venerdì 15 maggio 2020

Il-maskra

Maskra

L-imxija tal-Covid 19 biddlet id-dinja jew aħjar qalbet id-dinja ta’ taħt fuq, Fost il-ħafna tibdiliet li kellna nagħmlu f’dawn il-ġimgħat hija fejn jidħol l-użu tal-maskra. Sa ftit xhur ilu l-maskra kienu jilbsuha xi turisti aktarx Ċiniżi li jżuru l-Ewropa, u mhux kollha, xi waħdiet minnhom biss. Kienu jużawha l-ħaddiema li jaħdmu fit-trab biex jifrankaw xi ftit minn dak it-trab li jidħol fi mniffsejhom u l-istess bħat-turisti Ċiniżi, mhux kulħadd kien jużaha. Illum l-użu tal-maskra sar obbligu u qegħdin narawha kull fejn inħarsu.

Maskri jew maskli
Fuq il-mezzi tal-media soċjali qamet kemm-il darba l-kwistjoni ta’ x’għandna ngħidu u kif għandna niktbu l-kelma li tirreferi għal dik l-għata tal-imniffsejn u l-ħalq. Min jikteb u jgħid maskra u min isejħilha maskla.

Maskli 
Il-kelma maskra ġejja mit-Taljan <mashera> li ġejja minn kelma Pre-Indoewropea <masca> li tfisser nugrufun jew fatat iswed. Il-maskra ma tħallix lil dak li jkun jingħaraf bħalma ma jintgħarafx min jiksi wiċċu bin-nugrufun u jsir qisu fatat iswed. Mela la din il-kelma għandha l-anteneti tagħha bl-R il-kelma preċiża hija maskra u mhux maskla. Sfortunatament smajnieha eluf ta’ drabu imtennija b’mod żbaljat kif ukoll rajnieha miktuba wkoll ħażin. Issa ma rridux ninsew il-konsonanti likwidi, L, M, N, R u GĦ, li għandhom ħabta jixxiebħu bejniethom jew ma’ xi vokali oħra. Imma din mhux lezzjoni tal-Malti!

Maskli
Allura xi wħud jistgħu jistaqsu x’inhi maskla? Maskla hija frotta tal-baħar, dik li bl-Ingliż tissejjaħ <mussle>. Ma naħsibx li xi ħadd jitħajjar joħroġ b’xi maskla tal-baħar ma’ mnieħru! Aħjar jitfa’ maskra! Maskla hija wkoll kelma li fl-antik kienet użata fl-arti piroteknika. Qabel ma bdew isiru l-murtali li jinħarqu mill-kanen li jkunu mħawla fil-ħamrija jew marbutin sewwa f’kaxxi tal-injam, fil-festi Maltin kienu jinħarqu l-maskli. Dawn kienu jkunu bħal bott li dari kienu jieħdu t-te fih, qisu mug tal-enemel. Imma l-maskli kienu jkunu taċ-ċomb, ħadid jew ram. Fihom kien jitqiegħed il-porvli u magħhom titpoġġa biċċa miċċa li tibqa’ dieħla minn toqba li kien ikun fiha l-maskla. Dawn kienu jitpoġġew mal-ġenb tat-triq u jinħarqu waqt il-purċissjoni tal-qaddis jew qaddisa. Hawn l-istess ma naħsibx li hawn min se jitħajjar joħroġ b’xi maskla tal-metall ma’ wiċċu. L-ewwel ħaġa dawn huma tqal mhux ħażin u t-tieni ħaġa llum ma ssibhomx jekk mhux f’xi mużew tal-antikità.

Naħseb issa għamilniha ċara d-differenza bejn maskra u maskla. Issa hawn min qed jgħid li dawn huma varjanti u huma tajbin it-tnejn. Kulħadd jaħseb b’moħħu u jagħmel il-konklużjoni hu.

Tipi ta’ maskri
Maskra
Ara ma taħsbux li hawn sejjer ngħidilkom x’tipi ta’ maskri għandkom tilbsu meta tmorru tixtru. Xejn minn dan. Sejjer biss ngħidilkom kemm tipi ta’ maskri nistgħu insibu fil-ħajja madwarna.Fil-gwerra kienu komuni l-maskri tal-gas minħabba l-biża’ ta’ xi attakk mill-għadu b’gassijiet velenużi. Tip ta’ maskra oħra hija dik li nużaw fil-baħar biex naraw il-qiegħ, dik li llum saret tissejjaħ <goggles>. Din fi ċkuniti kont nisma’ min isejħilha maskra tal-għaddasa jew maskra tal-baħar. Bħal bosta kliem Malti ieħor, intilfet u qed nużaw biss il-kelma Ngliża.

Hemm sitwazzjoni fil-logħba tal-biljard li tissejjaħ maskra. Din tissejjaħ maskra wkoll, bl-R mhux bl-L.

Maskra
Żgur li l-aktar maskri pjaċevoli huma dawk tal-karnival. Dawn ivarjaw minn tal-kartun, tal-plastik, tal-lasktu u jistgħu jkunu wkoll taċ-ċeramika. Skont ma tħallas tieħu. Bosta ballijiet famużi li jsiru fil-karnival madwar id-dinja jkollhom esebizzjoni ta’ maskri mill-ifjen. Qed jiġi f’moħħi bħalissa l-karnival ta’ Venzja fejn kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel jilbsu maskri mill-aktar lussużi li min jaf kemm jiswew flus. La semmejt il-karnival ma nistax inħalli barra dak tan-Nadur fejn hawn bi mħatra min ikollu l-aktar maskra oriġinali biex ma jintgħarafx minn dawk li jafuh.

Persuna
Forsi ftit jafu li l-kelma <persuna> wkoll ġejja minn kelma li tfisser maskra. Il-kelma Latina <persona> aktarx ġejja mill-kelma Etruska li kienet tfisser il-maskra li tintuża fit-teatru. Fil-qedem l-attur kien jagħmel il-parti teatrali tiegħu b’maskra kbira quddiemu u għalhekk meta jibdel il-maskra kien ukoll jibdel il-parti tal-personaġġ li kien ikun qed jinterpreta. Illum il-kelma persuna, li nużaw anke fil-Malti ħadet it-tifsira li ħadet; riferenza għal bniedem bla ma tindika il-ġeneru hux raġel jew mara.

Maksra tista’ jkollha wkoll sens metaforiku, meta bniedem juri wiċċ b’ieħor jingħad li jkun libes il-maskra u meta bniedem bħal dan jinkixiflu xi għemil li jkun wettaq malajr tisma’ lil min jgħid li waqgħetlu l-maskra. Metafora oħra li nużaw hija li l-ipokrita jilbes maskra skont il-waqt u skont il-ħtieġa. Kollha nafu xi jfissru dawn il-metafori għax huma komuni fit-taħdidiet tagħna.

Illum dorna dawra mal-maskri li l-pandemija tal-Covid 19 qed iġġibna wiċċ imb wiċċ magħhom, anzi qed twaħħalhomna ma’ wiċċna u mhux biss, rajna wkoll il-maskli!

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 16 ta' Mejju 2020





Nessun commento:

Posta un commento