Il-fatt illi ħafna minna kellna
nissakkru ġewwa minħabba din l-imxija li ħakmet lid-dinja bħalissa, fetaħ fina
aptit liema bħalu u titkellem ma’ kull min titkellem, l-akbar preokkuprazzjoni
ta’ ħafna minna hi li matul dawn il-ġimgħat kilna u kilna u vvintajna riċetti u
ppruvajna nkunu oriġinali fit-tisjir tagħna. Biss ma sajjarniex biss riċetti
ġodda, sajjarna wkoll dak li konna nsajru qabel, dak li kienu jsajru ommijietna
u n-nanniet tagħna. Sibna aktar ħin biex nagħmlu platti li jridu t-tul biex
isiru. Sajjarna wkoll dak li ilna nieklu minn ċkunitna.
Żgur li waħda mir-riċetti l-aktar
popolari magħna hija l-għaġin biz-zalza Bolognese. Nużawha għal mal-ispagetti
jew imqarrun jew kull tip ta’ għaġin ieħor, nużawha għal-lażanja, nużawha
għall-imqarrun il-forn u t-timpana u nużawha wkoll għall-cottage pie. Jien li
għal dawn il-ġimgħat kelli nsir ukoll kok ta’ kuljum, użajt din iz-zalza għal
mal-couscous u nistqarr li r-riżultat kien wieħed sodisfaċenti ħafna. Billi din
iz-zalza tista’ ssajjarha u tużaha aktar tard, mal-couscous tiġi ikla tajba li
ssir fi ftit minuti u għalhekk tajba għal meta jkollok ħemel xogħol x’tagħmel
apparti t-tisjir.
Isem
Aħna l-Maltin insejħu din
iz-zalza bħala Bolognese. Aktarx ħadniha mill-Ingliżi li jużaw l-istess isem
għal din iz-zalza, iżda t-Taljani jsejħulha ragù. Sewwasew l-isem Taljan hu ragù bolognese, imma tista’ tgħid li
ħadd ma jsejjaħilha hekk, kulħadd ragù biss juża għal din ir-riċetta sempliċi
iżda tajba mmens.
Forsi ħafna minna lanqas jemmnu
li l-isem propjament ġej mill-Franċiż. Il-kelma li oriġinat minnha l-kelma ragù hija ragoût
li kienet tfisser laħam imqatta’ żgħir, forma ta’ ikkapuljat. Biex ngħidu d-dritt din il-kelma kienet tintuża
wkoll anke għall-ħut meta dan jitqatta’ jew jintaħan kif ukoll għall-ħaxix
imqatta’ rqieq ħafna. Ma nafux eżatt meta din il-kelma daħlet fl-ilsien Taljan
imma nafu fiċ-ċert li fil-Medjuevu ir-ragù kien platt popolari fost
l-aristokratiċi ta’ dak iż-żmien. Meta qed ngħid kien platt popolari rrid ngħid
li dan ma kienx jisserva mal-għaġin mgħolli kif nafuh illum imma kien jisserva
bħala platt għalih waħdu. F’xi partijiet ta’ Franza, dan għadu platt popolari
sal-lum. Kien wara dan iż-żmien li qed insemmu li dan il-platt sar zalza u beda
jiġi servut l-għaġin imħallat miegħu.
Riċetta ħafifa
Kif tista' ma tieklux? |
Forsi l-popolarità ta’ din iz-zalza
kibret daqstant minħabba li wieħed ma jridx wisq xogħol biex ilestiha. Bħala
ingredjenti bażiċi hemm il-laħam ikkapuljat, il-karrotti, basal u tadam jew
kunserva. Imbagħad hemm dawk l-ingredjenti li jiżdiedu ma’ dawn skont
il-preferenzi ta’ dak li jkun. Hawn min iżid magħhom il-bacon, il-karfus, bżaru
aħdar, ħwawar aromatiċi bħal klin, rand, naqra curry jew kosbor u min jaf
kemm-il ingredjent ieħor. Hawn Malta hawn min iżid ma’ din iz-zalza ximilwa
zalzatt tal-Malti jew fi biċċa corned beef. Kulħadd gostih u kulħadd għandu r-riċetta
tiegħu.
Tajjeb ngħid li din it-tip ta’ zalza
tista’ ssibha fid-dinja kollha, fil-ħames kontinenti fil-pajjiżi kollha
tad-dinja. Imma l-oriġinali tibqa’ dik tal-kapitlai tal-Emilia Romania
–Bologna. Kien għalhekk li fl-1982 delegazzjoni mill-Accademia Italiana della
Cucina ta’ Bologna ppreżentaw ir-riċetta tar-ragù bolognese lill-Kamra tal-Kummerċ Taljana biex din iz-zalza
jkollha garanzija li tibqa’ ssir u ma jkun
qatt li tieqaf milli tiġi ppreżenata fuq l-imwejjed. Naħseb li lkoll
naqblu li ma tanx hemm ċans li ma nsajrux aktar għaġin biz-zalza bolognese għax il-maġġoranza tagħna
nħobbuha!
Qatt ma stajt nifhem
Ħaġa li dejjem impressjonatni u
li qatt ma stajt nifhem hi kif f’Bologna l-aktar tip ta’ għaġin popolari huma
t-tortellini, imma mbagħad magħhom ma jħallutux iz-zalza bolognese, ma jservuhomx
bir-ragù. Jien għamilt tliet snin ngħix Bologna u għalhekk kelli ċans nistaqsi
biex forsi nsolvi din il-mistoqsija li damet iddur ġewwwa moħħi. Darba koka
minn dak il-post qaltli ċar u tond li minkejja li llum wieħed isib tortellini
tal-ġobon, tal-perżut kif ukoll tal-ħaxix, dawk oriġinali huma bil-laħam. Dawn
jissajru fil-brodu, anzi jsir brodu bihom imbagħad jew jittieklu fil-brodu
minflok għaġin ieħor jew inkella jittellgħu u jisservew b’zalza aktarx bajda,
imma qatt bir-ragù għax laħam ikun fihom ġewwa. Dlonk indunajt li għandha
raġun, għax anke aħna, r-ravjul inservuh b’zalza tat-tadam u mhux bil-bolognese, għalkemm hawn ċerti ħwienet
tal-ikel li jservuh hekk. Ħaġa oħra li nnutajt kemm domt ngħix Bologna hi li
din iz-zalza rari tisserva mal-ispagetti iżda aktarx iservuha mat-tagliatelli. Fil-kumplament
tad-dinja jiġri l-kuntarju, l-aktar platt għaġin popolari huwa spagetti
biz-zalza bolognese. L-ispagetti
f’Bologna aktarx jisserva b’dik li tissejjaħ alla carbonara, li sewwasew ma
hijiex riċetta ta’ dawk l-inħawi imma hija riċetta ta’ Ruma.
Illum wassaltikom xi ftit tagħrif
dwar ħaġa sempliċi, li lkoll kemm aħna min jaf kemm-il darba kilniha bla ma nafu
kemm hemm storja kbira warajha.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 9 ta' Mejju 2020
Nessun commento:
Posta un commento