Visualizzazione post con etichetta toroq. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta toroq. Mostra tutti i post

sabato 21 novembre 2015

Ir-rarità tas-sens komun

Voltaire
L-għaref Franċiż François-Marie Arouet, imlaqqam u magħruf mad-dinja kollha bħala Voltaire, kien filosfu, awtur, li ħallielna kemm ħrejjef kif ukoll rumanzi u poeżiji, enċiklopedista, storiku u nsomma kien bniedem ta’ għerf kbir. Dan il-bniedem li għex bejn l-1694 u l-1778 kien ukoll aforista. Aforista huwa dak il-bniedem li jaf joħloq frażi qasira li fiha jkun hemm miġbur għerf kbir. Fost il-bosta aforismi ta’ Voltaire insibu l-famuża frażi “Le sens commun est fort rare”, jiġifieri is-sens komun huwa daqxejn rari. Spiss nara xi ħwejjeġ jiġru quddiemi u niftakar f’ dan il-kittieb u ngħid kemm għandu raġun! Ħalli nġibu xi ftit eżempji.

Żewġ ħwejjeġ fl-istess waqt
Niftakar ċar lill-bużnanna tiegħi tmur il-knsija u waqt il-quddiesa kienet toħroġ il-kuruna u tgħid ir-rużarju. Hi u dawk kollha li għexu fiż-żmien tagħha kienu mdorrijin jisimgħu l-quddies bil-Latin u ħadd minnhom ma kien jifhem xejn. Allura kienu jgħidu r-rużarju waqt li l-qassis kien iqaddes. Kien mingħalihom li qed jagħmlu opra tajba doppjament. Meta l-quddies beda jsir bil-Malti, dawn xorta baqgħu bid-drawwa li jgħidu r-rużarju waqt il-quddiesa. Kien żmien ieħor.

Il-bniedem hu kapaċi jagħmel aktar minn ħaġa waħda fl-istess ħin. Bniedem kapaċi jisma’ lil xi ħadd jitkellem u fl-istess waqt jikteb dak li jkun qed jisma’. Sa hawn kollox sew, imma jista’ wkoll jagħmel żewġ atti kontemporanjament bil-konsegwenza li tintilef il-konċentrazzjoni fuq xi att minnhom. Per eżempju kull filgħodu nara għexieren ta’ nies isuqu u jitkellmu fuq il-mowbajl. Din il-ħaġa tmur kontra l-liġi u hemm pieni għal min jinqabad jitkellem fuq il-mowbajl waqt is-sewqan. Madankollu bosta u bosta sewwieqa jinjoraw il-liġi u jagħmlu dawn iż-żewġ ħwejjeġ flimkien bil-konsegwenza li jista’ jseħħ xi inċident anke fatali. Iva s-sens komun ma jgħidlekx biex waqt is-sewqan ma tweġibx telefonati? Kemm għandu raġun Voltaire.

Bla passiġġieri
M’ ilux kont ħdejn ir-roundabout tal-Erba’ Qaddisin, Ħal Qormi, viċin il-Park and Ride tal-Marsa għal min ma jafx fejn. Rajt mijiet ta’ karozzi kollha bis-sewwieq, ovvjament għax waħedhom ma jimxux , u bla ebda passiġġier ieħor. Bosta kienu ġejjin mid-direzzjoni ta’ Ħaż Żebbuġ u s-Siġġiewi u oħrajn nassumi kienu ġejjin minn Ħal Luqa. Eluf ta’ postijiet vojta. Karozza li tesa’ erba’ persuni taqdi persuna waħda biss. Possibbli li m’ aħniex kapaċi ningħaqdu fi gruppi u ngħaddu għal xulxin aħna u sejrin għax-xogħol? Kieku kull tlieta jew erba’ kollegi jifthemu bejniethom li jmorru b’ karozza waħda u jalternaw bejniethom, kieku t-toroq ta’ pajjiżna jeħilsu tal-anqas min-nofs it-traffiku li jkun fihom  ta’ kull filgħodu u ta’ kull waranofsinhar. Possibli li ħaġa bħal din ma tistax issir jew qed naraw biċ-ċar li s-sens komun huwa xi ħaġa rari?

La qed insemmu t-toroq!
Ladarba qed insemmu t-toroq bla ma rridu niftakru fil-problema tat-traffiku. Kultant tiltaqa’ ma’ sitwazzjonijiet li jżidu t-traffiku minflok li jnaqqsuh. Ħa nagħti eżempju wieħed u nerġa’ nsemmi Ħal Qormi. Jekk karozza toħroġ minn Triq il-Ħelsien jew minn Triq il-Vitorja lejn Triq l-Imdina u tkun sejra lejn Ħaż Żebbuġ, din trid tinżel mijiet ta’ metri ’l isfel biex iddur u terġa’ titla lura.  L-istess ħaġa ssir jekk karozza tkun għaddejja minn Triq l-Imdina u tkun trid tidħol Ħal Qormi, jkollha ssuq mijiet ta’ metri oħra biex iddawwar. Bi ftit sens komun kienet issir fetħa quddiem Triq il-Vitorja u l-karozzi jduru minn hemm u b’ hekk jitnaqqas it-traffiku. Possibli li s-sens komun huwa rarità anke f’ dawk li jippjanaw it-toroq? Każi bħal dawn hawn ruxmata f’ Malta jekk wieħed joqgħod jagħti ftit każ. Possibli li Voltaire għandu raġun f’ dan ir-rigward ukoll? Jiddispjaċini imma naħseb li iva!

X’ sens?
Mela jekk dan is-sens mhux daqstant komuni, għalfejn jissejjaħ komun? Forsi hawnhekk il-kliem jista’ jiżvijana. Il-kelma Ngliża “Common”li nużaw għall-frażi “Common sense isn't so common” tista’ tfisser xi ħaġa sempliċi, mhux kumplikata kif ukoll xi ħaġa ta’ kulħadd, bħal ngħidu aħna daħla komuni għal għadd ta’ appartamenti. Is-sens komun iktar jappartjeni għat-tieni tifsira milli għall-ewwel waħda. Sens komun huwa dak is-sens li jkun l-istess f’ numru ta’ nies imma ma jfissirsx li hu sens sempliċi, għalkemm bosta drabi naraw li anke s-sens sempliċi jonqos minn xi grupp ta’ nies.
Billi d-dinja hija mmexxija mill-bnedmin, allura bilfors niltaqgħu ma’ nuqqas ta’ sens komun għaliex il-bniedem ma huwiex perfett. Kellu raġun Voltaire jgħid li s-sens komun huwa rarità jew għaġġibha xi ftit? Ma nafx, imma kultant meta nara ċerti ħwejjeġ jiġru quddiemi ngħid li kellu raġun u naqbel miegħu!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 21 ta' Novembru 2015





sabato 24 ottobre 2015

Għala bibiżmu

Nistħajjilkom tgħidu xħin rajtu l-isem tal-artiku tal-lum: 'din x'kelma hi?' Ngħidilkom il-verità lanqas naf jekk bħala kelma teżistix fl-ilsien Malti. B’din il-kelma rrid nirreferi għall-att ta' meta wieħed jiġi għala biebu minn ħaddieħor. Qed nirreferi għal dak li fit-Taljan jissejjaħ menefreghismo. Għala bibiżmu trid tirreferi għal meta persuna tiġi taqa' u tqum minn ħaddieħor.  Għala bibiżmu fil-Miklem Malti ma nsibuhiex, imma għala bibiżmu fil-ħajja Maltija nsibuh ma' wiċċna l-ħin kollu.

Fuq tal- linja
Spiss kont inkun fuq tal-linja waqt li dawn ikunu mimlijin.  Tkun ilek tistenna siegħa, ma nafx kemm-il wegħda tkun għamilt forsi tinqala’ xi karozza minn xi mkien, jiġu xi wħud warajk, tasal tal-linja, huma jitilgħu l-ewwel u xħin tiġi biex titla' int tisma' lix-xufier jgħidlek ‘full up’. Dan mhux għala bibiżmu mħallat ma' doża qawwija ta' egoiżmu?

Ladarba qed insemmu tal-linja ma nistgħux ma nsemmux dak li spiss sirna naraw.  Il-karozzi l-ġodda għandhom postijiet apposta biex nies anzjani jew b' diżabilità jpoġġu fihom. Mhux l-ewwel darba li rajt żgħażagħ bilqegħda f'dawn il-postijiet. Il-problema mhux li dawn it-talin ipoġġu hemm iżda meta jiġu għala biebhom u ma jċedux  posthom meta tal-linja tkun mimlija u titla' xi persuna li għandha bżonnijiet speċjali u ma tkunx tista' toqgħod bilwieqfa sew.

Fit-toroq
Issa li bejn wieħed u ieħor fhimtu xi rrid infisser bit-terminu ‘għala bibiżmu’, żgur li taqblu miegħi jekk ngħid li fit-toroq Maltin dan jibrilla, jifjorixxi u jiżboq kull post ieħor. It-toroq tagħna huma l-arena per eċċellenza għal dan is-suġġett. Ma hemmx bżonn tagħmel sigħat tiġri barra biex tinduna.  Ħa naraw ftit eżempji li naraw bħalhom bil-gzuz ta’ kuljum.

Ħaddiem jieqaf jieħu tè u ħobża mill-ħanut qabel imur għax-xogħol. Jipparkja l-van ħdejn karozzi diġa pparkjati, jiġifieri jagħmel double parking – x’għala biebu li jagħlaq nofs triq, min irid jgħaddi mil-lane l-ieħor. X’jimpurtah li se joħloq serbut ta’ karozzi minħabba n-nuqqas ta’ ħsieb jew l-għala bibiżmu tiegħu. Min irid jista’ jagħmel bħalu, jipparkja u jidħol jieħu tè u ħobża mingħand tal-bar!

Sinjorina  saret delivery person. Iddur bil-karozza u tqassam ix-xirjiet li n-nies ikunu għamlu minn fuq l-internet. Kellha ordni għal dar. Ipparkjat il-karozza fi triq sekondarja imma ingumbrat it-triq b’mod li ħadd ma seta’ jgħaddi. Dan x’kien nuqqas ta’ prattiċità jew għala bibiżmu? Setgħet ħalliet il-karozza quddiem id-dar ta’ min għamel ix-xirja, imma kien hemm ix-xemx, fit-trejqa sekondarja kien hemm id-dell. Moħħ din is-sinjorina mhux ser joqgħod jitħabbel għal sewwieqa oħrajn li riedu jgħaddu minn dik it-trejqa imma ma setgħux.

Wieħed raġel mar b’qadja bil-karozza tiegħu. Ma sabx fejn jipparkja qrib il-post fejn kellu jaqdi. Kieku kellu jħalli l-karozza fil-parking kien iktar idum ġej u sejjer milli jdum jagħmel il-qadja. Ikun hemm spazju għal karozza ta’ persuni b’diżabilità u jipparkja fih. Il-qadja ddum aktar milli kien qiegħed jaħseb. Sakemm ikun qed jistenna biex jinqeda, tasal pesuna b’diżabilità fit-triq li jkun ħalla l-karozza dan ir-raġel. Ovvjament ma jkunx hemm fejn din il-persuna tħalli l-karozza għax il-post ittieħed minn min jara biss sa mnieħru. Dan mhux għala bibiżmu wkoll?

Mhux fis-sewqan biss
It-tifel jixtri żewġ pastizzi u ice tea hu u sejjer l-iskola, jiekol il-pastizzi u jixrob l-ice tea sakemm tasal il-karozza li twasslu l-iskola. Jaqbad il- borża tal-pastizzi u l-flixkun tal-ice tea, ovvjament it-tnejn vojta, u jarmihom taħt il-bankina. X’għala biebu, issa jew tiġborhom sid id-dar li kien quddiemha jew jittajru bir-riħ!
Mara tad-dar ħaslet id-dar minn fuq s’isfel. Ħaslet quddiem id-dar u tefgħet kemm sabet ilma, minkejja li din hija ħaġa kontra l-liġi. Kinset l-ilma ta’ quddiem darha lejn nofs it-triq u ħallietu nieżel ’l isfel fit-triq. Mhux affari tagħha jekk  tgħaddi karozza u ttajjar l-ilma mal-faċċata tal-ġirien, l-aqwa li quddiemha nadif – x’għala biebha!

Mara oħra tħobb toqgħod xi siegħa barra fuq il-bankina wara li tinżel ix-xemx. Ħdejha jpoġġu xi ġirien u jiġu ħutha li joqgħdu fi triq oħra. Dawn in-nisa jintefgħu jiddiskutu l-aġenda tal-ġurnata u l-ulied jilgħabu fl-isqaq li hemm qrib. Ta’ tfal li huma dawn jagħmlu storbju kbir u ommijiethom, mitlufin fid-diskussjonijiet tagħhom lanqas jintebħu li wliedhom ikunu qegħdin idejqu lir-residenti tal-isqaq. X’għala biebhom!

Nistgħu nibqgħu sejrin insemmu każi bħal dawn u ma nispiċċaw qatt.

Kontra l-għala bibiżmu
Mhux faċli ssib soluzzjoni għall-marda tal-għala bibiżmu, imma mhux sewwa li nħallu kollox għaddej qisu xejn mhu xejn. Hemm bżonn li titqajjem kuxejnza għax aktar ma jgħaddi żmien aktar donnha dil-marda qed tidħol il ġewwa u qisha saret marda ereditarja. Hemm bżonn ta’ kampanja edukattiva, hemm bżonn ta’ aktar infurzar tal-liġi. Hemm bżonn nifhmu li għandna nagħmlu lil ħaddieħor dak li nixtiequ li ħaddieħor jagħmel lilna. Wieħed irid jifhem, sewwa li meta tgħix f’ pajjiż iċċivilizzat hemm ċerti regoli li trid tobdihom anke jekk ma jkunux jogħġbuk għax inkella nispiċċaw f’ġungla u mhux f’pajjiż.



Fr Reno Muscat

Artiklu li deher f' In-Nazzjon 24 ta' Ottubru 2015