Visualizzazione post con etichetta toroq maltin. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta toroq maltin. Mostra tutti i post

venerdì 2 ottobre 2020

Tfal imdejqin

 

Dan l-aħħar qrajt artiklu fuq ġurnal lokali (TOM 21/9/20) li jkolli nistqarr tkexkixt bih u ġabni f’sensija  dwar ċerti realtajiet tal-ħajja li qegħdin ngħixu magħhom u forsi ftit li xejn ninnutawhom. Qed nirreferi għar-riżulat ta’ stħarriġ li wettqet l-Università ta’ Malta bħala parti minn studju internazzjonali dwar il-benessere tat-tfal. Dan l-istħarriġ ħareġ fiċ-ċar li hemm persentaġġ ta’ tfal Maltin ma humiex kuntenti bil-ħajja li qed jgħixu. Minbarra dan hemm ukoll persentaġġ ta’ tfal li qegħdin jgħixu f’riskju ta’ faqar.

Tkexkixt għax rajt li dawk li suppost qegħdin fl-isbaħ żmien ta’ ħajjithom diġà ġew wiċċ imb wiċċ ma’ ħajja iebsa jew tqila wisq għalihom u d-dwejjaq saru jafu xi jfisser minn ċkunithom.

Huma u aħna


Tajjeb naraw ftit id-differenzi bejn il-ħajja li għexna aħna madwar erbgħin jew ħamsin sena ilu u l-ħajja li qed jgħixu wliedna. Aħna ma kellniex il-lussu li għandhom it-tfal tal-lum imma kellna dak kollu li konna neħtieġu, kemm id-dar kif ukoll l-iskola, ma konniex infittxu ħwejjeġ tad-ditta għax sħabna għandhom ħwejjeġ jiswew ħafna flus, imma dejjem ilbisna tajjeb. Ommijietna kienu l-ħajjata tagħna, kienu jaħdmulna il-flokkijiet tas-suf għax-xitwa u jħitulna l-qomos għas-sajf. Ma kellniex marki tad-ditti fuq ħwejjiġna imma dejjem kellna t-tbissima fuq fommna. Ħadd ma kien jara lil ħaddieħor inqas minnu għax konna lkoll xorta.

Aħna ma kellniex tablets jew mobiles biex nilgħabu bihom iżda kellna l-ftuħ tal-kampanja qrib djarna. Hemmhekk konna ngħaddu s-sigħat niġġerraw u nilgħabu flimkien. Illum uliedna fil-ħin ħieles tagħhom jiltaqgħu flimkien permezz tal-media soċjali. Għal dawn it-tfal saret ħajja diġitali, surreali u artifiċjali. Nemmen li hawn tfal Maltin li qatt ma lagħbu cat jew noli jew ħarba. Illum il-logħob tat-tfal ma għadux bil-boċċi, bil-karozzi ċkejnin mudelli perfetti tal-karozzi vera u bis-suldati tal-plastik għas-subien jew bil-lasktu, biż-żibeġ jew bil-pupi u l-push chair għall-bniet. Logħob it-tfal sar quddiem xi televiżjoni b’xi apparat imwaħħal miegħu.

Fadal fejn?

Kemm-il darba lagħbna partita futbol fit-triq? Erba’ ġebliet iservu ta’ lasti u ejja ħa mmorru. L-asfalt tat-triq kien iservi tajjeb ħafna biex fuqu b’ġebla npinġu disa’ kaxxi biex nilgħabu l-passju. Naqta’ rasi li hawn tfal Maltin li qatt ma lagħbu dan il-logħob. U biex ngħidu d-dritt, illum lanqas fadal fejn jilgħabuh. Pajjiżna sar blokka konkos. Insibu rħula fejn lanqas ġnien pubbliku ma jeżisti, fejn it-toroq tant huma traffikużi li bilkemm tista’ timxi fihom aħseb u ara tilgħab il-passju jew xi logħba futbol! Fadal fejn jilgħabu barra mid-djar it-tfal tal-lum?

Barra milli ma fadalx fejn, lanqas fadal dik is-sigurtà li kien hawn f’pajjiżna fi żmien ċkunitna. Għalhekk lanqas nagħti tort lill-ġenituri li ma jħallux lil uliedhom joħorġu mid-dar.

Għaqdiet

Fi ċkunitna konna ngħaddu ħafna mill-ħin ħieles f’xi għaqda reliġjuża. Il-Museum u l-Azzjoni Kattolika u wara l-adolexxenza, iż-Żgħażagħ Ħaddiem Nsara jew f’xi youth centre. Illum il-ħin ħieles tat-tfal ġie okkupat mill-kbar. Tfal jittieħdu jitgħallmu jiżfnu jew ikantaw jew jagħmlu xi attività oħra skont ix-xewqa tal-ġenituri.

L-għaqdiet li konna nattendu aħna kienu jħallulna spazju għall-fantasija ta’ moħħna. Hike mal-membri l-oħra tal-għaqda li nattendu , l-Ħadd waranofsinhar kienet tkun l-isbaħ ħarġa u tagħtina enerġija biex l-għada filgħodu nerġgħu nbdew ġimgħa oħra ta’ skola. Illum donnhom sparixxew il-hikes!

Finanzi

Il-ħajja li poġġejna lil uliedna fiha titlob bosta spejjeż. Kull attività trid tħallas għaliha mhux bħal-logħob barra, mhux bħall-hike mas-superjur tal-Museum! Kull fejn tmiss trid iddaħħal idek fil-but. Tassew li l-istandard of living f’pajjiżna għola għax għandna aktar flus fil-but, imma l-kwalità ta’ ħajja li qed jgħixu t-tfal żgur li ma għolietx u l-istħarriġ li sar mill-Università ta’ Malta jurina biċ-ċar dan li qed ngħid.

Ladarba l-istandard of living għola, dan ma għoliex biss għat-tfal iżda anke għall-kbar. Biex inlaħħqu ma’ dan l-istandard iridu joħorġu jaħdmu l-missier u l-omm bil-konsegwenza li xi tfal meta jiġu mill-iskola ma jsibu lil ħadd id-dar. Il-ġenituri wkoll inbidlilhom l-istil ta’ ħajja li jgħixu u għalhekk sar għandhom aktar spejjeż. Jaqbel li ma noqgħodx nidħol f’dettallji dwar l-ommijiet u l-missirijiet ta’ dari u dawk tal-lum.

Frott

Numru minn uliedna stqarrew li ma humiex kuntenti bil-ħajja li qed jgħixu jew aħjar bil-ħajja li qed ikollhom jgħixu fiha minħabba fina l-adulti. Dan huwa l-frott li qed naħsdu minn dak li żrajna aħna stess. Id-dispjaċir huwa li l-frott qares qed ikollhom jieħduh l-ulied.

Ma nafx jekk hemmx soluzzjoni għal problema bħal din, li wara kollox hija fergħa minn elf problema oħra tal-bniedem tal-lum. Jiddispjaċini għat-tfal tagħna li meta suppost qegħdin fir-rebbiegħa ta’ ħajjithom, diġà daħħalnihom fix-xitwa bil-maltemp kollu li ġġib magħha. U dan qaluh it-tfal stess.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 3 ta' Ottubru 2020




giovedì 22 agosto 2013

Ħin ħieles

Aktarx li matul ix-xhur tas-sajf dak li jkun ifittex iktar li joħroġ mid-dar u jsib xi post fejn ikun jista’ jqatta’ xi ftit ħin, fejn jgħaddi l-ħin liberu tiegħu. Imma mhux kulħadd għandu ħin għalih innifsu. Qabel kont tisma’ min jgħidlek li kien qiegħed jagħmel xi biċċa xogħol biex jgħaddi siegħa żmien jew biex joqtol il-ħin jew biex jehda. Illum aktar nisimgħu min jgħid li ma għandux ħin. Imma b’ xorti tajba għad hemm min għad għandu ħin liberu u jużah sewwa.

Volontarjat
Minkejja li dan il-qasam ma huwiex marbut max-xhur tas-sajf, imma t-temp ikun jippermetti li jsiru aktar attivitajiet ta’ ħidma volontarja b’ risq għaqdiet filantropiċi, soċjali jew oħrajn. Isiru għadd ta’ maratoni b’ għanijiet nobbli. U min jorganizza dawn il-maratoni? L-organizzaturi huma bosta drabi volontiera li jaħdmu mill-qalb fil-ħin ħieles tagħhom sabiex l-attività li jkunu sejrin jorganizzaw tkun suċċess u tħalli l-frott mixtieq. Ħafna mix-xogħol ikun sar qabel, bla ma jidher, fil-ħin liberu tal-volontiera u bla ebda daqq ta’ trombi. Dan huwa mod ta’ kif xi wħud jgħaddu l-ħin ħieles tagħhom.

Safar
Illum daħlet sewwa d-drawwa li l-postijiet tax-xogħol jagħlqu għal ġimgħatejn fis-sajf. Is-Shut down sar mistenni minn ħafna u ħafna ħaddiema. Dawn il-jiem hemm min ikun qiegħed jistenniehom sabiex jagħmel xi safra barra minn Malta. Illum il-ġurnata is-safar sar iktar faċli minn qatt qabel. Tista’ tippjana minn qabel il-ġita tiegħek, fejn trid iżur, fi x’ħin titlaq u fi x’ħin terġa lura, xi tmur iżżur u nsomma tista’ tlesti kollox minn fuq l-internet. Hemm imbagħad dawk li jippreferu jingħaqdu ma xi grupp għal ġita organizzata minn agenzija.

Jien nara differenza kbira bejn is-safar tal-Maltin u s-safar tat-Taljani. Qiegħed insemmi t-Taljani għax magħhom ngħix għaxar xhur mis-sena u ġieli mort vaganzi magħhom. Aħna nippreferu nduru u niskopru bliet, mużewijiet u dak kollu li toffri l-art li nkunu qegħdin inżuru. Għandi l-impressjoni li t-Taljani iktar iħobbu jitnikkru meta jkunu msiefrin. Iqumu tard, jieħdu kolazzjon twil u jibdew argument fuq dik u fuq l-oħra sakemm isir il-ħin għall-pranzu. Filgħaxija jippreferu jsibu post bilqegħda f’ xi pjazza jew ma’ xatt il-baħar milli joqgħodu jimxu. Ma nistax niġġeneralizza, imma sħabi Taljani hekk jagħmlu. Aħna l-Maltin inħobbu nduru aktar.

Sport
Is-sajf jista’ jkun ukoll żmien fejn fil-ħin liberu wieħed jipprattika xi sport. Minkejja li xi attivitajiet sportivi jieqfu fix-xhur tas-sajf minħabba s-sħana hemm sport ieħor li jsir f’ dan iż-żmien. Tajjeb li wieħed jieħu l-opportunita’ u jipprattika xi tip ta’ sport matul il-ħin liberu tas-sajf. U jekk wieħed jibda fis-sajf ikun jista jkomplu wkoll wara.

Fit-toroq Maltin
Kont qiegħed fit-tieqa ta’ kamarti, fil-kunvent tal-Birgu. Barra t-triq kien hemm attivita’ sħiħa. Kienet għaddiet il-festa ta’ San Lawrenz u kienet riesqa l-festa ta’ San Duminku. Grupp ta’ żgħażagħ kien qiegħed iżarma l-armar tal-festa għax issa kienet għaddiet u grupp ieħor kien qiegħed jarma għall-festa li riesqa. Kemm xogħol jagħmlu fil-ħin ħieles tagħhom dawn it-talin! Kemm sigħat mill-ħin liberu tagħhom jgħaddu dawn iż-żgħażagħ u adulti matul is-sena kollha sabiex fil-ġimgħa tal-festa jsebbħu t-toroq tal-belt jew raħal tagħhom. U hawn ma nistgħux ma nsemmux il-baned. Kemm bandisti jipprattikaw matul is-sena kollha u fis-sajf ipaxxuna bin-noti tal-marċi? Tassew li hemm bandisti li jitħallsu tas-servizz li jagħtu, imma żgur li bosta minnhom iktar jaraw il-gost li jagħtu u li jieħdu milli dawk il-ftit ewro li jaqilgħu wara tant sigħat ta’ daqq.

L-Etika tal-loisir

Fl-ambjent soċjoloġiku niltaqgħu mal-hekk imsejħa etika tal-loisir. Il-loisir huwa ħin ta’ svog, il-ħin fejn wieħed jagħmel xi ħaġa għalih innifsu. Dan ma huwiex ħin moħli imma ħin tagħna li ħaddieħor tefa’ għajnejh fuqu. Din it-teorija ħareġ biha il-filosofu Edgar Morin. Huwa jgħidilna li llum il-ħin liberu tagħna huwa mmexxi mill-konsumiżmu. Il-konsumiżmu joffrilna attivitajiet għall-ħin liberu tagħna, joffrilna logħob li jew joħdilna mill-ħin ta’ xi attività oħra jew jimlielna l-ħin liberu tagħna. Fl-aħħar mill-aħħar l-iskop ta’ min joffrilna dan id-divettiment huwa li jaqla’ xi ħaġa tal-flus. Din hija l-etika tal-konsumiżmu u din hija l-etika tal-loisir. Araw ftit kemm ikun hemm persuni jistennew tal-linja u joħorġu l-mowbajl u jibdew jilgħabu xi logħba fuqu. Jekk wieħed ikollu smartphone aktarx jidħol fl-internet sakemm tiġi tal-linja. Wieħed għandu mnejn ikompli jilgħab anke fuq tal-linja sakemm jasal fejn għadnu jasal.  Din hija l-etika tal-loisir fil-prattika. Sakemm bniedem qiegħed jistenna li jasal xi mkien jokkupa ruħu b’ xi ħaġa, u minn din il-ħaġa jkun hemm min jagħmel il-qliegħ. F’ dan il-każ il-qliegħ huwa mifhum għall-fatt li bniedem ikun xtara l-mowbajl u jekk jaqbad l-internet ikun qiegħed iħallas tas-servizz.
Anke fejn jidħlu l-vaganzi din l-etika saret tilgħab parti mportant. Illum qegħdin inkunu offerti vaganzi li minflok ma jagħtuna ħin ta’ mistrieħ joffrulna attività 24 siegħa kuljum sebat ijiem fil-ġimgħa. Fejn qabel konna mmorru vaganzi biex nistrieħu llum irridu żmien ta’ mistrieħ wara li niġu lura mill-vaganzi. Il-konsumiżmu u l-etika tal-loisir dak li huma!

Kemm hu tabilħaqq  ħin ħieles?
Issib min jgħidlek li b’ dawn l-argumenti nispiċċaw li mhux tassew li l-bniedem għandu ħin ħieles għax persuna tkun marbuta ma’ attività li tokkupalha l-ħin li suppost ikun iddedikat għaliha stess. Fil-fatt mhux hekk. Ix-xogħol ta’ volontarjat, is-safar, l-isport, ix-xogħol għall-festi Maltin u dak kollu li jsir fil-ħin ħieles tagħna ma għandux jorbotna, ma għandux iġibna skjavi tiegħu imma għandu jservina biex inbiddlu ftit mir-rutina ta’ kuljum, għandu jservina biex fih nirrilassaw.


Fr. Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tat-22 ta' Awwissu 2013