedi jsiru daqs il-karozza li għandi fil-garage, daqx il-makna tal-ħasil li għandi fil-kamra tal-bejt, daqs kwalunkwe oġġett ieħor li nkun xtrajt mill-katalgu. U jekk uliedu jkunu oġġett, inkun nista’ nibdilhom bħal meta nibdel il-karozza jew il-makna tal-ħasil? Din hija l-mistoqsija, din hija l-problema moħbija.


Fr Reno Muscat

Artiklu li deher f' In-Nazzjon, 2 ta' Ottubru 2015