Ninsabu bejn wieħed u ieħor f’nofs
ix-xahar ta’ April.
Meta wieħed ikun għaddej minn
żminijiet bħal dawn li qegħdin għaddejjin minnhom bħalissa, dak li jkun ikollu
ħafna ħin għalih innifsu għaliex l-attivitajiet li konna nimlew il-ħajja tagħna
bihom sa ftit ġimgħat ilu waqqfu għal għarrieda. Meta bniedem ikun f’dan
l-istat il-moħħ xorta waħda jibqa’ għaddej bil-ħsibijiet tiegħu. U hekk ġrali
jien, illum moħħi beda jgħidli biex nikteb xi ħaġa dwar dan ix-xahar li qegħdin
fih – April.
Ftit tagħrif
Fil-kalendarju Gregorjan, dak li
nużaw aħna u l-parti l-kbira tal-kumplament tad-dinja, ix-xahar ta’ April huwa
r-raba’ wieħed, bħalma kien ukoll fil-kalendarju li kienet tuża d-dinja qabel,
dak li jissejjaħ il-kalendarju Ġuljan, iżda dan mhux dejjem kien hekk. Qabel ma Ġulju Ċesari, għall-ħabta tas-sena 46
qabel Kristu biddel il-kalendarju (dak li jissejjaħ Ġuljan li għadna kemm
semmejna) kien jeżisti l-kalendarju Ruman. Dan il-kalendarju tbiddel jew aħjar
kien aġġornat kemm-il darba. F’verżjoni antika ta’dan il-kalendarju x-xahar ta’
April kien jiġi t-tieni wieħed u kien fih tletin jum. Għall-ħabta tas-sena 450
qabel Kristu dan il-kalendarju kien aġġornat u Jannar sar l-ewwel xahar
tas-sena u April ir-raba’ wieħed, biss issa ma baqax bi 30 ġurnata imma
tnaqqsitlu waħda. Kien il-kalendarju ta’ Ġulju Ċesari li reġa’ ta lura dak il-jum
li kien tnaqqasslu dan ix-xahar. Mal-qalba għall-kalendarju Gregorjan fl-1582
dan ix-xahar baqa’ r-raba’ wieħed u baqa’ wkoll bi 30 ġurnata.
Isem
Afrodite |
L-isem ta’ dan ix-xahar hemm min
isostni li ġej mill-kelma latina “aperit” li tfisser li tiftaħ. Huwa kkunsidrat
li April huwa x-xahar tal-istaġun tat-tkabbir u meta s-siġar u l-fjuri jibdew jagħtu
l-ewwel inwar tagħhom. Huwa maħsub ukoll li l-isem tax-xahar ġej mill-isem tal-alla
Griega, Afrodite (Aphros).
Tajjeb hawnhekk nagħmlu parentesi
ċkejkna. L-alla Afrodite fid-dinja Griega antika kienet l-alla tas-sbuħija,
l-alla tal-imħabba, tat-tnissil u tar-rebbiegħa. Bla ma rridu naraw li hemm
bosta ħwejjeġ li jorbtu lil din l-alla tal-mitoloġija ma’ dan ix-xahar għaliex
in-natura terġa’ tilbes is-sbuħija tagħha wara l-jiem xitwin u qabel ix-xhur
kiefra tas-sajf kif ukoll huwa xaħar li fih jitnisslu bosta annimali. Fejn
tidħol l-imħabba dan ix-xahar huwa wkoll sinonimu, biżżejjed ngħid il-kliem “April
Love” u niftakru kemm f’diska kif ukoll fil-film li jġibu dan l-isem.
Kurżità
April huwa marbut mar-rebbiegħa
għalina li noqgħodu f’din ix-xaqliba tad-dinja, imma tajjeb niftakru li mhux
għal kulħadd hu hekk. Ix-xaqliba l-oħra tad-dinja, biex nifthemu sewwa, in-naħa
tal-Awstralja, April jiġi f’nofs il-ħarifa.
Fis-snin mhux bisestili April
jibda fl-istess jum li jibda Lulju u jintemm fl-istess jum li jintemm Diċembru.
F’sena bisestili, bħalma hija s-sena li qegħdin fiha, April jibda dejjem bħal
Jannar, fil-fatt din is-sena Jannar u April bdew it-tnejn li huma fil-jum tal-Erbgħa.
Is-sena l-oħra u s-sena d-dieħla ma jkunx hekk.
Tal-boloh
Hawn min isejjaħ dan ix-xahar
bħala x-xahar tal-boloh għax fl-ewwel jum tiegħu isir ħafna ċajt. Din id-drawwa
fostna l-Maltin hawn min isejħilha l-Ġifa, fl-Ingiletrra tissejjaħ April fool u
fl-Italja Pesce d’April. Dan biss ukoll jurina li din id-drawwa ma hijiex xi
ħaġa tagħna l-Maltin biss imma hija mifruxa wkoll il bogħod minn xtutna u
aktarx li aħna ħadna din id-drawwa minnhom. Isir bosta ċajt f’dan il-jum anke
minn entitajiet li ma tkunx qed tistennieha minnhom, U iva, għal-lum ma jiġri
xejn billi niċċajtaw ftit. Imma jkolli ngħid li ħtija ta’ din il-ħaġa April ħa
laqam li ma jixraqlu wisq. Għandek tgħid kulħadd xortih fid-dinja, ta’ min tkun
tajba u ta’ min tkun ħażina!
Żewġt iqwiel
La qed insemmu x-xorti ta’ dan
ix-xahar ħalli nsemmi wkoll qawl Malti li wkoll juri kemm dan l-povru xahar ma tanx għandu wisq xortih tajba. Dan il-qawl
jgħid li April jagħmel il-fjuri u Mejju jieħu l-unuri. Ma hemmx wisq bżonn ta’
spjegazzjoni għal dan il-qawl għax jitkellem waħdu.
Qawl ieħor li jsemmi dan ix-xahar
ibiddel ftit mix-xorti kerha li jorbotlu miegħu dan li semmejna. Dan il-qawl
jgħid li "Ħruġ Marzu dħul April,ix-xita karru deheb fin". Hawn ukoll ma hemmx bżonn wisq ta’
spejgazzjoni. F’dawn iż-żewġt iqwiel naraw il-pożitività li jorbot miegħu
ix-xahar li jiġi qablu u n-negattività li hemm fil-qawl l-ieħor li jsemmi x-xahar
ta’ wara April.
April ta’ din is-sena fih il-karatteristiċi
kollha ta’ kull April ieħor li ġie qablu, imma għalina li qegħdin ngħixu dawn
il-ġimgħat xejn sbieħ se jibqa’ mfakkar bħala xahar li fih issakkarna ġewwa.
Imma l-ħin li għaddejna msakkarin ġewwa djarna żgur mhux ħin moħli, ħin mitluf.
Dan huwa żmien li tista’ ssib x’tagħmel bħalma sibt jien u ktibt fuq dan ix-xahar.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 18 ta' April 2020
Nessun commento:
Posta un commento