Bħalissa żgur lkoll kemm aħna qegħdin ngħaddu ħafna u ħafna
aktar ħin bejn il-ħitan tad-dar, irridu jew ma rridux. Bħalissa mhux ser mmorru
xi attività, mhux ser nattendu xi funzjoni, lanqas quddiesa ma nistgħu mmorru. Bħalissa
żgur li mhux iż-żmien li nsiefru u nħallu xtutna. Lanqas stess kieku rridu ma
nistgħu nagħmlu ħaġa bħal din għax kemm l-ajru kif ukoll il-portijiet tagħna
huma magħluqin.
Biss billi qegħdin f’din il-qagħda ma jfissirx li ser
nibqgħu hekk għal dejjem. Għad jiġi żmien ieħor, għad jiġi żmien isbaħ, għad
jiġi żmien fejn inħarsu lura u naraw dawn ix-xhur koroh li għaddejjin minn
fuqna bħala xi ħaġa tal-passat. Min jaf dawk it-tfal tal-lum kemm għad iridu
jirrakkuntaw lill-uliedhom. Min jaf dawk il-koppji żgħażagħ kemm għad iridu jirrakkuntaw
stejjer dwar dan iż-żmien lil ulied uliedhom, sewwaserw kif in-nanniet tagħna
kienu jirrakkuntaw l-istejjer tat-tieni
gwerra dinjija lilna.
Ħafna ħin id-dar
Int min int, inti ta’ liema kategorija jew triq fil-ħajja
int, żgur li bħalissa qed tqatta’ aktar ħin mis-soltu d-dar. Bil-fors għax
bħalissa attivitajiet fil-pajjiż ma hawn xejn. Fejn trid tmur? Fejn tista’
tmur? Imkien! Hemm ukoll min qed jaħdem mid-dar u għalhekk ma għandux għalfejn
jirfes mill-għatba ’l barra.
Il-Blelt Valletta - Vojta |
Ħalli nibda bl-ewwel riflessjoni tiegħi, propju dwar
ix-xogħol mid-dar. F’dawn il-ġimgħat indunajna li bosta minna jistgħu jkomplu
jagħmlu l-ħidma tagħhom bla ma jkun fiżikament fuq il-post tax-xogħol. Dan
għandu jiftaħ għajnejn ħafna ħaddiema li jistgħu jagħmlu xogħol minn darhom.
Hemm ħafna vantaġġi meta jsir dan it-tip ta’ xogħol. Ħa nipprova naħseb u
naqsam magħkom xi wħud minnhom. L-ewwel ħaġa jekk tkun se taħdem mid-dar ma
jkollokx għalfejn tqum kmieni biex ma tinqabadx fit-traffiku sakemm tasal
l-uffiċċju, tista’ torqod nofs siegħa oħra. Tista’ tibqa’ taħdem bil-ħwejjeġ
tad-dar kważi kważi anke b’dawk li torqod bihom. In-nisa ma għandhomx għalfejn
jagħmlu make up għax dawk li se jarawhom ikunu mdorrijin jarawhom bla żebgħa
ma’ wiċċhom u fuq kollox jistgħu jadattaw il-ħin tax-xogol huma stess, jistgħu
jagħmlu xi ħaġa oħra fl-istess ħin li jkunu qed jaħdmu mid-dar, bħal per eżepju
jsajru, sakemm ma jaħarqux il-borma. Ma’ dan inżid li l-karozza tista’ tibqa’
fil-garage jew quddiem id-dar u b’hekk tnaqqas il-konsum ta’ fuel u tnaqqas
ukoll it-tniġġiż.
Nemmen li ta’ min din il-ħaġa jikkonsidraha bis-serjetà u la
jgħaddi kollox b’wiċċ il-ġid ma nerġgħux lura għal dak li konna fih sa Jannar
jew nofs Frar li għadda. Tajjeb li l-impjegat jitkellem ma’ min iħaddmu dwar
din il-possibilità u jara jekk tistax tiġi attwata.
Ovvjament hemm dawk ix-xogħlijiet li fihom ħaġa bħal din ma
tistax issir għax il-preżenza fiżika tal-impejgat hija neċessarja, imma jekk
ikollna imqar għoxrin fil-mija tal-ħaddiema Maltin jaħdmu bit-teleworking ara
kemm se jonqsu karozzi mit-toroq u kemm inqas tniġġiż u kemm aktar kumdità għal
min jagħmel dan ix-xogħol.
Ma naħlux ħin
Qrajna li qed iħajruna nżommu dajru ta’ dak li qed nagħmlu
bħalissa waqt li ninsabu maqfulin f’darna. Jien li l-kitba ħija waħda
mid-delizji tiegħi nistqarr magħkom li bdejt insibha diffiċli nikteb dak li
nagħmel. Forsi minħabba s-sitwazzjoni xejn pjaċevoli li għaddejja minhom
id-dinja bħalissa. Bdejt minkejja li b’nofs qalb u jkolli ngħid li tant sibt
x’nikteb li wara ftti bdejt nieħu gost nikteb dak li ma jinteressa lil ħadd
ħliefi. Imma ’l quddiem forsi għad ikun ta’ interess għal ħaddieħor.
Lil hinn minn darna
Fil-bidu ta’ dan l-artiklu semmejt is-safar. Nistqarr mgħkom
li meta qed nikteb dan l-artiklu suppost qiegħed l-Italja, mhux b’vaganza imma
b’ħidma. Il-Covid 19 ċaħditni minn dan il-vjaġġ u minn din il-ħidma. Imma
ippermettuli naqsam magħkom ukoll din ir-riflessjoni kemmxejn kerha: U din
l-imxija qed iċċaħħad tant nies minn mewt madwar il-maħbubin tal-persuna, iċċaħħdet
difna diċenti lil tant eluf madwar id-dinja, se taqa’ d-dinja għax ċaħħdet lili
milli mmur ġimgħa l-Italja b’xogħol?
L-aħħar riflessjoni tiegħi hi din: Tassew li bħalissa
ninsabu maqfulin bla ħtija u ħaġa bħal din iġġib stress u tbatija mentali, imma
nafu li għad jiġi żmien li l-ġurnata tal-lum tkun tagħmel mal-passat, ix-xhur
ta’ issa għad ikunu biss memorji, anke jekk xejn sbieħ. Mela ejjew inħarsu
b’ottimiżmu lejn il-ġejjieni u nippjanaw fejn se mmorr, mhux bil-fors lil hinn minn xtutna, ladarba jgħaddi kollox,
la nkunu ħielsa mmorru fejn irridu, la l-mitjar jerġa’ jieħul- ħajja u la
l-port jerġa’ jibda jilqa’ fih vapuri ġejjin u sejrin.
Dawn huma ftit mir-riflessjonijiet li għamilt waqt li ninsab
bejn erba’ ħitan u ridt naqsamhom magħkom.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 25 ta' April 2020
Nessun commento:
Posta un commento