Għadna kif bdejna dan ix-xaħar li bosta jqisuh bħala wieħed
mill-isbaħ xhur tas-sena. Ngħid għalija nħobbu ħafna dan ix-xahar, mhux biss
għax twelidt fih imma għax huwa axhar li la jħallik itterter bil-ksieħ u lanqas
joqtlok bis-sħana, għalkemm għandu ħabta jagħmel jiem b’riħ qawwi.
Xahar Marjan
Ix-xahar ta’ Mejju huwa meqjum mal-Insara kollha bħala
x-xahar tal-Madonna. Żmien ilu kull xahar kien marbut ma’ xi qaddis u minkejja
li Lulju, Awwissu u Ottubru wkoll kienu assoċjati mal-Madonna, taħt it-titli
tal-Karmnu, Santa Marija u tar-Rużarju, Mejju kien iddedikat għal Madonna taħt
l-ebda titlu. Tassew li Madonna waħda hawn, imma aħna l-bnedmin noħolqu titli
fuq titli u festi fuq festi, insomma. Biex ngħidu d-dritt kull jum tal-ġimgħa
kellu xi qaddis għalih. Qed nitkellem għal żmien il-bużnanna tiegħi, li
minkejja li twieldet lejn tmiem is-seklu XIX, meta l-edukazzjoni ma kinitx
obbligatorja u meta l-mara xogħolha kien mill-għatba ’l ġewwa, xorta kienet taf
taqra u tikteb.
Il-Poeta Nazzjonali ta’ art twelidna kiteb innu lill-Madonna
li magħha propju huwa marbut dan ix-xahar. Bla dubju tafu li qed nirreferi
għall-innu li jġib l-isem “Fil-ħlewwa ta’ Mejju”. Dan l-innu jfakkarni fi
ċkuniti, meta kont għadni mmur l-iskola primarja u ta’ kull filgħodu qabel
nibdew il-lezzjonijiet konna niltaqgħu l-iskola kollha fil-bitħa, bl-għalliem
fuq quddiem u bl-istudenti tnejn tnejn warajh iħarsu kollha lejn is-surmast.
Din konna nsejħulha l-assembly. Ta’ kuljum konna ngħidu t-talba u nkantaw l-innu
ta’ filgħodu imma fix-xahar ta’ Mejju konna nkantaw ukoll silta minn dan
l-innu. Wara s-surmast kien isellmilna billi jgħidilna “Good Morning” u aħna
nweġbuh bl-istess tislima u mmorru klassi
wara klassi biex nibdew il-lezzjonijiet. Illum mhux biss ma jitkantawx innijiet
filgħodu imma niddubita kemm għadu jsir l-assembly fl-iskejjel!
L-awtur
Tajjeb ngħidu xi ħaġa ħafifa dwar l-awtur ta’ dawn iż-żewġ
innijet li għadni kemm semmejt. Inċidentalment huwa l-istess wieħed, Dun Karm Psaila,
li diġa rriferejt għalih bħala l-Poeta Nazzjonali tagħna. Billi kien saċerdot
kelli sens ta’ devozzjoni kbira anke f’kitbietu. Ħaġa li meta kbirt dejjem
impressjonatni hija li fl-innu lill-Madonna huwa jsejjaħilha bħala “L-omm ta’
min ħalqek”. Personalment dan il-kliem jisboq bil-wisq dak li sejħilha Dante
Aleghieri fid-Divina Commedia: “Vergine
Madre, figlia del tuo figlio” – Omm verġni, bint l-iben tiegħek. (Paradiso
Canto XXXIII Vers I) Ma rridx nipparaguna jew niżen lil dawn iż-żewġ poeti kbar
għax il-paraguni għodjużi jgħidu, imma rrid nuri li l-Poeta Nazzjonali tagħna
kellu sens spiritwali għoli bħalma kellu wkoll il-Poeta Nazzjonali Taljan.
Intant, Dun Karm kien ukoll l-awtur ta’ bosta inijiet
reliġjużi oħra. Bosta drabi dan kien jikteb il-versi u s-Surmast Giuseppe Caruana
kien jikkomponi l-mużika. Hekk ġara fiż-żewġ innijet li semmejt diġa kif ukoll
fl-Innu ta’ Filgħaxija, Tina l-Ħlewwa u Nadurawk ja Ħobż tas-Sema fost oħrajn.
La qed insemmi dan l-innu, (Nadurawk ja Ħobż tas-sema) ngħid
li dan inkiteb bit-Taljan bħala innu għall-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali
li kien sar f’Malta fis-sena 1913. Kien fl-1924 li dan l-innu nqaleb bil-Malti
minn Dun Karm stess. Jiddispjaċini li bosta drabi smajtu jindaqq l-Italja minn
xi baned u ħarist lejn il-partitura u la isem Dun Karm u lanqas isem is-Surmast
Caruana ma kienu jidhru. Kien ikun hemm isem min jagħmel l-arranġament.
Ma nistax ma nsemmix li Dun Karm kiteb l-Innu Malti, li ma
kienx intenzjonat li jkun l-Innu Nazzjonali iżda innu għall-istudenti Maltin.
Dan l-innu li nkiteb fl-1922 ma għandux il-mużika ta’ Caruana imma tas-Surmast
Robert Samut.
Il poeta
Dun Karm ma kitibx biss innijet imma ħafna poeżiji. Għalija,
waħda mill-isbaħ poeżiji tiegħu ġġib l-isem “Żjara lil Ġesù”, poeżija twila li
ġieli kienet ukoll fis-sillabus tal-eżami tal-matrikola tal-Malti. Ma nafx
għalfejn imma nħossni nissaħħar kull meta naqra din il-poeżija li silta minnha
ridt li tiġi stampata fuq is-santa tal-mewt ta’ ommi, sewwasew dik is-silta
fejn l-awtur isemmi lil ommu.
Ktibt fuq dak li kiteb dan il-poeta u ma ktibt xejn dwaru.
Mhux sew!
Dun Karm Psaila twieled ġewwa Ħaż-Żebbuġ fl-1871. Daħal
is-seminarju u kien ordnat saċerdot fl-1894. Wara li qaddes beda jgħallem
fis-seminarju tal-Isqof. Għal xi żmien mar joqgħod fil-Belt Valletta u wara mar
f’Tas-Sliema. Għamel żmien jaħdem fil-Bibljoteka Nazzjonali fejn aktar tħabbeb
mal-kitba u l-poeżija. Kiseb bosta premjijiet jew unuri letterarji mhux biss
lokali. Huwa miet fl-1961, eżatt ħamest ijiem qabel ma għalaq id-disgħin sena.
Huwa jinsab midfun f’kappella ġewwa ċ-Ċimiterju Qalb ta’ Ġesù f’raħal twelidu. Fil-Furjana,
qrib il-munument tal-gwerra nsibu l-monument ta’ Dun Karm Psaila.
U żgur li mhux Fil-Ħlewwa ta’ Mejju biss kiteb Dun Karm!
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 2 ta' Mejju 2020
Nessun commento:
Posta un commento