Nistħajjilkom tgħidu xħin rajtu l-isem
tal-artiku tal-lum: 'din x'kelma hi?' Ngħidilkom il-verità lanqas naf jekk bħala kelma teżistix fl-ilsien Malti. B’din il-kelma rrid nirreferi għall-att ta' meta wieħed jiġi għala biebu minn ħaddieħor. Qed nirreferi għal
dak li fit-Taljan jissejjaħ menefreghismo. Għala bibiżmu trid
tirreferi għal meta persuna tiġi taqa' u tqum minn ħaddieħor. Għala bibiżmu fil-Miklem Malti ma nsibuhiex, imma għala
bibiżmu fil-ħajja Maltija nsibuh ma'
wiċċna l-ħin kollu.
Fuq tal- linja
Spiss kont inkun fuq tal-linja waqt li dawn ikunu mimlijin. Tkun ilek tistenna siegħa, ma nafx
kemm-il wegħda tkun għamilt forsi tinqala’ xi karozza minn xi mkien, jiġu xi wħud warajk, tasal tal-linja, huma jitilgħu l-ewwel u xħin tiġi biex titla' int tisma' lix-xufier jgħidlek ‘full up’. Dan mhux għala bibiżmu
mħallat ma' doża qawwija ta' egoiżmu?
Ladarba qed insemmu
tal-linja ma nistgħux ma nsemmux dak li spiss sirna naraw. Il-karozzi l-ġodda għandhom postijiet
apposta biex nies anzjani jew b' diżabilità jpoġġu fihom. Mhux l-ewwel darba li rajt żgħażagħ bilqegħda f'dawn
il-postijiet. Il-problema mhux li dawn it-talin ipoġġu hemm iżda meta jiġu għala biebhom u ma jċedux posthom meta
tal-linja tkun mimlija u titla' xi persuna li għandha bżonnijiet speċjali u ma tkunx tista'
toqgħod bilwieqfa sew.
Fit-toroq
Issa li bejn wieħed u ieħor fhimtu xi rrid infisser
bit-terminu ‘għala bibiżmu’, żgur li taqblu miegħi jekk ngħid li fit-toroq
Maltin dan jibrilla, jifjorixxi u jiżboq kull post ieħor. It-toroq tagħna huma
l-arena per eċċellenza għal dan is-suġġett. Ma hemmx bżonn tagħmel sigħat tiġri
barra biex tinduna. Ħa naraw ftit
eżempji li naraw bħalhom bil-gzuz ta’ kuljum.
Ħaddiem jieqaf jieħu tè u ħobża mill-ħanut qabel imur
għax-xogħol. Jipparkja l-van ħdejn karozzi diġa pparkjati, jiġifieri jagħmel double parking – x’għala biebu li
jagħlaq nofs triq, min irid jgħaddi mil-lane
l-ieħor. X’jimpurtah li se joħloq serbut ta’ karozzi minħabba n-nuqqas ta’
ħsieb jew l-għala bibiżmu tiegħu. Min irid jista’ jagħmel bħalu, jipparkja u
jidħol jieħu tè u ħobża mingħand tal-bar!
Sinjorina saret delivery person. Iddur bil-karozza u
tqassam ix-xirjiet li n-nies ikunu għamlu minn fuq l-internet. Kellha ordni
għal dar. Ipparkjat il-karozza fi triq sekondarja imma ingumbrat it-triq b’mod
li ħadd ma seta’ jgħaddi. Dan x’kien nuqqas ta’ prattiċità jew għala bibiżmu?
Setgħet ħalliet il-karozza quddiem id-dar ta’ min għamel ix-xirja, imma kien hemm
ix-xemx, fit-trejqa sekondarja kien hemm id-dell. Moħħ din is-sinjorina mhux
ser joqgħod jitħabbel għal sewwieqa oħrajn li riedu jgħaddu minn dik it-trejqa
imma ma setgħux.
Wieħed raġel mar b’qadja bil-karozza tiegħu. Ma sabx
fejn jipparkja qrib il-post fejn kellu jaqdi. Kieku kellu jħalli l-karozza
fil-parking kien iktar idum ġej u sejjer milli jdum jagħmel il-qadja. Ikun hemm
spazju għal karozza ta’ persuni b’diżabilità u jipparkja fih. Il-qadja ddum aktar
milli kien qiegħed jaħseb. Sakemm ikun qed jistenna biex jinqeda, tasal pesuna
b’diżabilità fit-triq li jkun ħalla l-karozza dan ir-raġel. Ovvjament ma jkunx
hemm fejn din il-persuna tħalli l-karozza għax il-post ittieħed minn min jara
biss sa mnieħru. Dan mhux għala bibiżmu wkoll?
Mhux fis-sewqan biss
It-tifel jixtri żewġ pastizzi u ice tea hu u sejjer l-iskola, jiekol il-pastizzi u jixrob l-ice tea sakemm tasal il-karozza li
twasslu l-iskola. Jaqbad il- borża tal-pastizzi u l-flixkun tal-ice tea, ovvjament it-tnejn vojta, u
jarmihom taħt il-bankina. X’għala biebu, issa jew tiġborhom sid id-dar li kien
quddiemha jew jittajru bir-riħ!
Mara tad-dar ħaslet id-dar minn fuq s’isfel. Ħaslet
quddiem id-dar u tefgħet kemm sabet ilma, minkejja li din hija ħaġa kontra l-liġi.
Kinset l-ilma ta’ quddiem darha lejn nofs it-triq u ħallietu nieżel ’l isfel
fit-triq. Mhux affari tagħha jekk tgħaddi
karozza u ttajjar l-ilma mal-faċċata tal-ġirien, l-aqwa li quddiemha nadif – x’għala biebha!
Mara oħra tħobb toqgħod xi siegħa barra fuq il-bankina
wara li tinżel ix-xemx. Ħdejha jpoġġu xi ġirien u jiġu ħutha li joqgħdu fi triq
oħra. Dawn in-nisa jintefgħu jiddiskutu l-aġenda tal-ġurnata u l-ulied jilgħabu
fl-isqaq li hemm qrib. Ta’ tfal li huma dawn jagħmlu storbju kbir u ommijiethom,
mitlufin fid-diskussjonijiet tagħhom lanqas jintebħu li wliedhom ikunu qegħdin
idejqu lir-residenti tal-isqaq. X’għala biebhom!
Nistgħu nibqgħu sejrin insemmu każi bħal dawn u ma
nispiċċaw qatt.
Kontra l-għala bibiżmu
Mhux faċli ssib soluzzjoni għall-marda tal-għala bibiżmu,
imma mhux sewwa li nħallu kollox għaddej qisu xejn mhu xejn. Hemm bżonn li
titqajjem kuxejnza għax aktar ma jgħaddi żmien aktar donnha dil-marda qed
tidħol il ġewwa u qisha saret marda ereditarja. Hemm bżonn ta’ kampanja
edukattiva, hemm bżonn ta’ aktar infurzar tal-liġi. Hemm bżonn nifhmu li
għandna nagħmlu lil ħaddieħor dak li nixtiequ li ħaddieħor jagħmel lilna.
Wieħed irid jifhem, sewwa li meta tgħix f’ pajjiż iċċivilizzat hemm ċerti
regoli li trid tobdihom anke jekk ma jkunux jogħġbuk għax inkella nispiċċaw f’ġungla u mhux f’pajjiż.
Fr Reno Muscat
Artiklu li deher f' In-Nazzjon 24 ta' Ottubru 2015
Nessun commento:
Posta un commento