Visualizzazione post con etichetta lumi. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta lumi. Mostra tutti i post

venerdì 19 febbraio 2021

LUMI u l-użu differenti tiegħu

 

Fosti s-siġar taċ-ċitru l-aktar popolari nsibu s-siġra tal-lumi li l-frott tagħha jintuża f’bosta riċetti ta’ ikel kif ukoll ħelu. Interessanti li minn din il-frotta nistgħu ngħidu li ma jintrema xejn għax bosta drabi jintuża kemm il-meraq kif ukoll il-qoxra tagħha. Minkejja t-togħma aktarx qarsa tagħha, hawn min jiekol lumija donnu qed jiekol larinġa. Jien ngħid għalija nħobb din il-frotta u nikolha bil-qoxra b’kollox.

Oriġini

Ma nafux sewwasew minn fejn oriġinat is-siġra tal-lumi iżda aktarx li din kienet tinstab fl-Asja, lejn iċ-Ċina jew Burma. Aktarx li kienu r-Rumani li daħħlu din il-frotta fl-Ewropa lejn it-tieni seklu wara Kristu. Dawn bdew jikkultivaw din il-frotta fin-Nofsinhar tal-Imperu Ruman, bejn wieħed u ieħor minn Napli ’l isfel. Minn hawn inxterdet lejn il-Persja u l-Eġittu u sa elf sena wara Kristu konna nsibuha madwar il-baħar Mediterran kollu. Fis-seklu XV inbdiet l-ewwel kultivazzjoni fuq skala kbira tal-lumi. Din bdiet fil-belt Taljana ta’ Ġenova. Meta l-Ewropej qasmu l-oċean u sabu l-Amerika, ħadu magħom iż-żerriegħa tal-lumi u kabbru s-siġar ta’ din il-frotta f’dik l-art ġdida. B’hekk nistgħu ngħidu li l-lumija nxterdet mad-dinja kollha u saret frotta li ssibha kullimkien.


Tajjeb ngħidu li jeżistu diversi razez ta’ lumi. Biss biss aħna l-Maltin niddistingwu siġar tal-lumi staġjonali u dawk li nsjeħulhom “ta’ kull qamar” għax jagħmlu l-frott is-sena kollha.

L-użu

Il-lumija tintuża f’ħafna riċetti. Tintuża biex isir ħelu kif ukoll ikel ieħor. Darba kont Turin u offrewli Risotto al limone.  Billi l-lumi nħobbu aċċettajtu iżda ngħid id-dritt nippreferih fil-ħelu.  Mil-lumija sħiħa jsir il-ġamm, il-krema tal-lumi u x-xorb tal-lumi. Il-lumi jisserva wkoll mal-ħut kif ukoll mal-laħam moqli. Xi felli lumija bil-qoxra bkollox jista’ jinstab isebbaħ it-tazza ta’ xi cocktail.

Il-meraq tal-lumi jintuża biex minnu jsir xorb. Fil-fatt il-luminata propjament hija dik ix-xarba b’togħma ta’ lumi iżda bosta minna jsejħu luminata lil kull forma ta’ xorb mhux alkoħoliku. Il-meraq tal-lumi jintuża biex jiġi mamrinat il-ħut u anke l-laħam. Billi dan huwa xi ftit aċiduż, jingħad li jekk ikollok laħam xi ftit xieref, jirtab bil-meraq tal-lumi. Il-meraq tal-lumi jintuża wkoll ma’ frott li għandu t-tendenza li jiswied bħalma huma t-tuffieħ u l-banana, għalhekk meta jkun preparat dan il-frott jitħallat miegħu l-meraq tal-lumi biex jippriservah u jżommu milli jiswied. Il-meraq ġieli jitħallat bl-ilma kiesaħ u ponta ta’ kuċċarina melħ biex jagħmel xarba li tassew taqta’ l-għatx. Ma nistgħux ma nsemmux li l-meraq tal-lumi jintuża wkoll biex issir il-granita, jew is-sorbette.

Il-qoxra wkoll tintuża speċjalment fil-ħelu. Kemm-il darba nsibu riċetti li jgħidulek iżżid qoxra ta’ lumija maħkuka. Ftakru fl-għaġina tal-figolli! Il-qoxra tista’ tiġi wkoll preservata fil-melħ jew inkella ssir konfettura biż-żokkor. Mill-qoxra jittieħed ukoll iż-żejt tal-lumi li jintuża fl-aromaterapiji u jingħad li għandu effett li jirilassa lil dak li jkun.

Minbarra l-użu fil-kċina, l-lumi għadnu użu fil-mediċina minħabba l-ammont għoli ta’ vitamina ċ li fih. Il-lumi jintuża ħafna kontra l-irjieħat u ġieli nħalltuh mal-għasel.

Ma nistgħux ma nsemmux użu ieħor ta’ din il-frotta. Dan ma huwiex użu fejn jidħol l-ikel iżda għandu x’jaqsam mat-tindif. Il-lumija spiss kienet tintuża biex titnaddaf il-fidda. Tassew li din tindaf bil-lumi iżda llum bosta jsostnu li l-aċidu tal-lumi jagħmel il-ħsara lill-kisja protettiva li jkollha l-fidda u għalhekk ħafna jinsistu li ma jintużax. Aktar minn hekk bosta spapen tal-ħasil tal-platti ikollhom riħa ta’ lumi għax wara kollox ir-riħa ta’ din il-frotta hija wħada pjaċevoli.

Fi kliemna

Il-lumija daħlet ukoll fid-diskors tagħna. Isimgħu l-kummenti lejn xi tim tal-futbol tellief! Tisma’ min jgħajjat “Lumi!” Billi l-lumi jintuża mat-te għal kontra l-uġigħ ta’ żaqq, tintuża din il-kelma għat-tellief. Nużawha wkoll b’sens metaforiku meta bniedem jabbanduna bniedem ieħor wara li jkun ħa dak li ried minnu. Ġieli smajna min jgħid: “Għasarni bħal-lumija u mbagħad ramieni!”

Il-limonċell

Illum sar popolari anke f’pajjiżna x-xorb b’togħma ta’ lumi li jissejjaħ limonċell. Dan huwa xorb alkoħoliku li oriġina lejn Napli u Sorrento. Wara beda jsir ukoll fi Sqallija. Meta wieħed iżur dawn il-postijiet dlonk jinduna kemm is-siġar tal-lumi huma abbundanti u għalhekk ġie vvintat dan ix-xorb tant tajjeb. Isir billi titħalla l-qoxra tal-lumi fl-alkoħol u mbgħad jiżdied miegħu l-ilma u z-zokkor. Illum anke f’pajjiżna nsibu min jagħmel dan ix-xorb.

L-aktar pajjiż li jipproduċi lumi huwa l-Indja. Hawn kull sena jikbru fuq tliet miljun tunellata ta’ dan il-frott. Madwar id-dinja kollha kull sena jkollna madwar għoxrin miljun tunellata ta’ lumi li jintuża għall-ikel, ħelu xorb, mediċina u bosta użi oħrajn.

U ħalli nagħlaq b’qawl Malti: Tajba lumija d-dar! U tajba verament għax tista’ tkun ta’ bosta użu.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In Nazzjon - 20 ta' Frar 2021 




giovedì 18 aprile 2013

Vantaġġi u zvantaġġi tal-ħajja


Meta kelli xi 12-il sena kelli t shirt li fuqu kien hemm stampa ta’ raġel li fuq rasu kellu lembut. Fil-lembut kien hemm għadd ta’ lumi. Minn taħt geddum ir-ragel kien hemm vit li minnu kienet toħroġ il-luminata. Imbagħad kien hemm kitba li tgħid “When life gives you lemons, make lemonade!”

Iż-żona li ngħix fiha jiena meta nkun Ruma hija waħda ċentrali. Li tkun tgħix f’ ċentru ta’ belt kbira fiha ħafna vantaġġi. Jekk irrid immur xi mkien, żewġ minuti mixi u ninżel fl-istazzjon tal-metrò, jew naqbad karozza tal-linja jew inkella t-tram. Jekk irrid taxi nsib kemm irrid għax ngħix f’ żona turisitika. Ħwienet hawn kemm trid u ssib tixtri minn kollox. Ma jistaqx jonqos li n-naħa tagħna hija mimlija bi ħwienet tal-ikel li jservu lill-miljun ta’ turisti li jżuru l-Kapitali Taljana ta’ kull sena. Qrib ukoll hawn bosta mużewijiet u siti storiċi u fuq kollox hawn l-ikbar knisja fid-dinja – il-bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan – liema knisja jżuruha turisti mill-erba’ rjieħ tad-dinja. Vantaġġ ieħor għalija huwa li l-università li niffrekwenta hija wkoll qrib. Dan kollu li semmejt insibu f’ħames minuti mixi bogħad mid-dar tiegħi.

Imma fid-dinja mhux kollox ward u zahar. Il-vantaġġi li semmejt iġibu magħhom għadd ta’ problemi li jistgħu jkunu wkoll żvantaġġi. Għall-bidu li bdejt noqgħod fid-dar fejn ngħix bħalissa ma stajtx nidra l-ħoss tat-tankijiet tal-iskart li jitbattlu matul il-lejl. Bil-kwantità ta’ nies li jgħaddu minn dawn l-inħawi bilfors li jinħoloq ħafna u ħafna skart. Fortunatament l-iskart jiġi sseparat. Meta jitbattlu t-tankijiet tal-karta u l-plastika lanqas biss tinduna, imma x’ħin jitbattlu t-tankijiet tal-ħġieġ tinduna bilfors. Fix-xaqliba tagħna xogħol bħal dan huwa mpossibli li jsir matul il-jum. Lanqas timmaġina trakk tal-iskart jagħlaq triq biex ibattal it-tankijiet b’ serbut ta’ karozzi warajh jistennewh waqt li jdoqqu l-ħornijiet tagħhom u jgħajtu biex iħaffef. Ħaġa bħal din ma tistax issir, allura t-tankijiet jitbattlu bil-lejl. Bejn wieħed u ieħor ikunu l-erbgħa ta’ filgħodu x’ħin isir dan ix-xogħol. Dak il-ħin it-toroq ikunu battala u għalhekk ma jtellfu lil ħadd, imma bil-ħoss li jagħmlu iqajmu lill-ġirien. It-tankijiet tal-karti, kartun u plastik fik ukoll dawk ta’ skart imħallat jitbattlu kuljum  imma t-tankijiet tal-ħġieġ jitbattlu darbtejn f’ ġimgħa meta jiġi t-trakk li jiġbor il-ħġieġ biss. tinduna meta jkun hemm dan it-trakk għax tisma’ ħoss kbir li jqabbżek mis-sodda. Meta ma jiġix it-trakk li jiġbor il-ħġieġ nibqgħu ftit ieħor reqdin, imma mhux wisq! Ta’ kuljum fil-5.20 ta’ filgħodu jgħaddi l-ewwel tramm li fil-ħemda tal-lejl il-ħoss li jagħmel jinstema d-doppju.
Għafejn qiegħed ngħid dan kollu? Kull ħaġa fil-ħajja fija l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħha. Kull triq li fiha nkunu noqgħodu nsibu xi ħaġa li togħġobna u xi ħaġa li ddejjaqna. Mhux fit-triq anagrafika biss, f’ kull triq tal-ħajja nsibu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi. Jekk tkun ġuvni jkollok il-vantaġġ li ma tismax it-tgergir tal-mara u jekk inti xebba għandek il-vantaġġ li ma tismax l-inħir tar-raġel matul il-lejl. Imma kemm ix-xebba kif ukoll il-ġuvni għandhom l-iżvantaġġ li jistgħu jsibu ruħom f’ ħajja solitarja. Jekk tkun twil għandek il-vantaġġ li għal ċertu xogħol ma titlax fuq sellum, imma jekk tkun fuq ajruplan, b’ irkupptejk imkaħħlin mal-pultruna ta’ quddiemek dlonk tinduna kemm għandhom vantaġġi l-qosra.

Kull ħaġa fiha l-vantaġġ u l-iżvantaġġ tagħha u għalhekk tajjeb wieħed jirrassenja ruħu għal dak li jkun jinsab fih. Il-Malti jgħid li ma hemm l-ebda warda bla xewka. Tabilħaqq l-ebda ħajja, l-ebda triq ma fiha żvantaġġi biss. Nerġa lura lejn għidt qabel. Kieku t-trakk li  jiġbor l-iskart ma jiġix fit-triq tiegħi kieku nkun nista’ nibqa’ rieqed ftit iktar. Għandi mnejn minflok nistembaħ fl-4.15 nibqa’ rieqed sakemm jgħaddi l-ewwel tramm. Imma jekk jibqa’ ma jiġix tal-iskart it-triq tintela bil-ħmieġ. Vantaġġ u żvantaġġ. Kieku minflok fil-qalba tal-Belt Eterna immur noqgħd fil-periferija ikolli inqas problemi ta’ storbju, imma mbagħad ma nkunx nista’ mmur l-università bil-mixi, ma nasalx aktar f’ħames minuti. Tabilħaqq li l-ħajja tal-bniedem, tkun xi tkun il-qagħda tiegħu, hija bħal dak is-sejf misnun miż-żewġ naħat li tmiss fejn tmiss issib xafra taqta.

Tajjeb li minflokk noqgħodu ngorru u nfittxu x-xagħra fl-għaġina, nieħdu dak li nistgħu mis-sitwazzjonijiet kollha tal-ħajja. Issa kieku jien dalgħodu ma qajjimnix it-trakk tal-iskart li ġie jbattal it-tank tal-ħġieġ mormi li jinsab qrib il-kunvent tiegħi kont nibqa’ rieqed ftit ieħor, tal-inqas sakemm jgħaddi l-ewwel tramm. Imma kieku bqajt rieqed ma kontx nikteb dan l-artiklu. Meta l-ħajja ttik il-lumi, agħmel il-luminata!

Fr. Reno Muscat OP

In-Nazzjon 18 ta' April 2013