Visualizzazione post con etichetta traffiku. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta traffiku. Mostra tutti i post

sabato 22 ottobre 2022

Tal-linja

 

F’Ottubru tas-sena 2016 kont ktibt artiklu bl-isem: “Imwaħħlin fit-traffiku” (In-Nazzjon 15/10/2016) u sewwasew sena wara ktibt artiklu ieħor bl-isem: “Reġgħet bdiet l-iskola – reġa’ beda traffiku” (In-Nazzjon 7/10/2017). F’dawn l-artikli kont issuġġerejt li t-trasport pubbliku għandu jkun b’xejn biex forsi tittaffa l-problema tat-traffiku f’pajjiżna. Dan l-argument kont ktibt dwaru wkoll f’Ottubru tas-sena 2015 (In-Nazzjon 17/10/2015) bl-isem: “Emerġenza traffiku” F’Marzu ta’ dik is-sena wkoll kont ktibt artiklu bl-isem: “B’tal-linja jaqbillek?” (In-Nazzjon 21/3/2015) F’dan l-artiklu kont ktibt hekk: “Jiena nemmen li biex il-Maltin jibdew jużaw il-karozzi tal-linja, is-servizz għandu jkun bla ħlas. Taħsbux li qiegħed nitlef rasi, naf li hemm spejjes kbar involuti. Imma jekk it-trasport pubbliku jkun bla ħlas u n-nies tibda’ tużah aktar, jonqsu l-karozzi privati mit-toroq u għalhekk jonqos il-velenu li joħroġ fl-arja minn dawn il-karozzi. Ladarba jonqos il-velenu fl-arja jonqos anke l-mard u għalhekk il-gvern tonqoslu l-ispiża tal-kura fl-isptarijiet. Il-miljuni frankati jkunu jistgħu jintużaw għat-trasport.” F’dawn l-artikli dejjem xerridt il-ħsieb tiegħi li jekk tal-linja tkun b’xejn il-Malti jerġa’ jibda jużaha. Issa li tabilħaqq tal-linja saret b’xejn qed niddubita kemm kelli raġun fl-argument tiegħi. Illum bdejt nemmen li l-Malti mhux talli ma jużax tal-linja kemm-il darba tkun b’xejn imma lanqas jekk tħallsu ma jirkibha!


X’inhi l-problema

Biex it-trasport pubbliku f’Malta jerġa’ jibda jintuża mill-Maltin hemm għadd ta’ problemi li jridu jiġu solvuti. L-ewwel waħda hija l-effiċċjenza. Bniedem li sejjer għax-xogħol, jew sejjer l-isptar, jew student li sejjer l-iskola jrid ikun moħħu mistrieħ li ser jasal fil-ħin. Jiddispjaċini ngħid li mill-ftit esperjenza li għandi, ġieli aktar kien jaqbilli nimxi sa fejn inkun sejjer milli noqgħod nistenna tal-linja. Kont fuq l-istage ta’ ħdejn il-kappella tal-Museum il-Blata l-Bajda. Ridt immur Ħal Qormi. It-tabella kienet turi li kellha tasal karozza fi tliet minuti. Stennejt u ma waslitx. Bqajt nistenna. Karozzi tal-linja għar-Rabat jgħaddu u lejn Ħal Qormi jew Ħaż-Żebbuġ xejn. Wara xi tliet kwarti kien hemm persuna li qaltli li mhux qed jgħaddu minn hemm għax hemm triq fil-Ħamrun magħluqa! Iva allura t-tabella tad-dawl li tindika l-wasla tal-karozzi tibqa’ tindika li se tasal karozza? Mank daqsxejn ta’ avviż? Bħal ħmar ċempilt ħabib tiegħi u tlabtu jiġi għalija u jwassalni.

Din hija problema waħda. Min jaf kemm hemm aktar.

Qabel u llum

Spiss nisma’ garr dwar is-servizz tat-trasport pubbliku f’Malta u ħafna jgħidulek kemm konna aħjar meta konna agħar.

Sal-bidu ta’ Lulju tas-sena 2011 kellna servizz xejn professjonali imma kien jaqdina sewwa. Tmur fil-venda u ssib karozza tistenniek. Illum il-venda spiċċat u xemx jew xita jkollok tistennieha tasal, titlob li tasal fil-ħin, anzi li tasal l-ewwel ħaġa! Tidħol fl-app tat-trasport pubbliku u jgħidlek li l-karozza tasal fi ftit minuti u donnha li l-karozza tisparixxi għax ma tasal qatt. Ma nafx jekk ġrawx lili biss dawn l-affarijiet. Darba minnhom kont qed nistenna tal-linja fejn il-knisja ta’ San Ġorġ Ħal Qormi. Kienu xil-ħamsa ta’ filgħaxija. Ridt nieqaf il-Blata l-Bajda u nimxiha sa Tal-Pietà. Wasalt fejn kelli nasal ftit wara s-sebgħa. Kien beda jroxx id-dlam! Qabel f’għoxrin minuta minn Ħal Qormi kont tasal il-Belt, illum bid-daħla fil-park and ride tal-Marsa il-ħin twal wisq. Allura min ilumu lil dak li jkun li juża l-karozza privata u tal-linja lanqas iħares lejha?

 Tal-linja l-antiki

Minkejja li l-karozzi tal-linja l-antiki kienu dawk li kienu, għadhom inisslu fina bosta memorji u nostalġija. Titla’ u ssib il-kunduttur bil-basket tal-ġild imdendel minn fuq spalltu għal ma’ ġenbu, jagħtik il-biljett, kultant ibill sebgħu f’ħalqu biex ixarrbu ftit għax il-biljett ikun weħel mal-ieħor ta’ warajh! Iġene ta’ xejn. Inti u tiela’ ssib il-kaxxa għall-biljetti użati u r-rokna tax-xufier magħluqha għaliha. Fuq din ir-rokna tax-xufier xi niċċa bis-sagra familja jew b’xi ktiba bħal ngħidu aħna Verbum Dei Caro Factum Est jew In God We Trust. Daqsxejn ta’ bozza dejjem tixgħel quddiem dik in-niċċa jew kitba. Tpoġġi bilqegħeda fuq seats xejn komdi, tiftaħ it-tieqa jew tagħlaqha jekk tħoss il-bard. Titlob lil Alla li ssib fejn tpoġġi bogħod mill-makna għax jekk ikollok tpoġġi fis-sitijiet ta’ ħdejn ix-xufier għid li se tmut bis-sħana tal-magna. Kultant jitla’ l-inspector u jitolbok il-biljett. Iqatta’ biċċa minnu biex jindika li kollox sew. Meta tasal ma kellek xejn x’jindikalek, trid tkun taf int fejn trid tieqaf, allura tqum u tiġbed l-ispaga li jkun hemm mas-saqaf tax-xarabank biex iddoqq il-qanpiena li hemm ħdejn ix-xufier. Jekk tinzerta fuq wara tal-karozza u din tkun mimlija, tiftaħ il-bieba ta’ wara, li suppost kienet tkun għal xi emergenza u taqbeż minnha.

X’differenza mill-karozzi li għandna llum! Imma naħseb li ħafna jippreferu dawk il-karozzi minn dawn tal-lum. Jekk xejn inisslu fina nostalġija.

Issa li s-servizz tal-linja sar b’xejn, nispera li jiġu rranġati xi nuqqasijiet biex tassew is-servizz pubbliku jkun għall-pubbliku kollu u kulħadd jerġa’ jibda jużah.

 

Fr Reno Muscat

 Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 22 ta' Ottubru 2022



venerdì 25 settembre 2020

X’differenza!

 

Spiss niltaqa’ ma’ xi ħbieb jew nies li nafhom u nieqfu ngħidu kelma malajr malajr. Bla ma rridu dejjem nispiċċaw ngħidu xi ħaġa dwar kif qed ngħaddu ħajjitna, kif il-pandemija tal-Covid-19 gerfxitilna ħajjitna, ħarbtitilna r-rutina ta’ ħajjitna u biddlitilna jew ħassritilna l-pjani li kellna f’moħħna. Naħseb li ħaġa bħal din tiġri lilkom ukoll, għax wara kollox qegħdin ngħixu fi żmien li qatt ma għexna bħalu. Lanqas dawk li jiftakru t-tieni gwerra dinjija ma għexu żmien bħal dan għax tal-anqas dawn kienu jkunu jafu meta l-għadu jkun fil-qrib u għalhekk kienu jiġru biex isibu fejn idabbru rashom u jistkennu minnu. L-għadu li laqat lid-dinja din is-sena ma tkunx taf fejn hu u jkun qed jheddek erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa. U aħna nafu li għandna dan l-għadu ma’ djulna u ma nistgħu nagħmlu xejn kontrih għajr li nsegwu l-istruzzjonijiet li jagħtuna l-awtoritajiet. U meta niġu biex ninfirdu minn dik il-persuna li nkunu ltqajna magħha nispiċċaw ngħidu.... “X’differenza!”

Fix-xogħol

Fl-ewwel xhur tal-pandemija kien hawn bosta ħaddiema li bdew jaħdmu minn djarhom. Bis-saħħa ta’ hekk nistgħu ngħidu li gawdiet id-dinja kollha. Billi l-karozzi naqsu mit-toroq l-arja kienet aktar nadifa, sar anqas ħmieġ lill-ambjent u n-natura dlonk bdiet turina li kienet qed tieħu gost b’dak li kien qed jiġri. Iżda wara ftit kollox reġa’ lura għal dak li kien qabel u l-karozzi reġgħu bdew jimlew it-toroq tad-dinja kollha. Aħna l-Maltin, li għandna problema ta’ taffiku enormi, mill-ġdid bdejna neħlu fi sriebet ta’ karozzi ma jispiċċaw qatt.

Allura wieħed jibda’ jistaqsi: Tabilħaqq li mhux il-ħaddiema kollha jistgħu jaħdmu mid-dar, imma dawk li jistgħu jwettqu ħidmiethom b’dan il-mod, għalfejn kellhom jerġgħu lura għas-sistema ta’ qabel ir-restrizzjonijiet? Jien għamilt din il-mistoqsija lili nnifsi elf darba u sibt it-tweġiba waħdi. Ħaddiem li jitlaq mid-dar biex imur għax-xogħol jgħin biex iddur ir-rota tal-ekonomija tal-pajjiż. Jekk juża l-karozza tiegħu ikollu jgħaddi għand tal-pompa tal-petrol biex jimlielha t-tank. Jekk ikun kuraġġuż biżżejjed u juża t-trasport pubbliku jonfoq inqas, imma jrid iħalli daru ħafna qabel il-ħin tax-xogħol tiegħu. Dan il-ħaddiem jekk jgħaddi jieħu kafè u forsi jixtri ħobża biex joħodha miegħu għax-xogħol ikun qed jgħin l-ekonomija. Jekk tfajla hi u dieħla lejn l-uffiċċju tgħaddi minn quddiem ħanut u tara libsa sabiħa, għandha mnejn wara x-xogħol tgħaddi tixtriha. Jekk ix-xogħol isir mid-dar dan il-bejgħ jintilef kollu u jnaqqas it-tidwir tar-rota ekonomika. Meta għamilna dawk il-ġimgħat bit-teleworking rajna ħafna differenza!

F’divertiment

Bidla oħra li kellna nagħmlu tal dawn l-aħħar xhur huwa l-mod kif niddevertu. Is-sajf Malti huwa kkarattarizzat bil-festi tal-irħula u l-bliet. X’differenza din is-sena! Waqqafna kollox, ftaħna għal ftit u forsi f’dawk il-ftit ġimgħat eseġerajna xi ftit ukoll u kellna nerġgħu nwaqqfu kollox.

Il-festa llum ma għadhiex dik l-attività reliġjuża li kienet darba imma hija waħda mill-imgħażel tar-rota tal-ekonomija. Aktar ma jkollok flus aktar tagħmel festa kbira. Ftit flus, festa ċkejkna, ħafna flus, festa enormi. Dik hija l-verità tal-festi Maltin.

X’differenza dis-sena! Festa ġurnata waħda, quddiesa u xejn aktar. Nies fil-knisja limitati u kulħadd liebes il-maskra jew il-visor. Xejn marċi, xejn xalati l-għada tal-festa!

Tiġijiet

Bosta koppji kellhom ibiddlu d-data taż-żwieġ tagħhom. Minħabba l-pandemija. Imma kemm ser iddum tbiddel dati? Kelli okkażjonijiet li ntejjeġ xi koppji minn dawn li qed insemmi. Fil-knisja ftit li xejn inbidel u l-bidliet li saru jkun hawn min lanqas jintebaħ bihom, imma fir-riċeviment tara bidla totali. Spiċċa ż-żmien fejn tifraħ mal-koppja u mal-mistiedna l-oħra, ikollok toqgħod bilqegħda fejn ipoġġuk u jservuk qisek qiegħed f’ristorant. U jekk ikollok il-ħbieb fuq il-mejda ta’ ħdejk, aqbad il-mowbajl u ċemplilhom jekk trid tgħidilhom xi ħaġa għax ma tistax tmur ħdejhom! X’differenza!

Safar

F’dan is-sajf żgur li rajna bidliet u differenzi kbar fil-pjanijiet tas-safar tagħna. Addio l-vjaġġ li tkun ilek tant xhur tixtieq twettaq, spiċċa l-long haul li ħlomt sewwasew wara l-aħħar vjaġġ tas-sena l-oħra! Tassew li l-ajruport jinsab miftuħ u min irid isiefer jista’ jagħmel dan bil-libertà kollha, imma ħafna huma dawk li qed jibżgħu jagħmlu dan. U min ilumhom? Illum noħolmu u nfittxu fuq l-internet dwar pajjiżi li nixtiequ nżuru ladarba jgħaddi kollox. X’differenza, illum il-pajjiżi qed inżuruhom virtwalment, imma xorta ma huwiex il-mod xieraq li żżur pajjiż. Xejn ma jista’ jissupera il-preżenza fiżika.

Kemm bidliet kellna nagħmlu matul is-sena 2020. F’kull qasam tal-ħajja kellna nbiddlu xi ħaġa rridu jew ma rridux. Bidliet li kellna nwettqu forsi kontra r-rieda tagħna, bidliet li meta nitkellmu dwarhom ma’ xi ħadd nispiċċaw nindunaw bihom u bla ma rridu ngħidu: “X’differenza!”

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 26 ta' Settembru 2020




sabato 7 ottobre 2017

Reġgħet bdiet l-iskola – reġa’ beda traffiku


Ma rridx nagħti tort lill-iskola li mal-ftuħ mill-ġdid tal-bibien tagħha it-toroq Maltin jerġgħu jsiru Babilonja sħiħa, imma ma tistax ma tindunax biż-żieda kbira ta’ karozzi li sibna ma’ wiċċna minn meta bdiet din is-sena skolastika. Bla ma rridu nibdew nistaqsu: meta se naqbdu l-barri minn qrunu u din il-problema nibdew narawha bħala priorità li ma tistax tibqa’ tiġi injorata?

Beda jsir xi ħaġa?
Biex ngħid id-dritt kollu nemmen li qed isir xogħol biex it-traffiku jonqos kemm jista’ jkun. Ix-xogħol ta’ kostruzzjoni ta’ żewġ pontijiet kbar f’żewġ arterji traffikużi huwa l-ewwel sinjal. Ix-xogħol biex għadd ta’ roundabouts jiċċekknu biex b’hekk ma jkunx hemm karozzi li jieqfu magħhom bil-konsegwenza li tinħoloq xmara ta’ karozzi wieqfa huwa sinjal pożittiv ukoll.

F’dawn l-artikli ktibt kemm-il darba fuq din il-problema u llum nista’ ngħid li xi suġġerimenti tiegħi ma’ waqgħux għal kollox fuq widnejn torox. Pereżempju kont ngħid li l-laneċ minn tas-Sliema u mill-Kottonera għall-Belt għandhom ikollhom aċċess bl-istess biljett li nużaw għal tal-linja. Dan l-aħħar qrajt li sar xi pass għalkemm xorta għad hemm diskrepanza bejn in-noll tal-lanċa u dak tal-karozza.

Mini taħt l-art
Mappa tal-Metrò ta' Moska
Bosta drabi ktibt ukoll li hemm bżonn li f’pajjiżna jitħaffru mini biex iħaffu t-traffiku, bħal bejn il-Belt u l-Manuel Island u l-Belt u l-Kalkara. Ilni snin ngħid li hemm bżonn nibdew sistema ta’ Metrò. Dejjem tkellimt fuq il-Metrò ta’ Ruma għax dak l-aktar li kont midħla tiegħu,  imma dan is-sajf kelli nuża l-Metrò ta’ Moska u rajt id-differenza u rajt kemm hu importanti dan il-mezz ta’ trasport f’belt ħajja. Kieku fil-kapitali Russa ma hemmx din ix-xibka ta’ mini u ferroviji taħt l-art, b’erbatax-il linja u aktar minn mitejn stazzjon, kieku n-nies tispiċċa tgħaffeġ fuq xulxin. Malta fiha d-daqs ta’ belt Ewropeja żgħira, imma l-ammont ta’ nies huwa wisq kbir għad-daqs tagħha. Meta sejrin nibdew naħsbu bis-serjetà dwar il-Metrò ta’ Malta? Jiena ser nibqa’ ntambar dwar dan is-suġġett biex forsi xi darba jibda dan il-proġett.

Sens komun
Bi ftit sens komun tista’ titnaqqas xi ftit il-problema tat-traffiku f’pajjiżna. Ma rridx inkun wieħed minn dawk li jgorru bla ma qatt jipproponu soluzzjoni, għalhekk qed inressaq xi ħsibijiet tiegħi dwar kif tista’ tittaffa xi ftit din il-probelma.

Jinbidel il-ħin
Ċertu xogħol li jsir matul il-jum faċli jsir matul il-lejl. Vettura li ġieli toħloq inkonvenjent u traffiku huwa t-trakk li jiġbor l-iskart. Ħadd ma jista’ jagħti tort lis-sewwieqa ta’ dawn it-trakkijiet li jieqfu kull minuta għaliex biex l-iskart jinġabar sewwa ma tistax ma tieqafx. Iżda dan ix-xogħol jista’ jsir matul il-lejl. Jekk il-ħaddiema jkunu mgħallma jagħmlu xogħolhom bla storbju, żgur li ħadd ma jgorr u jitnaqqsu ammont ta’ trakkijiet mit-toroq tagħna fil-ħin tal-jum meta jkunu mimlijin bil-karozzi.
Anke l-Knisja tista’ tgħin biex tittaffa din il-problema. Ħaġa li toħloq serbut ta’ karozzi u li ttellef lit-traffiku milli jimxi sewwa huma l-funerali. Tistennewx li funeral jgħaddi gas down għax lanqas hija ħaġa xierqa, imma s-suġġeriment tiegħi huwa li dawn isiru f’ħin li ma jkunx hemm it-tfal sejrin lejn l-iskola. Il-mejjet għandu l-eternità tistennieh u siegħa jew sagħtejn oħra magħna ma jibdlulu xejn. Għalfejn funeral għandu jsir fit-tmienja ta’ filgħodu meta jista’ jsir fil-ħdax jew kmieni waranofsinhar? Hemm bżonn ftit tar-rieda tajba. Mhux qed ngħid għas-sajf meta x-xemx tkun tiżeġ, f’dak iż-żmien jistgħu jsiru fit-tmienja għax l-iskejjel ikunu magħluqin u t-traffiku fit-toroq ma jkunx qawwi bħalma huwa bħalissa.

Ħaġa oħra li nipproponi hija li tal-linja fil-faxxa li nsejħu Rush hour, isiru b’xejn għal kulħadd. Ngħidu aħna mis-6.30 ta’ filgħodu sad-9.00 u mill-4.00 sal-5.30 ta’ waranofsinhar min jirkeb ma jħallas xejn. Dan huwa inċentiv biex dak li jkun iħalli l-karozza fil-garage u jmur ix-xogħol b’tal-linja. Iżda hawn il-kumpanija għandha tassigura li jkun hemm numru biżżejjed ta’ karozzi li jkunu jistgħu jlaħħqu mad-domanda għaliex jekk il-passiġġier jibqa’ l-art ħadd ma jagħtih tort li ma jagħmilx użu mis-servizz pubbliku.

Dawn huma ftit ħsibijiet tiegħi dwar kif il-problema kbira li ma’ kull bidu ta’ sena skolastika terga’ terfa’ rasha, tista’ tittaffa xi ftit. Mhux tort tal-istudenti, mhux tort tal-għalliema kif lanqas huwa tort tas-sewwieqa li ta’ kull filgħodu jużaw il-karozza privata biex imorru għall-ħidma tagħhom.

“Reġgħet bdiet l-iskola – reġa’ beda traffiku”, dan huwa kliem li dari la qatt smajnieh u lanqas qatt għidnieh, imma issa ejjew ninsew il-passat, ir-realtà hija dik li hi. Ejjew nużaw ftit sens komun u nippruvaw naħdmu biex sakemm tinstab solouzzjoni (jekk qatt għad tinstab!) intaffu ftit il-problema.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  7 ta' Ottubru 2017





sabato 17 ottobre 2015

Emerġenza traffiku

Madwar għaxar snin ilu kont nikteb fuq dan gurnal mill-belt ta' Napli fejn kont ngħix dak iz-zmien. Spiss kont insemmi dak li kont nara jew li kont inħabbat wiċċi miegħu, bħal ġlied bejn gruppi rivali tal-camorra, nies jew personaġġ li nkun iltqajt magħhom kif ukoll dwar dawk li kienu jissejħu emerġenzi tal-iskart. Illum li qiegħed ngħix Malta nħoss li għandna problema kbira li nistgħu nipparagunawha ma' emerġenza. Mhux emerġenza fejn jidħol l-iskart jew fejn għandha x' taqsam il-kriminalità imma emerġenza fit-treġġija u l-mixi tat-traffiku fit-toroq ta' pajjiżna. Dan l-aħħar din il-problema tant kibret li saret emerġenza.

Xi tfisser emerġenza?
Fl-isptarijiet ġenerali tagħna nsibu taqsima msejħa “emerġenza”. Din tilqa' fiha lil dawk li jinqalalhom xi ħaġa għallarrieda u ma jkunux jistgħu jistennew. Emerġenza hija l-kaz fejn ma tkunx tista' tistenna. F' emerġenza ma jinżammx il-kju, meta tinqala' emerġenza tal-aħħar jistgħu jiġu l-ewwel u ħadd ma jgħid xejn anzi min ikun l-ewwel jagħmel il-wisa' biex min l-aktar ikollu ħtieġa jinqeda kemm jista' jkun malajr. Din hija t-tifsira ta' “emerġenza”.

Paniku fit-toroq Maltin
Mal-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel, dejjem jiżdied it-traffiku b' mod konsiderevoli fit-toroq tagħna. Din is-sena fl-ewwel ġimgħa tas-sena skolastika kellna wkoll xi ftit tal-maltemp. Meta tgħaqqad kollox ma' kollox ikollna dak li kellna f' Malta ftit tal-jiem ilu, staġnar ta' traffiku, kjuwijiet twal magħmulin minn eluf ta' karozzi, nies jaslu sigħat tard fil-postijiet tax-xogħol tagħhom, sewwieqa rrabbjati, ħela ta' ħin, ħela ta' petrol, telf ta' flus, ġlied bejn is-sewwieqa, insomma jkollna paniku totali. 

Kieku din il-problema sseħħ biss meta tagħmel ix-xita ma tkunx gravi daqs kemm hi, imma dawn ix-xeni ta' traffiku enormi sirna narawhom kull filgħodu. U ara ma jiġix xi ħadd jerġa’ jgħid li din hija biss perċessjoni! Fil-każ ngħidlu jqum kmieni u joħroġ il-karozza għal xit-tmienja ta’ filgħodu. Jekk xi ħadd jerġa’ jlissen dal-kliem ikun qed jaħrab ir-realtà. Il-fatt li din il-ħaġa konna diġa ndunajna biha xi xhur ilu u issa li reġgħu bdew l-iskejjel erġajna koppi, ifisser li matul dawn ix-xhur ma sar xejn konkret biex tinstab soluzzjoni.

Rajt b'għajnejja

Qiegħed nikteb għaliex rajt b' għajnejja eluf ta' karozzi mwaħħlin fit-traffiku. Rajt serbut twil ta' karozzi li kien jibda minn taħt il-pont tal-Marsa u jibqa' sejjer sar-roundabout ta' Ħal Muxi f' Ħaż Żebbuġ. Kilometri sħaħ ta' karozzi jistennew li jimxu ftit metri. Ħaż Żebbuġ, Ħal Qormi u l-Marsa kju wieħed ma jaqta' xejn.

Għalhekk issa t-traffiku ma għadux problema imma sar emerġenza. Ma nistgħux nibqgħu nitfgħu t-trab taħt it-tapit. Ma nistgħux nibqgħu nħallu mil-lum għal għada. Ma nistgħux nibqgħu reqdin.

Jekk jirrezenja l-ministru
Xi wħud isostnu li l-ministru tat-trasport għandu jirreżenja minħabba din il-qagħada antipatika li għandna f’ Malta. Min ikun ilu xi siegħa mwaħħal fit-traffiku, naħseb li ma tantx ikun jxtieqlu wisq ħwejjeġ sbieħ lill-ministru. Ejjew inħallu l-politika partiġġjana 'l barra mill-argument tagħna. Jekk jirreżenja l-ministru taħsbu li se jsir miraklu u jibda' jkollna toroq ħielsa mit-traffiku? Il-problema ma tissolviex bir-riżenja imma billi naċċettaw li għandna emerġenza. Hemm bżonn inwarrbu dak li hemm fuq quddiem tal-lista u nittrattaw bis-serjetà kollha t-trasport. Mela s-soluzzjoni mhix ir-riżenja imma li jinqabad il-barri minn qrunu, jekk ikun hemm bżonn anke mill-Prim Ministru. Din il-kwistjoni għandha tkun fuq quddiem fl-aġenda tal-gvern. Hija emerġenza u għalhekk għandha taqbes lil dak li ilu jistenna imma li huwa sekondarju ħdejn dan il-fatt ta’ traffiku eseġerat.

Sussidju

Is-sussidju li l-gvern qed jagħti lill-kumpanija tat-transport pubbliku huwa aktar minn tliet darbiet dak li kienet tieħu l-kumpanija preċedenti. Tletin miljun ewro fis-sena mhix xi somma li biha tista' tmexxi l-pajjiż, imma lanqas hi karità. Wasal il-waqt li ssir evalwazzjoni tas-servizz provdut, ta' kemm il-poplu Malti qed jieħu minn dawk il-miljuni li qed jinħargu mit-taxxi tiegħu. Isir studju għalfejn il-Malti qed juża l-karozza tiegħu minflok dik tal-linja. Dan għandu jsir bla telf ta żmien. Din emerġenza oħra.

Għada agħar mil-lum
Ladarba hemm dawn l-eluf kbar ta' karozzi fit-toroq, wieħed jista' jissuspetta li l-poplu mhux moqdi sew mis-servizz tal-karozzi tal-linja. Din mhux ħaġa tal-lum imma ilna ngergru dwarha mit-3 ta' Lulju, 2011. Jidher li mill-ħażin sejrin għall-agħar. 


Kemm-il darba ktibt li personalment nara l-metrò bħala soluzzjoni għal pajjiżna. Mhux xi progett zgħir, imma jekk jibqa' ma jinbediex żgur li se nibqgħu kif aħna, anzi sejra tiżdied il-problema. Iridu jsiru mini taħt l-art, jinbnew stazzjonijiet u jrid isir bosta u bosta xogħol. Imma vjagg ta' elf mil jibda bl-ewwel pass. Jekk l-ewwel pass ma jsirx wisq u wisq inqas isir l-aħħar wieħed. L-Ingliżi jgħidu li Ruma ma nbnietx f' ġurnata. U la qed insemmu Ruma, tajjeb ngħidu li l-ewwel metrò ta' Ruma jingħad li ħadet tletin sena minn mindu bdew jaħdmu fuqha sakemm infetħet l-ewwel linja.

U aħna se nibqgħu nistennew il-bajtra taqa' f' ħalqna? Se nibqgħu fil-kju bla ma nittrattaw bis-serjetà din l-emerġenza?


Fr Reno Muscat

Artiklu li deher f' In-Nazzjon, 17 ta' Ottubru 2015