venerdì 22 maggio 2020

Savonarola

Ġilormu Savonarola

Dawk li huma midħla tal-istorja u aktar u aktar l-istorja tal-Knisja, żgur jafu min hu Ġilormu Savonarola. Savonarola kien bniedem li għażel it-triq tas-saċerdozju u xtaq jgħix din il-ħajja fir-radikalità tagħha u ma beża’ qatt joħodha kontra dak li f’għajnejh kien ħażin. Mhux għax kien rasu iebsa, imma għax dak li kien jemmen fih emmnu bis-sħiħ u baqa’ jemmen fih anke quddiem it-theddida tal-mewt, li fl-aħħar spiċċa biex tawhielu għall-mewt, bħal-lum, it-23 ta’ Mejju 1498.

Ħajtu
Savonarola twieled fil-21 ta’ Settembru tas-sena 1452 fil-belt ta’ Ferrara, fl-Emilia Romagna li llum tagħmel parti mill-istat Taljan. Missieru kien Niccolò Savonarola u ommu kienet Elena Bonaccorsi. Nannuh Michele, missier missieru, ħa ħsieb li jgħallmu kemm jista’ Dan in-nannu kien bniedem ta’ edukazzjoni kbira, ta’ morali kif ukoll ta’ fidi qawwija.

Ta’ 22 sena, Ġilormu ħalla dar missieru kif ukoll belt twelidu u mar Bologna fejn fl-24 ta’ April 1452 ingħaqad mal-patrijiet Dumnikani. Hemmhekk huwa kompa l-istudji tiegħu u speċjalizza fl-istudji tal-Kotba Mqaddsa. Huwa bħala Dumnikan, studja fid-dettall il-kitbiet ta’ San Tumas ta’ Aquino. Mar jgħallem f’belt twelidu sakemm is-superjuri tiegħu bagħtuh Firenze biex ikun lettur fil-kunvent ta’ San Mark. Kienet is-sena 1482 meta dan il-patri beda jagħmel parti mill-komunità tad-Dumnikani ta’ dan il-kunvent, li tajjeb ngħidu li għadu jintuża jeżisti sal-lum bħala kunvent tad-Dumnikani u m’huwiex il-kunvent waħdieni li dawn il-patrijiet għandhom fil-belt ta’ Firenze. Hemmhekk beda jieħu l-fama ta’ bniedem ta’ qdusija. Fil-prietki tiegħu jingħad li għall-ewwel, ftit li xejn kien jolqot nies sakemm beda jitkellem dwar il-bżonn li l-Knisja Kattolika tirriforma ruħha għax inkella kienet sejra tbati ħafna. Fl-1487 reġa’ kien imsejjaħ Bologna sabiex jgħallem hemmhekk. Sena wara huwa reġa’ kien assenjat Firenze. Jingħad li dan it-trasferament sar wara insistenza li għamel Lorenzo De Medici. Minn hawn jingħad ukoll li bdiet rivalità bejn Savonarola u De Medici.

Bla ħajta fi lsienu
L-esekuzzjoni ta' Savonarola u sħabu
Kieku kellna nużaw frażi Maltija biex infissru lil dan il-patri konna ngħidu li ma kellux ħajta fi lsienu għax dak li kien jara ħażin kien jitkellem dwaru bla ma jħares lejn wiċċ ħadd. Huwa kien jitkellem kontra l-gvernijiet korrotti ta’ żmienu u ma ħasibiex darbtejn biex jikkundanna l-ħajja laxka u skandaluża li kien jgħix il-Papa. Dak iż-żmien il-Knisja Kattolika kienet immexxija mill-Papa Alessandru VI li tela’ fuq it-tron ta’ Pietru fl-1492 meta Savonarola kien fl-aqwa tat-tagħlim u l-prietki tiegħu. Dan il-papa kien ġej mill-familja Borgia. Borgia kien Spanjol li ismu eżatt kien Rodrigo de Borja li għażel l-isem ta’ Alessandru meta sfaċċatament xtara l-konklavi biex laħaq papa. Kunjomu bit-Taljan beda jikiteb Borgia minflok Borja. Dan Kien żmien mill-aktar ikrah għall-Knisja għax minbarra s-simonija,  jiġifieri xiri ta’ titli jew karigi fi ħdan il-Knisja, Ruma nbidlet minn belt qaddisa f’belt tad-dnub li aktar tard Martinu Luteru wasal biex isejħilha Sodoma.

Plakka fi Piazza Sinioria li tfakkar mewt Savonarola
Sodoma hija belt li flimkien ma’ Gomorra jissemmew fil-ktieb tal-Ġenesi u f’kotba oħra tal-Bibbja kif ukoll insibu isimhom fil-Kuran. Dawn kienu bliet fejn il-ħażen u d-dnub kienu jiffjorixxu u jirrenjaw fuq kollox.

Savonarola ħadha kemm felaħ kontra din is-sitwazzjoni fi ħdan il-Knisja tant li fl-1495 il-Papa sejjaħlu Ruma u wara waqqfu milli jkompli jipprietka. Issa hawn tajjeb ngħidu li l-Ordni li aħna nsejħu Patrijiet Dumnikani, li tiegħu Savonarola kien membru, huwa verament Ordni tal-Predikaturi, għalhekk meta Dumnikan ma tħallihx jipprietka tkun qed tneżżgħu mill-aktar ħaġa għażiża li għandu.
 
Stinat
Forsi jkun hawn min jaħseb li Savonarola kien raġel rasu iebsa u ma kienx jobdi l-ordnijiet tas-superjuri. Iżda tajjeb ngħidu li huwa ħadha konta s-superjur universali tal-Knisja minħabba l-ħajja laxka u skandaluża li kien jgħix u mhux biex jimpika. Baqa’ sod fil-morali tiegħu, morali li kien ħa sewwa mingħand nannuh Michele li kien l-ewwel għalliem tiegħu f’dar missieru f’Ferrara.

Monument ta' Savonarola f'Firenze
U għalfejn niskantaw b’dak li għamel Savaonarola? Forsi Kristu stess mhux hekk għamel? Ma ħadiex Kristu kontra l-gvernijiet korrotti, kontra l-mexxejja reliġjużi bħalma kienu l-Fariżej, tant li kemm-il darba kellu argumenti magħhom u spiċċa għajjarhom: oqbra mbajda? Ġilormu Savonarola għamel sewwasew bħall-imgħallem tiegħu.

Tmiem
Fit-12 ta’ Mejju 1497 il-Papa Alessandru skomunika lil dan id-Dumnikan u hedded lin-nies ta’ Firenze jekk jibqgħu jappoġġjawh. Żewġ Dumnikani oħra kienu dixxipli fidili tiegħu. Dawn kienu Fra Duminku u Fra Silvestru. Fit-23 ta’ Mejju 1498 dawn it-tliet patrijiet Dumnikani ġew mogħtija l-mewt f’nofs Piazza Signoria fiċ-ċentru ta’ Firenze. Huma ngħataw il-mewt bit-tgħallieq u ngħataw in-nar biex lanqas jibqa’ xejn minn ġisimhom biex lanqas relikwi ma jkun hemm. L-irmied ta’ dawn it-tliet martri xxerred fix-xmara Arno li nsibu fil-Belt ta’ Firenze.

Kien bħal lum li dan il-patri sab it-tmiem tiegħu. Patri li llum nafu li kellu raġun.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 23 ta' Mejju 2020





Nessun commento:

Posta un commento