Visualizzazione post con etichetta bologna. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta bologna. Mostra tutti i post

venerdì 25 novembre 2022

Bologna

Bologna hija l-kapitali tar-reġjun Emilia Romagna. Hija belt li fiha bosta universitajiet u għalhekk bla dubju hija belt mimlija studenti żgħażagħ. Hija belt li fil-medjuevu kienet imdawra bis-swar u kellha 12-il bieb. Kienet belt li tagħmel parti mill-istati pontifiċji. Hija belt ċentru ta’ kultura u attività artistika u tista’ tgħid li ta’ kuljum, sajf u xitwa ssib xi attivita kulturali għaddejja. Hemm insibu is-sitt l-akbar knisja fid-dinja, u jekk tqis il-bażilika tal-Vatikan bħala ’l barra minn l-Italja, tiġi it-tielet l-akbar knisja fl-Italja. Illum Bologna bejn iċ-ċentru u l-periferija hija d-dar ta’ madwar miljun ruħ, imma ċ-ċentru storiku ma huwiex daqstant kbir li wieħed idum ħafna sabiex iżuru. Iżda minkejja ċ-ċokon taċ-ċentru storiku, hemm bosta x’ wieħed iżur.


X’tara

 

Il-bosta mużewijiet ta’ din il-Belt huma kollha bla ħlas is-sena kollha. Bejn mużewijiet statali u dawk ekkleżjali nsibu xejn inqas minn 43 wieħed fiċ-ċentru ta’ Bologna. Forsi l-aktar magħrufin u tajjeb wieħed iżurhom huma dak arkeloġiku, il Mużew Ċiviku Medjevali, Il-pinoteka tal-arti kif ukoll il-mużew tal-Knisja ta’ San Petronju. Barra minn dawn hemm bosta knejjes li huma mużew fihom infushom. Forsi l-aktar qaddis magħruf fid-Dinja li għandu rabta ma’ din il-Belt huwa San Duminku. Minkejja li huwa kien Spanjol, huwa għażel lil din il-belt biex tkun pilastru tal-ordni tiegħu. Illum dan il-qaddis ghadu midfun hemm, fil-knisja ddedikata lil San Nikola u lilu. Il-qabar ta’ dan il-qaddis huwa kapolavur ta’ arti, xogħol ta’ bosta surmastrijiet tal-arti bħalma huma Nicola Pisana, Michelangelo Buonarrotti u Guido Reni

 

San Petronju

 

Semmejna aktar il fuq it-tielet l-akbar knisja tal-Italja. Din hija l-Bażilika ta’ San Petronju. Semmejna diġa l-mużew tagħha wkoll. Quddiem din il-bażilika hemm tliet pjazez imissu ma- xulxin: Piazza Maggiore, Piazza del Nettuno u Piazza Re Enzo. Piazza maggiore hija l-pjazza li għaliha Lucio Dalla, iben din il-Belt, kiteb il-kanzunetta popolari Piazza Grande. Ġewwa l-Bażilika ta’ San Petronju nsibu wkoll għadd ta’ opri artisitċi. Forsi l-aktar ħaġa li tiġbed nies biex jaraw f’din il-Knisja, u l-aktar opra li toħloq kontroversji hija l-pittura tal-ġudizzju universali li fiha jidher Mawmettu. Interessanti wkoll f’din il-knisja huwa l-arloġġ tax-xemx li hemm fl-art. Minn toqba żgħira fis-saqaf jidħol raġġ ta’ dawl li jimmarka l-ħin.

Knisja oħra li tajjeb wieħed iżur hija dik ta’ San Stiefnu. Fil-verità din hija kumpless ta’ knejjes, seba’ knejjes imissu waħda mal-oħra. It-tadizzjoni tgħid li kien San Petronju stess li ried li tinbena dil-knisja, li biż-żmien saret kumpless ta’ knejjes. Wieħed jista' jżur il-kjostru u jidħol ukoll fil-ħanut li jbiegħ prodotti tipiċi maħdumin mill-patrijiet tal-monasteru li hemm imiss mal-knejjes u minn monasteri oħra mifruxin madwar l-Italja.

 Il-Belt

 

Iċ-ċentru huwa dominat mit-torrijiet Asinelli. Huma żewġ torrijiet simbolu tal-belt. L-itwal wieħed huwa għoli 97 metru. L-itwal torri fl-Italja. It-torri ta’ ħdejh huwa iqsar u huwa mmejjel u huwa twil 48 metru. It-torri t-twil huwa miftuħ għall-pubbliku u wieħed jista’ jitla jara veduta mill-isbaħ ta’ din il-belt. Simbolu ieħor tal-belt huwa l-istatwa ta’ Nettunu li nsibu fil-pjazza msemmija għalih. Ħaġa unika ta’ Bologna hija l-għadd ta’ loġoġ li jdawru l-belt. Madwar 34 kilometru ta’ loġoġ huma mifruxin mal-belt kollha. Din il-ħaġa tagħmel lil din il-belt unika li anke fix-xita wieħed jista' joħroġ jippassiġa mingħajr ma jkun jeħtieġ umbrella. Dawn il-loġoġ huma wkoll attrazjoni matul il-lejl. Passiġġata ħelwa taħt dawn il-logog tista’ twasslek sas-santwarju tal-Madonna di San Luca. Dan huwa l-aktar santwarju maħbub għall-Boloniżi u ta’ kull sena jsiru pellegrinaġġi għalih. Hemm daqxejn telgħa mhux ħażin, imma meta wieħed jasal fuq l-għolja fejn hemm dan is-santwarju jkun jista’ jgawdi veduta li minn imkien ma jkun jista' jaraha.

 

Ikel

Tajjeb nagħtu ħarsa gastronomika u naraw x’toffri dil-belt. Iz-zalza bolgonese ħadet l-isem tal-belt. It-tortellini fil-brodu huma speċjalità. Hemm tip ta’ għaġin li jsir fid-djar, jissejjaħ pasatelle, li jagħmel brodu tajjeb ħafna. Dan il-platt issibu biss Bolgona u jekk wieħed ikun hemm jagħmel tajjeb li jistaqsi għalih. Imbagħad ma nistgħux ma nsemmux il-mortadella ta’ Bologna, magħrufa mat-Taljani kollha bħala l-itjeb ta’ pajjiżhom. Ikel tipiku ieħor ta’ Bologna huma il-frittelle, għaġina tal-ħobż moqlija, maqsuma meta tkun għadha taħraq u mimlija bil-mortadella jew salami jew skont dak li jiggosta  dak li jkun. Bomba fil-kalaoriji, imma tajba fit-togħma u ta’ min jippruvaha!

 

Bologna fuq kollox għandha ajruport li minnu jtiru ajruplani lejn Malta għalhekk faċli li wieħed iżurha!

Fr. Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 26 ta' Novembru 2022



venerdì 8 maggio 2020

Minn Bologna


Il-fatt illi ħafna minna kellna nissakkru ġewwa minħabba din l-imxija li ħakmet lid-dinja bħalissa, fetaħ fina aptit liema bħalu u titkellem ma’ kull min titkellem, l-akbar preokkuprazzjoni ta’ ħafna minna hi li matul dawn il-ġimgħat kilna u kilna u vvintajna riċetti u ppruvajna nkunu oriġinali fit-tisjir tagħna. Biss ma sajjarniex biss riċetti ġodda, sajjarna wkoll dak li konna nsajru qabel, dak li kienu jsajru ommijietna u n-nanniet tagħna. Sibna aktar ħin biex nagħmlu platti li jridu t-tul biex isiru. Sajjarna wkoll dak li ilna nieklu minn ċkunitna.

Żgur li waħda mir-riċetti l-aktar popolari magħna hija l-għaġin biz-zalza Bolognese. Nużawha għal mal-ispagetti jew imqarrun jew kull tip ta’ għaġin ieħor, nużawha għal-lażanja, nużawha għall-imqarrun il-forn u t-timpana u nużawha wkoll għall-cottage pie. Jien li għal dawn il-ġimgħat kelli nsir ukoll kok ta’ kuljum, użajt din iz-zalza għal mal-couscous u nistqarr li r-riżultat kien wieħed sodisfaċenti ħafna. Billi din iz-zalza tista’ ssajjarha u tużaha aktar tard, mal-couscous tiġi ikla tajba li ssir fi ftit minuti u għalhekk tajba għal meta jkollok ħemel xogħol x’tagħmel apparti t-tisjir.

Isem
Aħna l-Maltin insejħu din iz-zalza bħala Bolognese. Aktarx ħadniha mill-Ingliżi li jużaw l-istess isem għal din iz-zalza, iżda t-Taljani jsejħulha ragù. Sewwasew l-isem Taljan hu ragù bolognese, imma tista’ tgħid li ħadd ma jsejjaħilha hekk, kulħadd ragù biss juża għal din ir-riċetta sempliċi iżda tajba mmens.

Forsi ħafna minna lanqas jemmnu li l-isem propjament ġej mill-Franċiż. Il-kelma li oriġinat minnha l-kelma ragù hija  ragoût li kienet tfisser laħam imqatta’ żgħir, forma ta’ ikkapuljat.  Biex ngħidu d-dritt din il-kelma kienet tintuża wkoll anke għall-ħut meta dan jitqatta’ jew jintaħan kif ukoll għall-ħaxix imqatta’ rqieq ħafna. Ma nafux eżatt meta din il-kelma daħlet fl-ilsien Taljan imma nafu fiċ-ċert li fil-Medjuevu ir-ragù kien platt popolari fost l-aristokratiċi ta’ dak iż-żmien. Meta qed ngħid kien platt popolari rrid ngħid li dan ma kienx jisserva mal-għaġin mgħolli kif nafuh illum imma kien jisserva bħala platt għalih waħdu. F’xi partijiet ta’ Franza, dan għadu platt popolari sal-lum. Kien wara dan iż-żmien li qed insemmu li dan il-platt sar zalza u beda jiġi servut l-għaġin imħallat miegħu.
 
Riċetta ħafifa
Kif tista' ma tieklux? 
Forsi l-popolarità ta’ din iz-zalza kibret daqstant minħabba li wieħed ma jridx wisq xogħol biex ilestiha. Bħala ingredjenti bażiċi hemm il-laħam ikkapuljat, il-karrotti, basal u tadam jew kunserva. Imbagħad hemm dawk l-ingredjenti li jiżdiedu ma’ dawn skont il-preferenzi ta’ dak li jkun. Hawn min iżid magħhom il-bacon, il-karfus, bżaru aħdar, ħwawar aromatiċi bħal klin, rand, naqra curry jew kosbor u min jaf kemm-il ingredjent ieħor. Hawn Malta hawn min iżid ma’ din iz-zalza ximilwa zalzatt tal-Malti jew fi biċċa corned beef. Kulħadd gostih u kulħadd għandu r-riċetta tiegħu.

Tajjeb ngħid li din it-tip ta’ zalza tista’ ssibha fid-dinja kollha, fil-ħames kontinenti fil-pajjiżi kollha tad-dinja. Imma l-oriġinali tibqa’ dik tal-kapitlai tal-Emilia Romania –Bologna. Kien għalhekk li fl-1982 delegazzjoni mill-Accademia Italiana della Cucina ta’ Bologna ppreżentaw ir-riċetta tar-ragù bolognese lill-Kamra tal-Kummerċ Taljana biex din iz-zalza jkollha garanzija li tibqa’ ssir u ma jkun  qatt li tieqaf milli tiġi ppreżenata fuq l-imwejjed. Naħseb li lkoll naqblu li ma tanx hemm ċans li ma nsajrux aktar għaġin biz-zalza bolognese għax il-maġġoranza tagħna nħobbuha!

Qatt ma stajt nifhem
Ħaġa li dejjem impressjonatni u li qatt ma stajt nifhem hi kif f’Bologna l-aktar tip ta’ għaġin popolari huma t-tortellini, imma mbagħad magħhom ma jħallutux iz-zalza bolognese,  ma jservuhomx bir-ragù. Jien għamilt tliet snin ngħix Bologna u għalhekk kelli ċans nistaqsi biex forsi nsolvi din il-mistoqsija li damet iddur ġewwwa moħħi. Darba koka minn dak il-post qaltli ċar u tond li minkejja li llum wieħed isib tortellini tal-ġobon, tal-perżut kif ukoll tal-ħaxix, dawk oriġinali huma bil-laħam. Dawn jissajru fil-brodu, anzi jsir brodu bihom imbagħad jew jittieklu fil-brodu minflok għaġin ieħor jew inkella jittellgħu u jisservew b’zalza aktarx bajda, imma qatt bir-ragù għax laħam ikun fihom ġewwa. Dlonk indunajt li għandha raġun, għax anke aħna, r-ravjul inservuh b’zalza tat-tadam u mhux bil-bolognese, għalkemm hawn ċerti ħwienet tal-ikel li jservuh hekk. Ħaġa oħra li nnutajt kemm domt ngħix Bologna hi li din iz-zalza rari tisserva mal-ispagetti iżda aktarx iservuha mat-tagliatelli. Fil-kumplament tad-dinja jiġri l-kuntarju, l-aktar platt għaġin popolari huwa spagetti biz-zalza bolognese. L-ispagetti f’Bologna aktarx jisserva b’dik li tissejjaħ alla carbonara, li sewwasew ma hijiex riċetta ta’ dawk l-inħawi imma hija riċetta ta’ Ruma.

Illum wassaltikom xi ftit tagħrif dwar ħaġa sempliċi, li lkoll kemm aħna min jaf kemm-il darba kilniha bla ma nafu kemm hemm storja kbira warajha.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 9 ta' Mejju 2020


venerdì 13 settembre 2019

Bologna




Il-belt hekk imsejħa Capo Luogo tar-reġjun tal-Emilia Romagna fl-Italja hija Bologna. Sa ftit snin ilu ftit kienu dawk li jżuru din il-belt bħala turisti għax minkejja li hija belt li fiha ħafna x’tara, aktar kienet imfittxija għall-kummerċ kif ukoll għall-istudji billi fiha għadd ta’ universitajiet. Minn xi snin ’l hawn il-comune ta’ Bologna beda jħajjar aktar turisti lejn beltu. Mhux diffiċli tasal Bologna minn Malta. Illum minn pajjiżna wieħed jista’ jsib titjiriet diretti għall-ajruport ta’ Bologna li jinsab biss ftit kilometri bogħod miċ-ċentru tal-belt. Minn Ruma wieħed jista’ jasal hemmhekk bil-ferrovija f’madwar sagħtejn filwaqt li minn Milan hemm ferroviji li jwassluk f’madwar siegħa.

Iċ-ċentru
Piazza Maggiore u San Petronju
Minkejja li Bologna hija belt kbira, iċ-ċentru storiku tagħha huwa ta’ qies li wieħed jista’ jżuru sewa anke bil-mixi. Iċ-ċentru ta’ kollox hija pjazza hekk imsejħa Maggiore. F’din il-pjazza nsibu l-akbar knisja ta’ Bologna u waħda mill-akbar tad-dinja, iddedikata lil San Petronju. Dan il-qaddis ftit li xejn huwa magħruf barra din il-belt għaliex kien isqof ta’ Bologna li reġa’ bena lil din il-belt wara li kienet twaqqgħet fuq ordni ta’ Teodosju I. F’din il-bażilika nsibu għadd ta’ affreski imma hemm wieħed li llum huwa meqjus xi ftit kontroversjali. Dan juri il-ġudizzju universali u fih jidher Mawmettu jinbela’ mix-xitan. Illum lanqas tgħaddi minn moħħ ħadd li ssir pittura bħal din, imma rridu nifhmu ż-żmien li fih tpittret.  Din il-pjazza hija l-istess waħda li għaliha il-kantant minn Bologna Lucio Dalla kiteb u jkanta l-kanzunetta Piazza Grande.

Ma’ din il-pjazza kbira nsibu tmiss pjazza oħra, imsejħa Piazza del Nettuno. Din ħadet dan l-isem minħabba l-funtana li hemm f’nofsha li turi lil dan l-alla tal-baħar. Kif toħroġ minn din il-pjazza fuq naħa tara iż-żewġ torrijiet magħrufin mal-belt. Huma żewġ torrijiet simbolu ta’ Bologna. L-itwal wieħed huwa għoli 97 metru u kwart: l-itwal torri fl-Italja. It-torri ta’ ħdejh huwa iqsar u huwa mmejjel u huwa twil 48 metru. It-torri t-twil huwa miftuħ għall-pubbliku u wieħed jista’ jitla jara veduta mill-isbaħ ta’ din il-belt. Jekk ma tersaqx lejn it-torrijiet u tibqa’ fit tarf ta’ Piazza del Nettuno fuq quddiem tara triq mimlija ħwienet u n-naħa l-oħra jieħdok lejn Via del Pratello.

Minn hawn wieħed jista’ jmur fejn tixtieq qalbu. Jista’ dak li jkun imur iżur xi wħud mill-knejjes sbieħ li nsibu f’din il-belt, jew xi mużew milli hemm. Minn iħobb ix-xiri għandu Via dell’Indipendenza mimlija ħwienet li jbigħu dak kollu li wieħed jista’ jixtieq. Fit-tarf ta’ din it-triq, fi Piazza 8 Agosto jarma suq miftuħ. Minkejja li dan huwa suq li jiġbed ħafna nies, ma ssibx fih dik il-geġwiġija li tistenna, anzi ssib kollox ordnat u ftit li xejn storbu. Min iħobb il-ħruġ filgħaxijiet allura jista’ jżur Via del Pratello u jgħaddi lejl mill aqwa f’ambjent ferrieħi. Billi Bologna hija belt universitarja ma jistax jonqos li f’dawn il-postijiet wieħed jara l-preżenza ta’ ħafna żgħażagħ.

Qaddisin
S. Katerina ta' Bologna
F’Bologna insibu rabta speċjali ma’ żewġ qaddisin. San Duminku  minkejja li twieled fi Spanja, miet u ndifen f’Bologna. Hemmhekk insibu knisja kbira ddediakta lil San Nikola u fiha hemm kappella b’bosta opri tal-arti fejn hemm il-qabar ta’ dan il-qaddis. Jekk tkun sejjer hemm issaqsi lil ħadd għall-knisja ta’ San Nikola imma staqsi għall-knisja ta’ San Duminku għax kulħadd hekk jafha u kulħadd hekk isejħilha.

Qaddisa oħra li ġisimha ma jinstabx wisq bogħod mill-knisja ta’ San Duminku hija Santa Katarina ta’ Bologna. Din kienet soru tal-kalwsura, magħrufa għall-qdusija, kienet kittieba u anke pittret xi kwadri. Ġisimha baqa’ ma tmermirx u sal-lum wieħed għadu jista’ jaraha fil-knisja tal-monasteru msejjaħ Corpus Domini. Tajjeb ngħidu li dini s-soru qaddisa mietet fl-1463.

Il-mejda
Mortadella ġganteska
Bħal kull belt oħra, Bologna għandha l-kċina tagħha. Ħafna jassoċċjaw iz-zalza Bolognese ma’ din il-belt, imma hawnhekk dik iz-zalza tissejjaħ ragù, bħalma jsejħulha fi nħawi Taljani oħra wkoll. Sinonimi mal-belt huma t-tortellini. Hawn wieħed isib verjetajiet ta’ toretllini, mimlijinbil-ġobon jew bil-laħam. Issib anke qisien differenti ta’ tortellini. Il-mortadella wkoll hija prodott tipiku ta’ Bologna u min ikun għaddej mit-toroq ta’ bejn Piazza Maggiore u Via Castiglione jkun jista’ jgawdi minn spettaklu ta’ ikel tradizzjonali fosthom il-mortadella li ġieli tara minnha eħxen minn 30 ċentimetru.

Il-ġelat ta’ Bologna huwa xi ħaġa meraviljuża. Jien ma nistax ngħid li nħobb il-ġelat, imma ġelat ta’ Bologna nibdlu ma’ kollox.

Bologna hija belt li ta’ min iżurha. Fiha vantaġġ minabba li tista’ tgħid li t-toroq kollha fihom il-loġoġ, għalhekk kemm fix-xemx kif ukoll fix-xita u kważi kważi anke fis-silġ, wieħed jista’ joħroġ bla nkwiet ta’ xejn.

Bologna hija belt li toffri ħafna lil min iżurha!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  14 ta' Settembru 2019



venerdì 22 dicembre 2017

Il-presepju Barokk

Il-ġimgħa l-oħra għamilt appuntament magħkom għal-lum biex inkomplu naraw xi ftit tagħrif dwar il-presepju. Mhux se ngħidu kollox għax hemmbosta x’wieħed jikteb dwar din id-drawwa sabiħa, imma llum inkomplu naraw xi ħaġa oħra. Illum nixtieq inwasslilkom xi tagħrif li ġbart dwar il-presepju Barokk. Forsi s-snin li għext fil-belt ta’ Napli kabbru fija l-imħabba lejn dan it-tip ta’ presepju. Naf li huma ħafna uj ħafna dawk li bħali jogħxew wara l-presepju Barokk u għalhekk sejjer inwassal dan li sirt naf.

Il-presepju Barokk
L'immagine può contenere: 2 persone, persone sedute, bambino e spazio al chiusoIt-twelid ta’ Ġesù kien nieqes minn kull kumdità, anzi nistgħu ngħidu li lanqas dak l-aktar bażiku ma kellu. Madanakollu nsibu linja ta’ presepji li ma juru xejn il-faqar li fih Marija welldet lil binha, anzi għall-kuntrarju dawn ikunu mgħonija b’kull tip ta’ rikkezzi. Dan il-fatt għandu mnejn iħawwad lil xi wħud għaliex jiġu fid-diffikultà jekk Kristu twelidx fil-faqar kif insibu rrakkuntat fl-Evanġelji jew inkella fil-lussu li juru dawn il-presepji. Aktarx li dan it-tip ta’ presepju għandu xewqa antropoloġika warajh. In-Nisrani jaf li Ġesù huwa l-iben ta’ Alla u jaf ukoll li twieled mhux għax kellu bżonn jitwieled imma biex isalva lilna. Hija ħaġa ta’ għajb  li jitwieled Bin Alla u d-dinja ma tagħtihx l-aqwa post fejn jara l-ewwel raġġ ta’ dawl. Il-kliem fl-Evanġelju skont San Ġwann “Ġie f'daru, u niesu ma laqgħuhx.” [Ġw:1:11] xtaqu b’xi mod ipattu għalih. Il-bidu tal-presepju Barokk beda fost in-nobbli u għalhekk dawn riedu li x-xena li tirrappreżenta t-twelid tal-Messija ma tkunx dik fqira kif tassew kienet f’Betlem imma sabiħa u lussuża kemm jista’ jkun biex bħal speċi jpattu tan-nuqqas li għamlu n-nies ta’ żmienu.

Il-presepju Naplitan huwa dak l-aktar magħruf f’din il-linja ta’ presepji, iżda tajjeb ngħidu li ma huwiex waħdu fuq il-lista. Il-Presepji ta’ Ġenova u ta’ Bologna kellhom ukoll mixja kbira lejn il-presepju Barokk.

Mill-ewwel nofs tas-seklu XVI sal-ewwel deċenji tas-seklu XIX, Ġenova sewwasew bħal Napli kienet wieħed miċ-ċentri l-aktar attivi fil-produzzjoni tal-presepji. Bosta ħwienet tax-xogħol kien isir fihom l-iskultura tal-pasturi tal-injam. Dawn kienu jinżebgħu fil-partijiet li jidhru u jitlibbsu bi drappijiet fini u prezzjużi bħal lama, brukkat, satin, damask u kull tip ta’ materjal rikk.  Dawn il-pasturi kienu mbagħad ikomplu jiġu mogħnija b’aċċessorji xejn inqas għanja biex jikkumplimentaw lill-ilbies. Għalhekk fil-presepju Barokk naraw in-nisa bl-imsielet, ċpiepet, ġiżirajjen u dekorazzjoniet oħra. Il-presepju tradizzjonali ta’ Bologna ma fihx pasturi bi lbies veru iżda figuri tal-fuħħar bi lbieshom maħruġ mix-xbieha stess, kif naraw anke fil-presepju Malti, iżda l-mod li kienu jinżebgħu jagħmel dan il-presepju fil-lista tal-Barokk.

Il-pasturi tal-presepju Naplitan huma maħdumin differenti minn dawk ta’ Ġenova u Bologna. Dawn bdew isiru bir-ras tal-porċellana, l-idejn u s-saqajn tal-injam u l-ġisem maħdum bi ċraret u spag fuq il-fildiferru. Dawn il-pasturi kienu wkoll iżgħar fid-daqs minn dawk ta’ bliet Taljani oħrajn magħrufin għall-presepji. Vantaġġ  li l-pasturi ta’ Napli kellhom fuq oħrajn kien li dawn setgħu tinbidlilhom il-pożizzjoni tagħhom għaliex il-korp kien mibni fuq fildiferru li faċli jitgħawweġ, ħaġa li la fil-pasturi tal-injam ta’ Ġenova u lanqas f’dawk tal-fuħħar ta’ Bologna ma setgħet issir. Din il-ħaġa ffavuriet lill-presepju Naplitan biex isir fost l-aktar magħrufin fid-dinja.
Filwaqt li l-presepju tipiku ta’ Napli fih ħafna personaġġi, annimali, ħtiġijiet ta’ kuljum bħal ikel jew ħwienet tax-xogħol ta’ bosta snajja importanti għall-ħajja tal-bniedem kif ukoll bosta dettalji realistiċi, dak Ġenoviż huwa nieqes mill-personaġġi u mid-dettalji sekondarji, iżda l-pasturi ta’ Ġenova huma akbar minn dawk ta’ Napli. Dettall li nsibu fil-presepju Ġenoviż huwa l-fatt kurjuż li l-Madonna dejjem tidher b’kuruna ta’ Sultana fuq rasha u bi lbies għani bħal tal-prinċpijiet u rġejjen. Din id-drawwa bdiet fl-1637 meta l-Imqaddsa Marija ġiet proklamata Sultana ta’ Ġenova. L-arti tal-presepju f’Ġenova tesprimi l-fervur artistiku u kulturali li kien hemm f’din il-belt-repubblika bejn is-sekli XVI u XVII. Illum il-produzzjoni tal-presepju Barokk Ġenoviz ma għadniex insibuha u xi eżempji ta’ din l-arti nistgħu narawhom biss f’xi knejjes jew f’xi mużewijiet li għad għandhom xi presepju Barokk Ġenoviż.

Tmiem
Hu x’inhu l-istil tiegħu, il-presepju jirrakkonta storja waħda, it-twelid ta’ Kristu Ġesù, imma l-mod kif jiġi rrappreżentat dan il-fatt huwa differenti minn pajjiż għal ieħor, minn epoka għal oħra, minn bniedem għal ieħor. Presepju tradizzjonali, Naplitan, Barokk jew ta’ kwalunkwe għamla jew forma oħra iwassal messaġġ wieħed, messaġġ li waslilna kważi elfejn sena ilu, messaġġ li għadna nfakkruh kull sena.

Nieħu din l-okkażjoni biex nawguralkom Milied hieni, mimli ferħ u sliem.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 23 ta' Diċembru 2017

sabato 30 settembre 2017

Għall-erwieħ illum il-Ħadd

Min jaf kemm hawn minna li dalgħodu qalu: "Ejja, fl-aħħar wasal il-Ħadd." Bir-raġun għax għal ħafna il-jum tal-lum huwa l-jum tal-mistrieħ. Xieraq li wara gimgħa xogħol dak li jkun jieqaf biex jistrieh ftit. Madanakollu mhux kulhadd jista’ jgħid l-istess ħaġa għax hawn min għalih il-jum tal-Ħadd jista’ jkun jum aktar impenjattiv mill-jiem l-oħra tal-ġimgħa.


Bil-ħerqa

L'immagine può contenere: cielo e spazio all'aperto
Bologna
Qed jigini f’moħħi ż-żmien meta kont għadni nistudja l-Italja. Il-jum tal-Ħadd kont nistennieh b’ħerqa liema bħalha. Meta kont ngħix Napli il-Ħadd waranofsinhar kont ħafna drabi mmur saċ-ċentru, Via San Gregorio Armeno u Via San Biagio dei Librai; żewġ toroq li minħabba li huma magħrufin mad-dinja kollha għall-presepji, hekk kif kien jasal nofs Novembru kienu jimtlew bit-turisti. Għalhekk f’dawk il-Ħdud kont nevita li mmur fihom.



Matul is-snin li kont ngħix Bologna l-istorja inbidlet xi ftit. Hawnhekk il-Ħadd kien ikun impenjattiv. Filgħodu fil-parrocca mal-grupp tal-iscouts, niehu sehem fil-quddiesa tal-10.30 u xhin tispiċċa lura lejn il-kunvent, ikla, siesta u ħarġa fil-belt stess. F’din il-belt hemm vantaġġ. Hija belt mimlija b’loġoġ u għalhekk kemm jekk tkun ix-xemx kif ukoll jekk tkun xita, dak li jkun jista’ joħroġ għax la ser iddejqu x-xemx u lanqas ser jixxarrab. Mixja taħt dawn il-loġoġ kienet tkun il-ħarġa  tiegħi, u billi Bologna fiha aktar minn 30 kilometru ta’ loġoġ, kull nhar  ta’ Ħadd kont nażel triq differenti u bis-saħħa ta’ hekk nista’ ngħid li mxejt it-toroq kollha taċ-ċentru ta’ Bologna.

Meta kont Ruma, il-Ħadd waranofsinhar kont inħobb indur xi wħud mill-mijiet ta’ knejjes li fiha l-Belt Eterna. Il-knejjes ta’ din il-belt huma meravilja, fihom tista’ tara wħud mill-aqwa opri tal-arti li jeżistu fid-dinja. Kieku tkun tgħix Ruma u ma żżurhomx ikun dnub mejjet.

Malta

Fi tfuliti l-ħarġa tal-Ħadd waranofsinhar kienet drawwa tal-familja. Dik kienet id-drawwa ta’ kważi l-familji Maltin kollha. Jien din id-drawwa ma għadnix inżommha u għandi l-impressjoni li mhux jien biss, naħseb li ħafna Maltin ma għadhomx jagħmlu din il-ħarġa.

Illum ix-xogħol nhar ta’ Ħadd żdied, ħafna ħwienet jiftħu llum ukoll u għalhekk il-ħaddiema tagħhom ma jistgħux iqisu l-Ħadd bħala l-jum tal-ħarġa jew tal-mistrieħ.

L'immagine può contenere: una o più persone e spazio al chiusoDari kienu jkunu l-pulizija, l-infermiera u xi xogħolijiet importanti oħra li kien ikollhom jidħlu xogħol il-Ħadd. Illum lanqas timmaġina kemm hawn min jaħdem bħal-lum. Illum mhux ilkoll nistgħu ngħidu "Għall-erwieh illum il-Ħadd", illum mhux kulhadd jista’ jgawdi din il-ġurnata bħala l-jum tal-ħarġa wara l-ikla ta’ nofsinhar.


Kultura
Ħaġa li ninnota meta nkun imsiefer hija li nhar ta’ Ħadd bosta mużewijiet jiftħu u għalhekk huma bosta dawk li jżuruhom fil-jum li fih ikunuliberu. F’pajjiżna minkejja li hawn mużewijiet li jkunu miftuħin bħal-lum, ftit li xejn huma dawk il-Maltin li jżuruhom. Għalkemm biex ngħid id-dritt, għandi d-dubju kemm fi-DNA tagħna l-Maltin hemm l-imħabba lejn il-mużewijiet! Jista’ mhux jiftaħ il-Ħadd! Ħasra li ġieli dak li tant turisti jiġu biex jaraw f’pajjiżna, aħna jew qatt ma nkunu rajnieh jew inkunu ilna li żornieh minn meta kienu ħaduna l-għalleima tal-primarja. Min jaf għadx jasal żmien li ngħidu “Għall-ewrieħ illum il-Ħadd, rajt xi ħaġa ġdida, tgħallimt xi ħaġa oħra!”


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' Il-Mument - 1 ta' Ottubru 2017



venerdì 25 agosto 2017

Ġelat

Fil-jiem tas-sajf żgur li lkoll kemm aħna nieħdu gost nieħdu xi ġelat tajjeb. Huwa d-deżerta favorita mal-maġġoranza tan-nies fil-jiem sajfin, għalkemm illum il-ġelat ma nsibuhx biss fis-sajf imma nistgħu nduquh matul is-sena kollha.

Dan id-daqsxejn ta’ ġelat għandu storja interessanti ħafna.

Silġ u melħ
Il-kultivazzjoni tal-pjanti taz-zokkor fi Sqallija taf il-bidu tagħha fi żmien l-Għarab. Kienu dawn li fis-seklu IX wasslu din il-pjanta fi Sqallija u fi Spanja. Iz-zokkor huwa ingredjent importanti ħafna fit-tħejjija tal-ġelat u għalhekk fil-gżira ġara tagħna, minn dak iż-żmien beda jsir xi forma ta’ ġelat. L-Għarab kellhom id-drawwa li jagħmlu bħal te bl-ilma, zokkor, ħxejjex u ħwarar. Fi Sqallija dan ix-xorb beda jiġi ffriżat billi r-reċipjent tiegħu kien jitpoġġa fis-silġ, li kien jinġieb minn fuq il-Vulkan Etna, u mas-silġ jitħallat il-melħ biex dan idum ma jdub. Dan aktarx kien il-bidu tal-granita li tant hi popolari fi Sqallija. Ġewwa Sardegna għall-ħabta tas-sena 1600 inbdiet l-industrija tas-silġ. Issa f’ din il-gżira bdejna nsibu taħlita ta’ ilma, zokkor u lumi frizati.

Din il-ħaġa tfakkarni fil-ġelat tal-bezzun li fl-antik tant kien popolari ġewwa Malta. Biex ngħid id-dritt jien ma tantx niftakru, iżda niftakar bejjiegħ ta’ dan it-tip ta’ ġelat fil-festi ta’ San Ġorġ u ta’ Santa Marija tar-Rabat Għawdex. Kien jarma taħt il-Banca Giuratale fit-Tokk. Kont nistenna minn sena għal sena biex nixtri tazza minn dan il-ġelat tassew tajjeb. Kien appuntament annwali li sfortunatament ma għadnix inżommu għax dak il-bejjiegħ tal-ġelat tal-bezzun ma għadux jarma.

Anke qabel
B’ dan li għidt sa issa ma rridx infisser li l-ġelat jaf il-bidu tiegħu fi Sqallija, ridt insemmi din il-gżira sempliċiment għax hija qrib artna u faċilment li l-ewwel ġelat f’ Malta wasal minn hemm.
Iżda xi tip ta’ ġelat jew l-antenat tiegħu ilu jeżisti ħafna. Nafu li kien hemm popli li jħalltu frott u għasel mas-silġ u jiekluh. Din it-taħlita nafu li kienet tinbiegħ fil-Ġreċja sa xi ħames mitt sena qabel Kristu.  Fiċ-Ċina kien jitħallat ħalib, ross u għasel mas-silġ. Dan ukoll kien jinstab qabel Kristu. Jingħad li Neruni, l-Imperatur Ruman, kien jordna li jinġieb f’ Ruma silġ minn fuq tal-Italja biex jitħallat mal-frott u kien iservieh fil-pranzijiet lussużi li kien jagħmel.

Jinxtered fl-Ewropa
Jingħad li meta fl-1533 id-Dukessa Katarina de’ Medici żżewġet lid-Duka ta’ Orleans, billi hija kienet Taljana u hu Franċiż u kellhom jgħixu fi Franza, hija ħadet magħha xi koki Taljani li minbarra l-ikel li kienet imdorrija bih, kienu wkoll iħejju ġelati. Għandu mnejn dan il-pass kien il-bidu tat-tixrid tal-ġelat madwar il-kontinent tagħna. Aktar tard il-Re Karlu I tal-Ingliterra jingħad li ta somma kbira ta’ flus lil kok tiegħu biex ir-riċetta tal-ġelat li kien jagħmillu ma jgħaddiha lil ħadd biex tibqa’ riċetta rjali.

Ġelat tal-bezzun
Ma għandiex fonti storiċi dwar dawn iż-żewġ stejjer, imma b’ xi mod jew ieħor il-ġelat  ma baqax ikel irjali u sirna nsibuh mad-dinja kollha. Żgur li nxtered u sar imfittex. F’Malta l-ġelat daħħluh il-kavallieri. Illum nafu li fil-palazz tal-Inkwiżitur tal-Birgu kien jissajjar dan il-ħelu sa mis-seklu XVII.

Meta kton ngħix Bologna qatt ma tlift l-okkażjoni li nieħu xi ġelat tajjeb. Dik il-belt hija sinonima mhux biss mat-tortellini u l-mortadella, imma anke mal-ġelat tajjeb li wieħed issib fiha. Kull meta kien jiġi xi ħadd iżurni, dejjem offrejtlu ġelat minn xi waħda mill-ġelateriji li hemm. Ngħid id-dritt, jien mhux xi wieħed li niġġennen għall-ġelat, imma għal dak ta’ Bologna nagħmel eċċezzjoni u nibdlu ma’ kollox.

Tifkiriet
Il-ġelat iġibli wkoll bosta tifkiriet tal-imgħoddi. Waqt il-vaganzi tas-sajf, meta kont għadni tifel tal-iskola, niftakar li ta’ kuljum kien jiġi van bil-ġelat fit-triq tagħna. Kien idoqq il-mużika ta’ Doctor Zhivago donnha tal-kaxxa tal-ġojjelli (li dejjem baqgħet vojta) li kellha ommi fis-salott. U aħna ta’ tfal li konna noħorġu nixtri ġelat, slice jew kornet jew tal-barmil jew granita. Skont dak li niggustaw jew li jkollna aptit. Illum għadna naraw xi van bħal dawn fit-toroq tagħna imma billi l-ġelat sar prodott li spiss ikun fil-fridges tagħna, l-istennija għalih ma għadiex bħal ta’ dari.

Niftakar ukoll il-festini, xi għerusija, it-tiġijiet, magħmudija, il-festi tal-ewwel tqarbina jew tal-griżma. Festin ma kienx ikun komplut jekk fl-aħħar ma jitqassamx il-ġelat fi plattina. Ma’ dan il-ġelat kien ikun hemm bħal biskuttin tal-pane di Spagna. M’ilix wisq inzertajt f’festin li offra dan it-tip ta’ ġelat – ġelat Malti magħmul mill-ħalib tal-bott u l-bastun tal-kannella. Ngħid id-dritt ħadni lura fiż-żmien, ġabli memorji ta’ meta tifel żgħir kont inkun mal-ġenituri għal xi okkażjoni minn dawn u kont nistenna dik il-plattina bil-ġelat.

Ma nafx jekk b’dan li għidt illum ġibtilkomx aptit ta’ ġelat tajjeb? Jien ngħid għalija ftaħtu l-aptit!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 26 ta' Awwissu 2017




sabato 19 agosto 2017

INŻURU POSTIJIET DUMNIKANI GĦEŻIEŻ


Ruma
Lejn l-aħħar ta’ Marzu ta’ din is-sena, grupp ta’ 17-il Dumnikan ingħaqad biex imur inżur xi wħud mill-aktar postijiet għeżież għad-Dumnikani ġewwa l-Italja. Il-grupp kien kompost minn għadd ta’ nies differenti kemm fl-età kif ukoll fil-ħajja tagħhom. Minn żgħażagħ taħt l-20 sena sa pensjonanti, minn industrijalist għal pulizija, gwardjan, patri, ħaddiema tal-id u oħrajn tal-pinna kif ukoll kif diġa semmejt, pensjonanti.
Il-mawra bdiet f’Ruma – il-belt eterna. Hemmhekk żorna xi wħud mill-bosta knejjes li hemm u ma jistax jonqos li nżuru l-Vatikan. Żorna wkoll il-mużew tal-Vatikan – esperjenza li ma tintesiex. Ruma wkoll hemm il-kurja ċentrali tal-Ordni Dumnikan u għalhekk żorna l-bażilika ta’ Santa Sabina u l-Kurja Dumnikana fuq l-għolja tal-Avventino. Hemmhekk il-grupp kellu quddiesa bil-Malti fiċ-ċella ta’ San Duminku. Wara kienu mdawrin mal-post minn Patri Llewellyn Muscat. Filgħaxijiet ma naqasx id-divertiment, id-daħq u ċ-ċajt li tistenna meta jiltaqa’ grupp ta’ ħbieb bħal dan.
Bologna
Minn Ruma l-grupp telaq lejn Bologna – il-belt li fiha miet u għadu midfun il-qaddis tagħna Duminku. Il-qofol tal-jiem ġewwa Bologna kienu l-quddiesa bil-Malti li tqaddset fuq il-qabar ta’ San Duminku. Kull Dumnikan joħlom li xi darba jżur Bologna u jmur jara b’għajnejh l-arka fejn jinstab midfun Missierna. Il-grupp tagħna mhux biss kellu x-xorti li jżur dan il-post għażiż iżda kellu wkoll quddiesa fuq dan il-qabar. Wara din il-quddiesa l-grupp iddaħħal fiċ-ċella fejn miet San Duminku u fil-korin jew kif jissejjaħ, il-kapitlu tal-Kunvent ta’ Bologna fejn hemm l-ewwel pittura ta’ San Duminku, dak li kulħadd isejjaħlu l-anonu  għax ma nafux l-artist li pittru. Bologna hija belt sabiħa u organizzata ħafna. Hemmhekk żorna l-katidral ta’ San Pietru, il-knisja ta’ San Petronju – waħda mill-akbar knejjes fid-dinja u morna wkoll inżuru s-santwarju tal-Madonna ta’ San Luqa, li oriġinarjament kienet knisja tad-Dumnikani. Dan is-santwarju huwa għażiż ħafna għan-nies ta’ Bologna. Dan jinstab fuq l-għola parti tal-belt. Billi l-post fejn kien alloġġjat il-grupp ma kienx wisq bogħod mill-knisja ta’ San Duminku, bosta kienu dawk li żaruha ta’ kuljum, u forsi anke aktar minn darba.
Napli
Minn Bologna l-grupp telaq lejn Napli – il belt li fi żmien kienet kapitali ta’ Renju, kienet ukoll provinċja Dumnikana awtonoma. Illum din il-belt sabiħa tilfet ħafna mill-importanza tagħha iżda mhux mill-faxxinu li toffri lil dak li jżurha. Ovvjament meta tkun għadek kif ħallejt Bologna u tmur Napli tħoss ix-xokk kulturali, tara d-differenza f’kollox, dawn huma żewġt ibliet li donnhom il-lejl u n-nhar, l-abjad u l-iswed. Hemmhekk il-grupp kellu quddiesa oħra bil-Malti ġewwa l-knisja ferm sabiħa ta’ San Domenico Maggiore. Fil-kunvent li hemm ma’ din il-knisja kien jgħix San Tumas ta’ Akwinu, u l-grupp wara l-quddiesa kien imdawwar mal-mużew tal-knisja, mal-kunvnet u żar ukoll iċ-ċella ta’ San Tumas. Hemmhekk hemm merfugħ bl-akbar għożża, il-pittura tal-kurċifiss li kellem lil dan il-qaddis Dumnikan. Ladarba l-grupp kien Napli ma setax jonqos li jżur it-triq magħrufa għall-presepji – Via Gregorio Armeno. Fit-tarf ta’ din it-triq insibu l-bażilika San Paolo Maggiore fejn hemm il-qabar ta’ San Gejtanu. Billi ma aħniex mill-Ħamrun, xorta morna nżuru l-qabar ta’ dan il-qaddis maħbub. Żorna wkoll bosta knejjes oħra li hemm fiċ-ċentru tal-belt, fosthom il-knisja ta’ Ġesù Nuovo, meravilja ta’ arti fl-irħam – knisja li ma fiha xejn nieqes u xejn żejjed. Ma jistax jonqos li ssir żjara lid-duomo, il-knisja ta’ San Ġennaru. Qabel ma l-grupp daħal fil-knisja żar it-teżor ta’ dan il-qaddis. Dan huwa teżor għani ferm li fil-valur tiegħu jaqbeż sewwa l-Crown Jewels ta’ Londra.
L-aħħar vjaġġ kien minn Napli għal Bari. Hemmhekk l-aktar qaddis magħruf u marbut ma’ din il-belt huwa San Nikola. Lanqas aħna mis-Siġġiewi imma morna nżuru l-knisja ta’ dan il-qaddis li hija parti mill-kunvent tad-Dumnikani. Hemmhekk saret dawra sewwa mal-knisja. Wieħed dlonk jinnota l-preżenza ta’ bosta Nsara Ortodossi f’din il-knisja. Il-fatt li San Nikola kien qaddis Grieg u li l-kult tiegħu huwa mifrux sewwa fid-Dinja Ortodossa, iwassal bosta Nsara Ortodossi biex iżuru din il-knisja. Fil-fatt ta’ kuljum jaslu mijiet ta’ pellegrini Ortodossi li flimkien mal-Insara ta’ Rit Ruman, bħalna, jagħti ġieħ lil dan il-qaddis. Minkejja li l-mawra tal-grupp ġewwa Bari kienet waħda qasira, xorta kien hemm il-ħin biex wieħed jara ftit il-belt, u ovvjament anke instab ħin għal flixkun birra kiesħa.
Għaddiet ġimgħa bħal ħolma, ġimgħa fejn bosta ħolm sar realtà, fejn ix-xewqa ta’ bosta li jżuru l-aktar postijiet Dumnikani għeżież fl-Italja, seħħet.

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-Festa San Duminku Il-Birgu 2017