Visualizzazione post con etichetta san tumas. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta san tumas. Mostra tutti i post

giovedì 2 marzo 2017

Il-qaddisin fuq fommna

Sfortunatament fostna l-Maltin hawn il-vizzju ikrah tad-dagħa. Insemmu l-isem ta’ Alla, tal-Madonna jew tal-qaddisin mhux b’ mod xieraq. Ma jien qed ngħid xejn ġdid, dan mhux xi sigriet! Iżda l-qaddisin aħna nsemmuhom ukoll fil-kliem ta’ bejnietna. Għandna rħula msemmijin għall-qaddisin, djar, toroq u waqfiet tal-karozzi tal-linja. Għandna espressjonijiet, idjomi u qwiel li ndaħħlu l-qaddisin fihom.

Santa Luċija għandha raħal f’ Malta u ieħor f’ Għawdex li jġibu isimha. Il-festa ta’ din il-qaddisa taħbat fit-13 ta’ Diċembru. Missirijietna kienu jibdew iżommu l-irwiegel f’ dan il-jum  għax dan huwa sewwasew 12-il jum qabel il-Milied. San Ġorġ għandu żewġ bajjiet, waħda f’ Birżebbuġa u oħra f’ San Ġiljan, raħal ieħor li hu msemmi għal qaddis. U la qed insemmu l-postijiet Maltin, insemmu li post mill-aktar imfittex għall-villeġġjatura huwa San Pawl, il-Baħar. Il-villaġġ li fl-antik kien jissejjaħ Imsieraħ, illum kulħadd jafu b’ San Ġwann. Santa Venera u San Lawrenz huma żewġ postijiet oħra b’isem il-qaddisin patruni tagħom. Tal-Pietà huwa sewwasew it-titlu tal-Madonna tad-Duluri. Fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta nsibu l-bajja ta’ San Tumas u St Peter’s Pool filwaqt li n-naħa tas-Siġġiewi nsibu Għar Lapsi. Fil-gżira ta’ Kemmuna għandna l-bajja ta’ San Niklaw u dik ta’ Santa Marija. F’ Għawdex insibu l-Bajja ta’ San Blas u dik ta’ San Filippu in-naħa ta’ Daħlet Qorrot.

Bosta qatgħet fil-kampanja, fi  bliet jew irħula Maltin ukoll issemmew għal xi qaddis bħalma huma San Martin limiti tal-Imġarr u San Pawl il-Baħar. Ġebel San Martin fiż-Żejtun. Fuq San Pawl u Santa Margerita Bormla kif ukoll Santa Margerita fil-Mosta.  Bormla nsibu ż-żona magħrufa bħala San Ġwann t’ Għuxa. Fil-Qrendi nsibu n-naħa ta’ San Niklaw u San Mattew tal-Maqluba filwaqt li fis-Siġġiewi niltaqgħu ma’ San Lawrenz tas-Salib. Fin-Naxxar għandna lil San Pawl tat-Tarġa, filwaqt li fil-Mosta hemm San Ġużepp tat-Tarġa. In-Naxxarin l-aqwa għax għandhom it-telgħa ta’ Alla u Ommu! Ħ’ Attard insibu ’l San Anton filwaqt li fil-Mellieħa għandna Santa Marija estate. Parti mir-Rabat ta’ Malta tissejjaħ Il-Kunċizzjoni filwaqt li parti minn Ħal Qormi hija magħrufa bħala l-Vitorja. Ir-Rabat għandu wkoll il-Lunzjata u Santa Katarina (tad-daħla) Ġewwa Ħaż-Żabbar u fl-Għarb Għawdex hemm iż-żoni magħrufa bħala San Pietru filwaqt li ’l ġewwa minn Kerċem insibu l-għadira ta’ San Rafflu. Kerċem ukoll għandu l-wied tal-Lunzjata. F’ Ħaż-Żebbuġ għandna lil San Blas, l-Isla fejn San Filippu u Raħal Ġdid ħdejn Santa Ubaldeska. Hemm oħrajn żgur!

Ejjew naraw xi qwiel li jsemmu lill-qaddisin: Meta tiġi l-Gandlora (2 ta’ Frar), it-temp jitlaq u jvora (jinbidel). Nhar San Pawl (10 ta’ Frar) it-temp iqalleb seba’ darbiet.  Ix-xita ta’ San Ġorġ (23 ta’ April)megħuda (kelma li tfisser imwiegħda). Ix-xita f’San Mark (25 ta’ April) nar fl-art, jew inkella; Wara San  Mark, min jitlob ix-xita jkun jixtieq in-nar fl-art. Għal San Mattija (14 ta’ Mejju), il-jum jagħmel pass ta’ tarbija. Qabel il-ħġejjeġ (San Ġwann, 24  ta’ Ġunju) tbiddilx ħwejjeġ, u hawn min jgħid; Qabel jiġi San Ġwann tneħħix is-suf minn fuqek. Ix-xita għal Sant’Anna (26 ta’ Lulju) bikrija. San Bartilmew (24 ta’ Awwissu) għandu il-muftieħ tax-xita. Għal San Mikiel (29 ta’ Settembru)lesti l-gandlier. Is-sajf ta’ San Martin (11 ta’ Novembru), il-biedja tifraħ bih. Sant’Andrija (30 ta’ Novembru), il-jiem jiqsaru pass ta’ tarbija. Nhar Santa Luċija (13 ta’ Diċembru) l-jum jitwal pass ta’ tarbija. Jekk taqa’ n-nida lejlet Santa Luċija l-qoton jitrabba bla tbatija. Sal-Milied la bard u lanqas ksieħ.  Dawn huma kollha qwiel li għandhom x’ jaqsmu maż-żmien tas-sena u t-temp. Hemm qwiel oħrajn li jsemmu l-qaddisin.

Għandna wkoll xi idjomi li fihom indaħħlu lill-qaddisin: Mill-Milied sa San Stiefnu (26 ta’ Diċembru) ngħiduha għal xi ħaġa li ma ddumx wisq. Il-Flus ta’ Santa Liena hawn min jirreferi għalihom għal dawk il-flus li ma jaslu qatt. Meta wieħed imur xi mkien bil-mixi jgħid li mar B’ ta’ San Franġisk u hawn min jgħidlek li fid-dinja trid  Paċenzja ta’ Ġobb. U meta titlef din il-paċenzja ngħidu li tela’ San Filep. Ma nafx liema San Filep hu, hux l-Appostlu, ta’ Agira, Filippu Neri jew xi Filippu ieħor mill-ħafna li hemm b’ dan l-isem!

Qiegħed niftakar li l-bużnanna tiegħi ma kinitx taf l-ismijiet tax-xhur. Għalxejn kont tgħidilha li twelidt fit-tali xahar għax ma kinitx tifhmek. Ix-xhur għaliha kienu marbutin mal-qaddisin. Għaliha Jannar kien ix-xahar tal-Istrina u Frar ta’ San Pawl. Marzu ta’ San Ġużepp u billi hi kienet Qormija, April għaliha kien ix-xahar ta’ San Ġorġ. Mejju kienet issejjaħlu tal-Madonna, Ġunju tal-Qalb ta’ Ġesù. Lulju għall-bużnanna kellu żewġ ismijiet, jew ta’ Sant’ Anna imma aktar kienet issejjaħlu tal-Karmnu. Awwissu ta’ Santa Marija, Settembru tal-Vitorja u Ottubru tar-Rużarju. Ma jistax jonqos li Novembru kienet issejjaħlu tal-Erwieħ kif bosta għadhom isejħulu sal-lum u Diċembru tal-Milied. Kollox kien marbut mal-qaddisin għall-bużnanna tiegħi u għal dawk kollha bħalha li d-dinja tagħhom kienet tibda mill-bank tal-kċina tad-dar u tispiċċa sas-siġġu tal-knisja.

X’ dawra dorna mal-qaddisin u l-użu ta’ isimhom. Min  jaf kemm-il darba insemmuhom bla ma nindunaw li qed insemmu qaddis jew qaddisa!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' Dawl Franġiskan ta' Marzu 2017




venerdì 15 novembre 2013

Il-Madonna tar-Rużarju qrib il-Vatikan

Displaying il knisja minn barra.jpg
Il-Knisja tal-Madonna tar-Ruzarju fi Prati - Ruma
Meta wieħed ikun Ruma ma jistax jonqos li jmur iżur iċ-ċentru tal-Kristjaneżmu, l-ikbar knisja fid-dinja, il-Bażilika ta’ SanPietru fil-Vatikan. Bosta drabi meta nkunu Ruma u mmorru nżuru l-Vatikan iwassluna b’ xi coach, imma għandna mnejn naslu hemmhekk bil-metrò. Wieħed jieqaf fl-istazjon Ottaviano u jimxi ftit metri u jsib ruħu taħt is-swar tal-Belt Stat tal-Vatikan. Tul dawn il-ftit passi wieħed jiltaqa’ ma’ knisja waħda biss. Din il-knisja tinsab fil-bidu ta’ triq li taqsam it-triq prinċipali li tieħdok mill-istazzjon sal-Vatikan. Hija l-knisja parrokkjali ddedikata lil Madonna tar-Ruzarju. Hija l-unika parroċċa ġewwa Ruma li tinsab f’ idejn il-patrijiet Dumnikani. Il-knisja kienet ikkonsagrata fil-25 ta’ Ġunju, 1916 mill-kardinal Basilio Pompili. Il-knisja fiha 44 metru tul u 21 metru wisa’.
Il-knisja għandha stil neo gotiku. Il-bini tagħha beda fil-bidu tas-seklu XX u kien lest fl-1912. It-tiżjin ta’ ġewwa beda dlonk wara li kien lest il-bini u kien lest sal-1916. Il-perit tagħha kien Giuseppe Ribaldi.
Displaying il knisja minn gewwa.JPG
Il-Knisja minn ġewwa
Quddiem il-knisja hemm kanċell tal-ħadid mill-isbaħ u kif tidħol issib ruħek fil-korsija prinċipali. Minbarra l-korsija hemm ukoll żewġ navijiet. Il-korsija fiha ħames arkati u fuq kull arkata hemm tieqa bi stained glass li juru nisa bibliċi. Fin-navata tax-xellug hemm il-fonti tal-magħmudija, l-istatwa titulari flimkien mal-istatwi ta’ anta Rita u Santa Luċija, l-altar ta’ Sant-Antnin, l-orgni tal-kanen u navata vojta imma faċċata hemm l-altar tal-Qalb ta’ Ġesù li fit-trittiku tiegħu jidhru San Piju V u San Albert il-Kbir. Fin-navata tax-xellug insibu kurċifiss kbir u statwa ta’ Marija addolorata, statwa ta’ Padre Piju, l-altar tal-Madonna, l-Altar ta’ San Duminku, il-bieb tas-sagrisitja u faċċata l-altar ta’ San Ġużepp li fit-trittiku tiegħu insibu wkoll lil San Tumas ta’ Akwinu u lil San Vincenz Ferreri. 

Nerġgħu lura għall-korsija tan-nofs. Fuq il-bieb minn ġewwa hemm xbieha tal-Madonna ta’ Pompeimaħduma fil-mużajk u fuq din ix-xbieha tieqa tonda bl-istained glass, tipika tal-knejjes gotiċi. 

Displaying kwadru titulari.jpg
Il-kwadru titulari
F’ nofs il-kursija naraw il-pulptu tal-irħam interzjat bil-mużajk tad-deheb. L-altar maġġur joffri xena mill-iktar suġġestiva. Fil-faċċata naraw tliet twieqi kbar u kull waħda mit-twieqi għandha stained glass ta’ ħames misteri tar-Rużarju, ħamsa tal-ferħ, ħamsa tat-tbatija u ħamsa tal-glorja. L-ambone u l-altar mejda huma tal-irħam b’interzjatura tad-deheb fihom. L-altar maġġur fih ukoll it-tabernaklu u fuqu insibu l-kwadru titulari, trittiku bix-xbiha tal-Madonna fin-nofs u bix-xbiehat ta’ San Duminku u ta’ Santa Katerina ta’ Siena fil-panewijiet tal-ġnub. 

Displaying l istatwa.jpg
L-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju
Il-ħitan kollha tal-knisja huma affreskati u mpittra b’ mod mill-isbaħ. Dan huwa xogħol tal-artist Ruman Giovanni Battista Conti. Dan huwa l-istess artist li għandu xogħol tiegħu Malta wkoll, fosthom il-koppla u s-saqaf tal-Bażilika ta’ San Ġorġ tar-Rabat ta’ Għawdex. It-trittiku titulari kif ukoll iż-żewġ trittiki l-oħrajn huma tal-artist Roberto Gagliardi. L-art tal-knisja hija mużajk maħdum b’ sengħa kbira fejn wieħed jara opra ta’ arti maħduma b’dedikazzjoni u paċenzja kbira. L-istatwa titulari tal-Madonna tar-rużarju hija tal-ġibs u saret ġewwa Ruma stess. Hija statwa maħduma fuq forma u kopja preċiża tagħha insibuha Malta imma mhux bħala Madonna tar-Rużarju imma bħala tal-Karmnu. Qiegħed nirreferi għall-istatwa tal-Fleur de lys. Meta wieħed ikun quddiem l-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju ta’ Ruma dlonk jintebaħ li hija l-istess bħal dik ta’Fleur de Lys.
Minkejja li din hija knisja ġdida fejn il-knejjes li naraw Ruma, hija knisja tassew ħelwa u mibnija fuq stil li tabilħaqq jiġbrok. F’ ħinijiet tal-ġurnata meta r-raġġi tax-xemx jgħaddu mit-twieqi bl-istained glass wieħed ikun jista’ jgawdi xena li ma tintesa qatt. Billi din l-inħawi hija l-parti moderna taċ-ċentru tal-kapitali Taljana, ftit li xejn insibu knejjes u b’hekk hija knisja imfittxiha kemm mill-parruċċjani kif ukoll mill-bosta ħaddiema li jaħdmu fil-qrib. 



Fr Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa tal-Madonna tar-Rużarju 2013 maħruġ mis-Soċjeta Filarmonika La Stella Gudja