Visualizzazione post con etichetta madonna. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta madonna. Mostra tutti i post

sabato 26 ottobre 2024

Il-Madonna ta’ La Salette

 

Id-dehra Marjana li seħħet fl-1846 ġewwa La Salette, raħal fuq il-muntanji fix-xlokk ta’ Franza, saret lil żewġt itfal, tifel ta’ ħdax-il sena u Mélanie Calvat tifla ta’ erbatax-il sena. Minkejja li din id-dehra hija approvata mill-Knisja, hawn ħafna li ma jafux biha.

It-tfal

Iż-żewġt itfal tad-dehra kienu mir-raħal ta’ Corps, qrib Grenoble u kienu jirgħu l-merħla ta’ raħħal sinjur biex jaqilgħu xi ħaġa għall-familji tagħhom. Kienu jieħdu l-merħla fuq il-muntanja Sous-Les Baisses f’La Salette, li huwa qrib Corps. Kien hemmhekk li fid-19 ta’ Settembru tas-sena 1846 kellhom dehra sopranaturali.

Waqt li kienu fuq xogħolhom, it-tfal qalu li lemħu raġġ ta’ dawl imbagħad mara bilqegħda fuq blata, b’minkbejha fuq irkupptejha u bil-pali ta’ jdejha tgħatti wiċċha mbikki. Il-mara kienet liebsa libsa bajda bil-perli u kellha fardal lewn id-deheb u xall abjad fuq spallejha. Kellha żarbun abjad u madwar saqajha kien hemm il-ward. Fuq rasha kellha bħal kuruna. Madwar għonqha kellha ġiżirana b’kurċifiss imdendel magħha. Fis-salib kien hemm martell u tnalja u l-figura ta’ Kristu msallab kienet tiddi ħafna.

Id-dehra

Meta kellmet lit-tfal il-mara kompliet tibki u tolfoq. L-ewwel bdiet titkellem bil-Franċiż iżda mbagħad bdiet tkellimhom bid-djalett Oċċitan, li bih kienu jitkellmu t-tfal. Il-mara tat sigriet lit-tifel u ieħor lit-tifla u mbagħad qamet, imxiet lejn il-muntanja u għabet. L-għada dan ir-rakkont inkiteb u ġie ffrimat miż-żewġt itfal u minn dawk li kienu semgħu din l-istorja.

It-tfal qalu li waqt l-ilfieq, il-mara qaltilhom li jekk il-poplu ma jindimx u jerġa’ lura lejn it-triq it-tajba, ma tistax tibqa’ żżomm id-driegħ ta’ Binha milli jikkastiga. Hi qaltilhom li titlob bla waqfien lil binha biex ikollu ħniena, iżda n-nies ma tridx taf, tadem nhar ta’ Ħadd u tidgħi. Hija qalet li se jkun hemm kastigi minħabba dawn id-dnubiet, fosthom qerda tal-uċuħ tar-raba’ l-aktar il-patata. Ix-xitwa ta’ wara, jiġifieri dik ta’ bejn l-1846 u 1847 kienet waħda iebsa għall-Ewropa l-aktar għal Franza u l-Irlanda fejn kien hemm ħafna ġuħ. Is-sigrieti li tat lit-tfal ma kellhomx jixxandru iżda dawn aktar tard intqalu lil Papa Piju IX.

Sigrieti

Skont Mélanie Calvat is-sigriet li qaltilha l-mara tad-dehra huwa dan: Jekk in-nies ser tibqa’ taħdem fil-jum tal-Ħadd u ser tibqa’ tidgħi u toffendi lil Alla, se jiġi żmien li d-dinja ssir skjava tad-dimonju. Pariġi se tiċċappas b’kull xorta ta’ atti kriminali u Marsilja ma ddumx ma tgħib ukoll. Il-Papa jkun ippersegwitat minn kullimkien, jisparaw lejh, ikunu jridu joqtluh, iżda ħadd ma jista’ joqtol il-Viġarju ta’ Kristu fid-dinja u fl-aħħar joħroġ rebbieħ. Is-saċerdoti u s-sorijiet li jkunu verament qaddejja ta’ ibni jkunu ppersegwitati u xi wħud ukoll maqtulin minħabba twemminhom. Jiġi żmien ta’ ġuħ. Wara li jiġri dan kollu jkun hemm bosta li jindunaw, jiftħu għajnejhom u jikkonvertu. Dan kollu ma jdumx ma jseħħ, ma jgħaddux ħamsin sena darbtejn.

Skont Maximin Giraud is-sigriet ma kienx iebes daqs ta’ Mélanie. Huwa stqarr hekk: Jekk in-nies sejra tibqa’ hekk, dak li qed ngħidlek ma jdumx ma jseħħ, jekk jinbidlu jasal aktar tard. Franza qerdet l-univers u għad tkun ikkastigata fuq dan. Franza titlef il-fidi, tliet kwarti tal-Franċiżi ma jibqgħux iħaddnu u jipprattikaw il-fidi u l-kwart l-ieħor iħaddnuha bla ma jipprattikawha. Wara li l-pajjiżi jikkonvertu terġa’ tasal il-ħniena ta’ Alla fid-dinja kollha. Pajjiż kbira ’il fuq minn Franza, li llum huwa Protestant għad jikkonverti u d-dinja kollha tikkonverti, iżda sakemm iseħħ dan għad ikun hawn taħwid kbir kemm fil-Knisja u kullimkien. Il-Papa jkun ippersegwitat u s-suċċessur tiegħu jkun Papa li ħadd qatt ma jkun basar. Wara dan jirrenja s-sliem, iżda ma jdumx wisq. Iqum monstru biex itellef dan is-sliem. Dan kollu jasal fuq il-pajjiż u fid-dinja tal-anqas sas-sena 2000.

Il-messaġġ

It-tfal sabu oppożizzjoni kbira meta bdew ixerrdu l-messaġġ tal-Madonna, iżda huma baqgħu jxanduh. Sal-isqof stess ma kienx wisq favur li jibdew l-investigazzjonijiet dwar id-dehra iżda wara erba’ snin twaqqfu żewġ kummissjonijiet biex  jistħarrġu sewwa d-dehra.  Fl-1855 l-Isqof ta’ Grenoble iddikkjara li d-dehra kienet seħħet tassew u għalhekk awtorizza il-kult tal-Madonna ta’ La Salette.

Maximin għadda ħajja mhux wisq stabbli. Ipprova l-ħajja reliġjuża u daħal f’seminarju iżda dik ma kinitx it-triq għalih. Ħadem bħala spiżjar. Reġa’ lura f’Corps fejn miet fl-1 ta’ Marzu 1875 meta lanqas kellu 40 sena. Mélanie wara d-dehra daħlet soru u ħadet l-isem ta’ Sor Marija tas-Salib. Ħadmet ħafna kemm fi Franza kif ukoll fl-Ingilterra, fil-Greċja u fl-Italja. L-aħħar snin ta’ ħajjitha għaddiethom ġewwa Altamura fil-Puglia, l-Italja. Hemmhekk bi ftehim mal-isqof, ħadd ma kien jaf min hi. Hija mietet fil-lejl ta’ bejn it-13 u l-14 ta’ Diċembru tas-sena 1904 fl-età ta’ 73 sena.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 26 ta' Ottubru 2024



venerdì 15 settembre 2023

Iċ-ċurkett tat-tieġ tal-Madonna - 2

 

It-tieni parti

 

Il-ġimgħa l-oħra bdejt nagħtikom xi tagħrif dwar relikwija li nsibu fil-katidral ta’ Perugia l-Italja, relikwija li jingħad li hija ċ-ċurkett taż-żwieġ li San Ġużepp kien ta lil Marija. Rajna l-istorja kif wasal sal-post fejn qiegħed illum. Illum inkomplu naraw aktar dwar dan iċ-ċurkett.

Iċ-Ċurkett Imqaddes

F'konformità mal-ħajja umli ta' Marija u Ġużeppi, is-Santo Anello mhuwiex xi ċurkett elaborat miksi b'ġojjelli. Huwa ċurkett magħmul minn ħaġra semi prezjuża sabiħa li tidher bajda daqs il-ħalib fid-dawl tax-xemx. It-tip ta’ ħaġra hija Kalċedonja (Chalcedony). Il-Katidral ta’ San Lawrenz ta’ Perugia rrapporta li analiżi ġemoloġika fl-2004 iddeterminat li ċ-ċurkett huwa tal-ħaġar Kalċedonja u “meta wieħed iqis il-karatteristiċi kollha, jidher li probabilment imur lura għall-ewwel seklu, u aktar iva milli le ġej mill-Lvant .”

Lura f’Perugia, mill-1517, dan iċ-ċurkett Imqaddes, jew aħjar is-Santo Anello, inżamm fl-istess relikwarju tad-deheb u tal-fidda mfassal apposta għalih mill-arġentiera Federico del Roscetto u ibnu Cesarino. Ir-relikwarju qisu ostensorju, b'tinqix, figuri u ornamenti. Huwa fost l-isbaħ opri ta' xogħlijiet tal-arġentiera Rinaxximentali Taljani.

Iċ-Ċurkett Imqaddes jidher imdendel ġewwa r-relikwarju ma’ kuruna tal-fidda ndurata bid-deheb li saret fl-1716. Matul il-biċċa l-kbira tas-sena, ir-relikwarju ikun merugħ f'żewġ kaxxaforti tal-ħadid u tal-injam 'il fuq mill-artal tal-kappella u jibqa’ wara l-purtieri. Minħabba l-protezzjoni kbira, jeħtieġu 14-il ċavetta biex jinfetaħ il-kaxxaforti. Iċ-ċwievet tiegħu jinżammu minn erba’ istituzzjonijiet differenti, reliġjużi u muniċipali. Meta ċ-Ċurkett Imqaddes ikun għall-qima, ir-relikwarju jitbaxxa fuq l-artal permezz ta’ apparat li ġie nstallat fis-seklu 18. Din il-wirja uffiċjali taċ-Ċurkett Imqaddes issir darbtejn fis-sena f’okkażjonijiet uffiċjali. L-ewwel darba hija bejn id-29 u t-30 ta’ Lulju, id-data li s-Santo Anello ġie trasferit mill-kappella fil-palazz għall-kappella fil-katidral fl-1488. It-tieni darba tkun fit-12 ta’ Settembru, it-tifkira tal-Isem Imqaddes ta’ Marija. L-ewwel dati għandhom x'jaqsmu maż-żewġ viżjonijiet tal-Beata Anna Katarina, li seħħew fid-29 ta' Lulju u fit-3 ta' Awwissu. Lejn l-aħħar ta’ Lulju, gruppi kbar ta’ koppji, miżżewġin jew li dalwaqt se jiżżewġu, jiġu biex iqimu ċ-ċurkett. Il-koppji jitħallew imissu ċ-ċrieket tat-tieġ tagħhom mas-Santo Anello biex jirċievu barka fuq iż-żwieġ tagħhom. Il-Beata Anna Katarina milli jidher kienet rat dan iseħħ fil-viżjonijiet tagħha! Iċ-Ċurkett Imqaddes kultant jintwera xi drabi oħra marbuta ma’ avvenimenti partikolari tal-Knisja ta’ Perugia.

Fl-aħħar nett

Il-kappella tal-katidral fejn insibu ċ-ċurkett fiha l-pittura taż-żwieġ tal-Verġni, li saret fl-1825 minn Jean-Baptiste Wicar. Iżda dan ma kienx l-il-kwadru oriġinali. Il-pittura oriġinali fil-Cappella del Santo Anello, kienet tpittret minn Pietro Vannucci, magħruf bħala il-Perugino fil-bidu tas-seklu XVI, ftit snin wara li ċ-Ċurkett Imqaddes inġieb fil-katidral. Hemm xebh kbir bejn dan il-kwadru u dak aktar magħruf u popolari, li wkoll juri ż-żwieġ tal-Verġni, xogħol ta’ Raffaello, li tlesta kważi fl-istess żmien, fl-1504 — it-tnejn juru lil Ġużeppi se jpoġġi ċ-ċurkett tat-tieġ fuq suba’ Marija f’xena kważi identika. Huwa maħsub li Raffaello kien ispirat mix-xogħol ta’ Perugino biex jagħmel il-verżjoni tiegħu. Il-pittura ta’ Perugino ġiet meħuda mit-truppi ta’ Napuljun Bonaparti fl-1798 u issa tinsab ġewwa l-Musée des Beaux-Arts f’Caen, fi Franza. Fil-bidu tal-2023 dan il-kwadru ttieħed minn Franza għal Perugia biex jiġi esebit għal ftit xhur billi kien jaħbat il-ħames ċentinarju mill-mewt ta’ dan il-pittur.

Il-katidral jgħid li dan iċ-ċurkett sar “simbolu” li jirreferi għall-okkażjoni storika taż-żwieġ ta’ Ġużeppi u Marija, benniena u kustodja tal-misteru tal-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla, għal min jemmen, għajn ta’ grazzja u barka. Għalhekk il-katidral ta’ Perugia, f’kontinwità mat-tradizzjoni nobbli li akkumpanjat il-protezzjoni ta’ dan il-ġojjell matul is-sekli, iżommu b’għożża kbira u joffrih għall-qima, f’okkażjonijiet speċjali, bħala  tifkira tas-sehem tal-għaqda ta’ Marija u Ġużeppi fil-misteru tal-Inkarnazzjoni, kif ukoll bħala sinjal ta’ fedeltà matrimonjali, li tagħmel kull żwieġ is-simbolu tal-imħabba ta’ Alla għall-umanità, għajn ta’ frott u ta’ ħajja.

Imma veru?

Żgur li ħafna jistaqsu dwar kemm tabilħaqq dan iċ-ċurkett huwa awtentiku, kemm verament huwa dak li kien intuża minn Ġużeppi meta żżewweġ lil Marija. Temmen jew ma temminx xejn ma jnaqqas il-fidi tiegħek, din mhux xi domma ta’ fidi. Biss li huwa żgur hu li hemm devozzjoni qawwija lejh u hemm ukoll dak li kienet kitbet dwaru l-Beata Anna Katarina Emmerich, li semmejna fl-artiklu tal-ġimgħa l-oħra.

Il-mistoqsija tibqa’ dejjem: “Imma dan huwa veru l-liżar li fih tkeffen Ġesù?” Il-fidi tagħna ma għandhiex tkun ibbażata fuq affarijiet li naraw b’għajnejna jew immissu b’idejna. Dawn jistgħu biss jgħinuna fil-fidi tagħna imma qatt ma għandhom ikunu l-bażi tat-twemmin. Niftakru dejjem x’kien qal il-kittieb u l-ekonomista Stuard Chase: “Għal dawk li jemmnu, m’hemmx bżonn ta’ prova. Għal dawk li ma jemmnux, l-ebda prova mhi biżżejjed."

 

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 16 ta' Settembru 2023



sabato 9 settembre 2023

Iċ-ċurkett tat-tieġ tal-Madonna - 1

 

L-ewwel parti

Kull nhar id-29 ta’ Lulju u t-12 ta’ Settembru, ħafna pellegrini jżuru l-Katidral ta’ San Lawrenz f’Perugia, l-Italja, biex jaraw u jqimu oġġett sagru — relikwa li jingħad li hija ċ-ċurkett tat-tieġ tal-Madonna. Għalkemm ir-residenti ta’ Perugia kienu jafu b’dan iċ-ċurkett għal mijiet ta’ snin, dawk minn barra l-belt ma kinux jafu bih sakemm kitbet dwaru l-Beata Anna Katarina Emmerich fis-seklu XIX. Din il-Beata twieldet fis-7 jew it-8 ta’ Settembru tas-sena 1774 fi Flamschen, il-Ġermanja u mietet f’Dülmen, il-Ġermanja stess nhar id-9 ta’ Frar, 1824. Kienet soru Agostinjana, mistika, viżjonarja u stigmatika. Mifnija fis-sodda għal ħafna snin, hija ddeskriviet viżjoni li kellha fid-29 ta’ Lulju, 1821:

“Rajt iċ-ċurkett tat-tieġ tal-Verġni Mbierka; la huwa tal-fidda u lanqas tad-deheb, u lanqas ta’ xi metall ieħor; mhuwiex ċurkett dejjaq jew irqiq, iżda pjuttost oħxon. Rajtu lixx u madankollu bħallikieku donnu miksi bi triangoli żgħar li fihom kien hemm xi ittri. Fuq ġewwa kien ċatt. Rajtu miżmum maqfulb’ħafna serraturi fi knisja sabiħa. Ħafna nies devoti li jkunu waslu biex jiżżewġu jieħdu ċ-ċrieket tat-tieġ tagħhom biex imissuh ma’ dan iċ-ċurkett.”

Kien taf li kien fi knisja fl-Italja imma ma kinitx taf liema waħda u qatt ma saret taf. Inqas minn ġimgħa wara, fit-3 ta’ Awwissu, il-Beata kellha viżjoni oħra taċ-ċurkett:

“Illum rajt festa fi knisja fl-Italja fejn hemm iċ-ċurkett tat-tieġ. Deherli li huwa mdendla f’tip ta’ ostensorju li kien fuq it-tabernaklu. Kien hemm artal kbir, imżejjen b’mod sabiħ ħafna. Rajt ħafna ċrieket jintmessu mal-ostensorju. Waqt il-festa, rajt lil Marija u lil Ġużeppi bil-ħwejjeġ tat-tieġ tagħhom fuq kull naħa taċ-ċurkett, bħallikieku Ġużeppi kien qiegħed ipoġġi ċ-ċurkett fuq suba’ l-Verġni Mbierka. Fl-istess ħin, rajt iċ-ċurkett jiddi u bħallikieku miexi.”

Il-Post taċ-Ċurkett

Fejn hu dan iċ-“Ċurkett Imqaddes,” li ma’ kulħadd huwa magħruf bħala s-Santo Anello, u tradizzjonalment meqjum bħala dak li San Ġużepp ta lil Marija fit-tieġ tagħhom? Huwa madwar 20 kilometru bogħod minn Assisi, sewwasew fil-belt ta’ Perugia. Hemmhekk, fil-Katidral ta’ San Lawrenz, ikkonsagrat fl-1118, insibu s-Santo Anello. Mill-1488, iċ-ċurkett tpoġġa f’kappella fil-katidral iddedikata lilu. Iżda l-istorja ta’ dan iċ-ċurkett tmur lura għal bosta sekli qabel.

Il-kappella mżejna b'mod elaborat kienet oriġinarjament iddedikata lil San Bernardinu ta' Siena, imbagħad kif kien xieraq ġiet iddedikata mill-ġdid lil San Ġużepp wara li l-festa tiegħu idaħħlet fil-kalendarju tal-belt fl-1479. Reġgħet ġiet iddedikata mill-ġdid għas-Santo Anello sena wara, fl-1488. Iċ-ċurkett kien ilu Perugia mill-1473 meta ttieħed mill-belt ta’ Chiusi, madwar 50 kilometru fil-Lbiċ ta’ Perugia, u ġie mogħti lill-maġistratura ta’ din il-belt. Dan kellu jitqiegħed fil-kappella fil-Palazzo dei Priori. B’tilwima bejn Chiusi u Perugia dwar liema post kien se jżomm iċ-Ċurkett Imqaddes, il-Papa Sistu IV qatagħha favur Perugia, fejn ġie meħud uffiċjalment mill-kappella tal-palazz għall-katidral.

Qabel

Qabel ma wasal Perugia, iċ-ċurkett kien jinstab Chiusi għal diversi sekli. Kitbiet mill-Kanċillier ta’ dik il-belt jirrapportaw li r-relikwa kienet ilha fil-belt għal 484 sena qabel ma ttieħdet minn hemm. Waqt li kien fi Chiusi ċ-ċurkett biddel postu aktar minn darba — il-Katidral ta’ San Secondiano fil-belt kien wieħed mill-postijiet, filwaqt li ieħor, b’ordni tal-isqof, kien il-knisja ta’ San Franġisk fl-1420. Imbagħad itieħed lejn Perugia.

F’nofs is-seklu XVIII, wieħed qassis skopra manuskritt  tas-seklu II fil-Biblioteca Angelica ta’ Ruma. Il-manuskritt jirrakkonta kif fis-sena 985, wieħed arġentier kien xtara dehbijiet prezzjużi mingħand wieħed Lhudi Ruman li kien għadu kif ġie lura mill-Lvant Nofsani. Wara x-xiri l-Lhudi ta ċurkett modest tal-ħaġar lill-arġentier u kif kien miktub fir-rakkont, qallu, “Dan hu ċ-ċurkett li bih Ġużeppi żżewweġ lil Marija ta’ Nazaret. Ġie mgħoddi lili mingħand missirijieti u għalkemm ħadd minnhom ma kien Nisrani, dejjem żammewh b’devozzjoni. Ilni żmien nixtieq nagħtih lill-Insara. U min aħjar minnek jista’ jżommu bl-għożża li tixraqlu? Poġġih f’post denju u kun devot lejh .” L-arġentier kien dubjuż dwar iċ-ċurkett għalhekk żammu merfugħ, iżda mbagħad seħħew ċirkustanzi meqjusa bħala mirakolużi — ibnu miet u mbagħad reġa’ ħa l-ħajja għal żmien qasir biex iwassallu messaġġ li ċ-ċurkett kien ġenwin. Din il-ħaġa kkonvinċietu u beda jemmen. Għalhekk huwa għaddieh lill-Knisja f’Chiusi.

Hemm ħafna aktar x’wieħed jgħid dwar dan iċ-ċurkett għalhekk ser inkompli nwasslilkom xi tagħrif dwaru il-ġimgħa d-dieħla.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 9 ta' Settembru 2023



sabato 7 gennaio 2023

Il-Madonna tal-Mellieħa

Kemm-il darba ngħaddu mir-raħal pittoresk tal-Mellieħa u naraw quddiemna dak is-santwarju fil-quċċata? Kemm naħsbu dwaru u dwar l-istorja antika li fih? Nibża’ li huma aktar Turisti li jafu dwaru milli aħna l-Maltin għalhekk tajjeb li llum ngħidu xi ħaġa fuq dan.


Devozzjonijiet

Pajjiżna għandu bosta devozzjonijiet partikolari lejn il-Madonna. Dawn imorru lura mijiet ta’ snin u llum nistgħu ngħidu li saru parti mill-patrimonju reliġjuż ta’ pajjiżna. Hawn bosta kappelli u knejjes iddedikati lill-Madonna ġewwa Malta u bosta minnhom għandhom xi devozzjoni speċjali, biss imbagħad hawn oħrajn li d-devozzjoni lejhom hija mifruxa ma’ Malta kollha bħalma hija propju d-devozzjoni lejn Il-Madonna hekk imsejħa tal-Mellieħa.

Il-Madonna tal-Mellieħa

It-tradizzjoni tgħidilna li d-devozzjoni lejn il-Madonna f’dan il-post bdiet mal-wasla tal-fidi Nisranija ġewwa artna. Tant hu hekk li din it-tradizzjoni tgħid li x-xbieha li hemm fl-għar tal-Madonna fil-Mellieħa, li nsibu sewwasew taħt il-knisja parrokkjali tal-post, kienet impittra minn San Luqa li wasal Malta nawfragat  fuq l-istess xini ma’ San Pawl madwar is-sena 60. Ma nafux minn ikkonsagrat dan il-għar u lanqas meta. Xi wħud jaħsbu kien ikkonsagrat minn San Pawl u xi oħrajn huma tal-fehma li l-konsagrazzjoni tiegħu saret minn San Publiju l-ewwel Isqof ta’ Malta. Imbagħad hemm oħrajn li jemmnu li dan kien ikkonsagarat fl-1090 mill-Konti Ruġġieru. Li nafu hu li reġa’  ġie kkonsagrat mill-Isqof Alferan De Bussan, fl-21 ta’ Mejju tal-1747.

Aktarx li dan is-Santwarju fil-bidu kien iddedikat lill-maternità tal-Madonna iżda wara l-Assedju l-Kbir, fl-1565, dan ġie ddedikat lit-twelid ta’ Marija Santissima, il-Bambina,  jew kif nafuha aħjar, il-Vitorja. Fl-1436 l-Isqof Senatore de Mello kiteb lista tal-għaxar parroċċi Maltin tal-kampanja li kienu jeżistu, il-Mellieħa kienet waħda minnhom. Kien f’dan is-Santwarju li twaqqfet il-paroċċa tal-Melliieħa li kellha t-territorju tagħha jmiss man-Naxxar u l-Mosta. Fl-1551 it-Torok ħabtu għal Malta u l-Mellieħa kienet fost l-aktar irħula li batiet. Wara dan l-attakk il-parroċċa kellha tingħalaq għaliex il-Mellieħa tbattlet min-nies minħabba l-biża’ ta’ aktar attakki.

Wara l-1565

Wara l-Assedju l-Kbir  is-sigurtà fuq xtajtna żdiedet u għalhekk in-nies reġgħu bdew imorru joqgħodu fil-Mellieħa. Fl-1584 beda jieħu ħsieb dan is-santwarju  wieħed patri Agostinjan li xerred bil-kbir id-devozzjoni lejn il-Madonna f’dan il-post. Fl-1587, is-santwarju għadda f’idejn Dun Bennard Cassar li fl-1603 inħatar bħala rettur tiegħu.

Waqt ħbit ieħor mit-Torok fuq Malta fl-1614 jingħad li dawn daħlu fis-santwarju u għamlu ħerba. Hemm storja li tgħid li wieħed suldat Tork ħareġ is-sejf tiegħu u giref ix-xbieha tal-Madonna. Dan ftit wara nħakem minn marda qalila. Huwa ntebaħ li dik il-marda kienet kastig ta’ dak li wettaq u għalhekk talab lill-Madonna biex ifieq. Talbu kien mismugħ u bħala radd ta’ ħajr bagħat ħafna xemgħat lil dan is-santwarju. Dan il-fatt inkiteb mill-Isqof Balaguer fil-viżita pastorali tiegħu. Il-Gran Mastru Alof de Wignacourt kien imur iżur dan is-santwarju kull nhar ta’ Sibt. Minn hawn id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Mellieħa kibret u nxterdet ma’ Malta kollha.

Mill-ġdid parroċċa

Fl-1844 il-Mellieħa reġgħet saret parroċċa u s-santwarju beda jintuża bħala knisja parrokkjali. Fl-1881 bdiet tinbena l-knisja parrokkjali l-ġdida fuq is-santwarju stess. Din tlestiet fl-1898, ġiet ikkonsagrata mill-Isqof Mauro Caruana fit-18 ta' Frar 1930. Il-parroċċa ġiet dikjarata Arċipretali minn Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna nhar it-8 ta' Settembru 2015.

L-għar tal-Madonna tal-Mellieħa huwa post ta’ pellegrinaġġi. Fih nistgħu naraw għadd ta’ kwadri eks voto li waħedhom huma xhieda tad-devozzjoni li kien u għadu jgawdi dan is-santwarju.

Inkurunazzjoni

Ix-xbieha tal-Madonna tal-Mellieħa ġiet inkurunata nhar il-Ħadd 24 ta’ Settembru 1899 mill-Isqof ta’ Malta Pietru Pace, l-Isqof Giovanni Maria Camilleri ta’ Għawdex u mill-Isqof Awżiljarju Savatore Gaffiero f’isem il-Papa Ljun XIII.

F’Ġunju 2016 tlesta r-restawr li sar fuq ix-xbieha tal-Madonna tal-Mellieħa. Dan ir-restawr reġa’ ta d-dehra oriġinali tal-pittura. Studjużi llum jaħsbu li din hija xogħol tas-seklu XV u aktarx sar minn xi artist minn Sqallija.

Waqt l-ewwel żjara tiegħu f’Malta, il-Papa San Ġwanni Pawlu II żar dan is-santwarju fis-26 ta’ Mejju 1990. Dakinhar huwa kien iltaqa’ mal-familjari tal-missjunarji Maltin.


Dan huwa ftit dwar dan is-santwarju għażiż għal bosta minna l-Maltin. Nispera li issa li qrajt dan, la tkun il-Mellieħa u quddiem għajnejk tara l-knisja, tiftakar xi storja għandha warajha.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 7 ta' Jannar 2023




sabato 20 febbraio 2021

Bobby Solo – Grazzi lill-Madonna ta’ Lourdes li reġa’ għandi leħen biex inkanta

 

<<Kienet is-sena 1979 u minħabba mediċina li kont qed nieħu qtajt korda vokali. Skont it-tobba ma stajtx inkanta aktar. Iżda mort fil-grotta ta’ Massabielle u minn qalbi għidt lil Marija: “Jien spiċċajt, għinni”. Tliet xhur wara dħalt fil-festival ta’ Sanremo bil-kanzunetta Gelosia. Fejqan li ma jistax jiġi spjegat lanqas mill-ispeċjalisti. U kelli grazzi oħrajn ukoll…>>

Bobby Solo huwa ikona tal-mużika Taljana, kantant li biegħ miljuni ta’ diski madwar id-dinja kollha. F’aktar minn ħamsin sena ta’ karriera ħareġ seba’ u tletin album, rebaħ il-Festival ta’ San Remo darbtejn u ħa sehem f’ħames films. Dan il-kantant, li twieled Ruma fl-1945, qatt ma ħeba d-devozzjoni tiegħu lejn is-Sultana tas-Sema.

Inti studjat fi skola Kattolika?

<<Iva, f’Ruma kont immur l-iskola primarja fl-istitut Maria Confolonieri dei Parioli. Kont imqareb u niftakar l-għalliema kienet tirrabja ħafna miegħi. Kienet Sor Adelberta li spiss kienet tugżani lil ommi. Ta’ għaxar snin il-ġenituri tiegħi daħħluni fi skola tal-Gvern. Kont ġibt 10 fir-reliġjon, 9 fit-Taljan u 3 fis-somom. Kont l-istudent preferut tal-għalliem tar-reliġjon, Patri Bellincampi.>>

Id-dar ħadt formazzoni reliġjuża mingħand il-ġenituri?

<<Ommi kienet temmen imma missieri kien jgħid li ma jemminx. Kien minħabba din in-nuqqas ta’ fidi tiegħu li sentejn ilu tlabt li nitgħammed.>>

X’okkażjoni kienet biex ħadt din id-deċiżjoni?

<<Minħabba rabta li kelli qabel (mal-ballerina Franċiża Sophie Teckel), fl-1996 iżżewwiġt biss ċivilment lit-tieni mara tiegħi Tracy. Sentejn ilu spiċċa kull impediment li kelli u għalhekk ingħaqadt fiż-żwieġ quddiem il-Mulej. Biss qabel ridt li Dun Renato De Zan jgħammidni. Billi huwa kien eżorċista staqsejtu jekk kontx persuna denja li titgħammed minħabba l-imħabba li għandi lejn il-mużika Rock. Missieri hekk kien jaħseb tant li riedni nagħżel isem għall-ispettaklu. Fil-verità jiena jisimni Roberto Satti. Monsinjur De Zan weġibni: “Inti persuna tassew nadifa u tajba.” Dan il-kliem qanqalni u wennisni u ninsab ċert li llum anke missieri minn hemm fuq huwa kuntent bija.>>

X’rabta għandek mal-Omm tas-Sema?

<<Rabta straordinarja. Fl-1979 kont iffissajt fil-body building u ridt nieħu xi ħaġa biex inkabbar il-muskoli. Minn dejjem ma kien fini xejn, ta’ għoxrin sena kont niżen biss sittin kilo. Billi nibża mit-titqib u wieħed spiżjar ma tanix parir nittaqqab, bdejt nieħu pilloli għall-muskoli. Dawn il-pilloli għamluli ħsara fil-kordi vokali. Darba fi tmiem ta’ kunċert waħda minn dawn il-kordi nqatgħet. Ħalqi mtela bid-demm u ma stajtx nitkellem. Wara bosta eżamijiet mediċi, it-tabib speċjalista wrieni ritratt tal-korda vokali u qalli li ma kontx nista’ nkanta aktar. Qtajtha li mmur Lourdes mal-ħabib tiegħi Tony Orsi. Niftakar li dak iż-żmien fil-grotta kien hemm imwaħħlin ħafna krozzi u ex-voti. F’dak il-post qaddis ħassejt tqanqil kbir, qisu xokk elettriku. Dort fuq il-Madonna u għidtilha: “Jien spiċċajt, għinni.” Xi ħaġa ġewwa fija qaltli mmur nixrob mill-ilma u mort u xrobt kemm flaħt. Xgħelt ukoll tliet xemgħat kbar. Ftit ftit leħni beda ġej lura. Tliet xhur wara ħadt sehem f’Sanremo bid-diska li mbagħad saret suċċess kbir, Gelosia (1980). Sal-lum għadni nagħti bosta kunċerti ta’ kull sena. Nemmen li kien sar miraklu. Biex inrodd ħajr lill-Madonna mort Lourdes darbtejn oħra fl-2009 u fl-2011.>>

It-tobba x’qalu?

<<Qalu li dan kien fejqan immedjat u bla spjegazzjoni mil-lat xjentifiku.>>

F’ħajtek kellek xi grazzji oħra marbutin ma’ Marija?

<<Il-Madonna dejjem iżżomm idha fuqi. Fl-2006 kont f’xifer il-mewt minħabba infezzjoni li kelli. Mort fis-santwarju ta’ Colognola ai Colli, li huwa ddedikat lill-Verġni Marija. Tlabtha ħafna u naf li kienet Hi li salvatni. Darba oħra fl-autostrada kont involut f’inċident ikrah bejn għaxar karozzi. Ħriġt mill-karozza qawwi u sħiħ b’miraklu grazzi għall-protezzjoni tagħha.>>

Hemm xi santwarji oħra li tħobb?

Ilni mhux ħażin noqgħod qrib Perdenone, marti li hija Amerikana ta’ nisel Korean trabbiet qrib Aviano. Magħha mmur spiss fis-santwarju ddedikat lill-Madonna ta’ Monte Marsure. Nieħdu wkoll lil missierha li jimmeravilja ruħu bil-koppla kbira tas-santwarju u jsejħilha l-kuruna tad-deheb.>>

Tmur quddies spiss?

 Tracy tmur erba’ darbiet fil-ġimgħa, jiena inqas. Iżda kull meta mur nitla’ naqra. Marti kienet Luterana, imbagħad Monsinjur De Zan fissrilha li t-twemmin tagħha kien bħal tagħna iżda mingħajr sagramenti. Allura Tracy għamet il-mixja u kkonvertit. Niftakar dakinhar taċ-ċerimonja, kien jum ta’ emozzjoni kbira. Dun De Zan rani hemm, mitluf f’nofs dik il-folla u qalli: “Mur għannaq waħda lil martek”.>>

Kif sirt tafha lil Tracy?

<<Fl-1995 hi kienet taħdem bħala air hostess u kienet xogħol fuq titjira li wasslitni l-Amerika. Iggustajtilha dawk it-toqob żgħar li jidhru fuq ħaddejha. Lill-kitarrista tiegħi kotn għidtlu: “Niżżewwiġha lil dik!” Bis-saħħa tal-pilota tal-ajruplan, Italo-Amerikan, iddubbjat in-numru tat-telefon tagħha. Wara xahar li bdejna niltaqgħu għidtilha: “Kieku ma kontx sitta u għoxrin sena akbar minek kont nitolbok tiżżewwiġni” u hi weġbitni: “Int itlobni”. Il-mużiċista Maurizio Majorama u l-preżentatur Red Ronnie kien x-xhieda tat-tieġ tiegħi. Kont nibża’ li dan iż-żwieġ ma jdumx wisq. Iżda issa ilna erba’ u għoxrin sena ferħanin flimkien. Alla ried li seba’ snin ilu jasal ibni Ryan. Mhux li kien twieled qabel, kieku kien ikun jista’ jwassalni hu bil-karozza għall-kunċerti.>>

F’liema mid-diski tiegħek tħossok qrib is-Sultana tas-Sema?

<<Una lacrima sul viso imma anke Se piangi, se ride, u Non c’è più niente da fare. Meta nkantahom naħseb fiha u nroddilha ħajr għal dak kollu li għamlet miegħi. Il-mużika hija lingwa universali li ma tistax tħawwad fiha: jekk tieħu żball f’nota kulħadd jinduna, bil-kliem mod ieħor għax tista’ tigdeb.>>

Għandek xi ħolma mużikali li għad trid twettaq?

<<Iva, dik li nagħmel album b’mużika Gospel bit-Taljan ma’ xi kor kbir. Anke Elvis Presly, wieħed mill-punti ta’ riferiment mużikali tiegħi, kien iħobb din il-mużika sagra. Snin ilu kont mort Tupelo f’Mississippi, fejn fi ċkunitu kien joqgħod dan il-kantant f’dar ċkejkna. Għad hemm knisja żgħira fejn ta’ tmien snin Elvis kien imur biex jisma’ l-mużika Gospel li anke kellha effett fuq il-mużika tiegħu.>>

X’taħseb dwar il-Papa Franġisku?

<< Jogħġobni, narah qrib tal-poplu. Fl-Arġentina nxtraw żewġ miljuni u nofs diski tiegħi. Naħseb li sema’ bija jew sema’ xi diska minn tiegħi. Waqt udjenza huwa semma l-kanzunetta Zingara li fl-1969 kantajtha f’Sanremo ma’ Iva Zanicchi, iżda la semma lilha u lanqas lili. Narah bħala bniedem kuraġġuż u jersaq lejn il-folla bla gwardji. Papa innovattiv, sewwasew dak li għandna bżonn bħalissa.>>

Xi proġetti riċenti

<<Preżentajt il-biografija tiegħi miktuba mill-mużiċist u preżentatur Dario Salatori, ħriġt kanzunetta ġdida ma’ Veronica Marchi bl-isem Il garage sta andando a fuoco u rrid noħroġ diska oħra: Italian International vintage songs.>>


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' XK - Xandar il-Kelma - Marzu 2021




mercoledì 19 giugno 2019

Mixja Marjana f’tarf Ħaż-Żebbuġ


Ħaġa li dejjem laqtitni ġewwa Ħaż-Żebbuġ hija d-devozzjoni qawwija li hemm lejn Marija Santissima. Xhieda ta’ dan huwa l-fatt li kważi fl-artali laterali kollha tal-knisja parrokkjali b’xi mod jew ieħor insibu x-xbieha tal-Madonna. Mhux biss, imma madwar ir-raħal, minn tarf sa tarf, insibu bosta kappelli li għandhom lill-Marija Santissima taħt xi titlu jew ieħor bħala patruna tagħhom. Kull meta nimxi fit-toroq tar-raħal dejjem dan il-ħsieb jiġi f’moħħi u llum nixtieq naqsmu magħkom billi nduru fil-qosor xi wħud minn dawn il-kappelli Marjani. Ser nagħmlu passiġġata f’xaqliba waħda tar-raħal, minn Ħal Qormi lejn is-Siġġiewi.

Tal-Ħlas
Jekk wieħed jibda riesaq lejn Ħaż-Żebbuġ min-naħa ta’ Ħal Qormi minn qalb l-għelieqi, isib il-kappella tal-Madonna tal-Ħlas bħala l-ewwel bini. Interessanti l-fatt li minkejja li din il-kappella tinsab fil-konfini tar-raħal, tagħmel mal-parroċċa ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi. Hemm storja interessanti dwarha u dwar kif din spiċċat tifforma parti minn parroċċa ġara, li fi żmien antik kienet ikkonsidrata bħala waħda kompetitriċi u kienet teżisti xi ftit (jew ħafna)pika magħha!  L-ewwel kappella fil-post inbiddlet ma’ oħra fl-1560. Din illum hija s-saġristija tas-Santwarju tal-Madonna tal-Ħlas. Fl-1690 it-teżorier tal-Ordni ta’ San Ġwann bena l-knisja li naraw illum. Id-devozzjoni lejn il-Madonna taħt dan it-titlu nxterdet u baqgħet tikber. Bdew isiru għadd ta’ pellegrinaġġi għal dan il-post u għalhekk inbnew loġoġ quddiem il-kappella għall-pellegrini biex dawn ikollhom fejn jistekennu mix-xemx jew mix-xita. Quddiem il-kappella nsibu statwa kbira tal-ġebel fuq pedestall. Din turi lill-Madonna tielgħa s-sema. Din il-kappella hija miżmuma tassew tajjeb u fiha ssir quddiesa kull xahar. Fiha jista’ wkoll isiru żwiġijiet. F’din il-kappella ssir ukoll il-festa ta’ Santa Marija fix-xahar ta’ Awwissu.

Il-Kunċizzjoni
Hekk kif inħallu din il-kappella u nibqgħu telgħin il fuq, kif naslu fit-triq ewlenija, qabel induru lejn il-bieb ta’ De Rohan, naraw il-kappella ddedikata lill-Kunċiżżjoni. Din hija kappella ċkejkna li nbniet fl-1677 b’wegħda wara l-pesta li ħakmet lill-pajjiżna bejn tmiem l-1675 u Settembru tas-sena ta’ wara. Din il-marda kienet temmet il-ħajja ta’ 8,732 persuna fosthom 169 Żebbuġi u Żebbuġija, 74 raġel u 95 mara. Din il-kappella fiha bieb wieħed fil-faċċata u fil-fontispizju fiha niċċa vojta. Fil-ġnub tal-bieb prinċipali nsibu żewġ twieqi minn fejn dak li jkun kien jista’ jħares il ġewwa u jgħid xi talba. Mal-faċċata għadna nistgħu naraw il-plakka li tgħid li dik il-knisja ma tgawdix l-immunità tal-Knisja: Non Gode l'Immunità Ecclesiastica . Hemm ħafna x’wieħed jikteb dwar dan is-suġġett. Fuq wara tal-kappella hemm kampnar ċkejken li huwa nieqes mill-qniepen. Quddiemha nsibu wkoll zuntier. Illum din il-kappella ma għadiex tintuża għal servizzi liturġiċi. Jekk qabel din il-kappella kienet tinsab imwarrba mill-qalba tar-raħal illum ma nistgħux ngħidu l-istess. Il-bini wasal sa ħdejha anzi sar imiss magħha tant li wieħed għandu mnejn jgħaddi minn quddiemha bla ma jagħti każ li hemm kappella, jekk ikun moħħu f’xi ħaġa oħra.

Wied Qirda 

Għalissa nħallu l-ħsieb li nidħlu Ħaż-Żebbuġ mit-triq li aħna mdorrijin ngħaddu minnha u niġbdu lejn is-Siġġiewi. Hawn ma ndumux ma naslu ħdejn id-daħla ta’ Wied Qirda. Hekk kif nibdew nieżlin f’dan il-wied insibu daqsxejn ta’ kappella li hija ddedikata lill-Viżitazzjon i ta’ Marija Santissima lill-qaribitha Santa Eliżabetta. Bħal ħafna knejjes oħra, din ma hijiex l-ewwe binja li saret fil-post. Aktarx li l-knisja li naraw illum kien bnieha Bartilmew Magro fl-1675. Dan il-benefattur jinsab midfun f’din il-kappella stess. Din il-kappella fiha żewġ bibien, wieħed fil-faċċata u ieħor fil-ġenb. Fil-faċċata naraw il-bieb prinċipali u fil-ġnub żewġ twieqi fil-baxx, sewwasew bħal taż-żewġ kappelli li semmejna qabel. Fuq il-bieb prinċipali hemm tieqa oħra. Fuq wara tal-kappella naraw bħal kampnar magħmul minn żewġ arkati, li huwa wkoll nieqes mill-qniepen. Għal xi żmien din il-kappella kienet intelqet għal kollox u kienet kważi waslet biex tiġġarraf iżda llum ġiet irrestawrata u wieħed jista’ jgawdiha. Minkejja li din il-kappella ma tintużax regolarment, xorta ġieli ssir xi quddiesa fiha għal xi okkażjoni speċjali.

Illum imxejna mixja ma wieħed mit-truf ta’ Ħaż-Żebbuġ. Matul din il-mixja sibna tliet kappelli li huma Marjani. Jekk Alla jrid sena oħra nkomplu nimxu u narax xi kappelli Marjani oħrajn li għandna f’Ħaż-Żebbuġ.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa ta' San Filep 2019 maħruġ mill-Banda 12th May. 





sabato 8 dicembre 2018

Guadalupe


Bħal-lum, id-9 ta’ Diċembru tas-sena 1531, jiġifieri 487 sena ilu, ġewwa Guadalupe fil-Messiku seħħet l-ewwel dehra tal-Madonna lil Juan Diego, bniedem mill-post, bniedem ta’ ftit jew xejn skola imma bniedem ta’ fidi kbira.

Skont l-istorja, Marija dehret lil Juan Diego li kien ta’ nisel Indjan li twieled fl-1474. Ma kienx xi bniedem magħruf, anzi kien jgħix ħajja sempliċi flimkien ma’ martu Marija Luċija. Fl-1524 waslu qrib Tolpetlac, fejn kienu jgħixu, grupp ta’ missjunarji Franġiskani. Juan Diego u Marija Luċija kienu minn tal-ewwel li konvertew għall-fidi Nisranija u ħadu l-magħmudija. Issa li tgħammdu, kienu jmorru għat-tagħlim tal-katekiżmu sabiex ikomplu l-mixja tagħhom fi ħdan il-Knisja Kattolika.

Kienet l-għodwa tad-9 ta’ Diċembru tas-sena 1531 meta dan Juan Diego  kellu dehra ta’ mara sabiħa fl-għolja ta’ Tepeyac, li tagħmel parti mir-raħal ta’ Guadalupe, subburg tal-Belt tal-Messiku, il-belt kapitali tal-pajjiż. Il-mara kellmet lil Juan Diego bl-ilsien tal-Imperu Asteku. Il-mara qaltlu li hija l-Verġni Marija l-Omm tal-veru Alla. Talbitu wkoll li hemmhekk tinbena knisja għaliha. Ir-raġel mar dritt għand l-Arċisqof tal-Belt tal-Messiku Juan de Zumarraga biex itarrafflu dak kollu li kien ra u sema’. L-Arċisqof ma tax kasu u ma emminx dak li qallu Juan Diego. Id-dehriet ma waqfux u l-Arċisqof talab lil Juan biex jgħid lil dik is-sinjura li kien qed jara biex tagħti sinjal.

Fil- 11 ta’ Diċembru, iz-ziju ta’ Juan Diego, Juan Bernardino qam marid ħafna u Juan Diego kellu jieħu ħsiebu u għalhekk ma ċċaqlaqx mid-dar. L-għada t-Tlieta il-qagħda taz-ziju marret għall-agħar u għalhekk Juan Diego kellu jmur għall-konfessur bla telf ta’ żmien biex zijuh iqerr u jingħata l-griżma tal-morda. Huwa telaq bla telf ta’ żmien biex imur għas-saċerdot. Ħin bla waqt ftakar li l-jum ta’ qabel kellu jmur jiltaqa’ mal-Verġni Marija u minħabba li kien qagħad ma’ zijuh kien nesa. Ħassu jistħi minnu nnifsu u għalhekk biddel it-triq li kellu jgħaddi minnha biex jevita li jiltaqa’ magħha. Iżda Marija xorta dehritlu fit-triq li kien għażel. Huwa qalilha dak li kien ġralu l-jum ta’ qabel u Hi staqsietu, anzi ċanfritu għax ma kienx dar lejha għall-għajnuna. Hija qaltlu frażi li baqgħet marbuta ma’ dawn id-dehriet: “Mela jien, ommok, mhux hawn qegħda?” Hija qaltlu li zijuh sejjer jaqla’ l-fejqan u qaltu wkoll biex jiġbor xi fjuri mill-għolja Tepeyac. Għal dan il-kliem Juan Diego tħawwad: l-art tal-għolja Tepeyac hija iebsa u ma jikber xejn fiha, aktar u aktar issa fix-xahar ta’ Diċembru. Madanakollu huwa mar kif qaltlu l-Verġni Marija u hemm isib bosta ward, ħaġa  li qatt ma kien ra bħalha qabel. Huwa neża’ l-mantell li kellu fuqu, dak li l-Messikani jsejħulu tilma u mlieh bil-ward. Fehem li dan kien is-sinjal jew miraklu li l-Verġni kellha tagħmel biex kulħadd jemmen dak li kien qed jgħid. Minn hemm telaq lejn id-dar tal-Arċisqof Zumarraga. Hekk kif Juan Diego sab ruħu quddiem l-Arċisqof huwa fetaħ it-tilma tiegħu biex kulħadd jara l-ward li kien ġabar minn fuq l-għolja. Malli fetaħha, il-ward waqa’ fl-art. L-akbar għaġeb ta’ dawk preżenti ma kienx il-fatt li f’Diċembru Juan Diego kien ġab il-ward, imma li fuq it-tilma kien hemm stampata xbieha ta’ Marija Santissima.

Din il-ġrajja tat il-bidu għall-waħda mill-akbar devozzjonient Marjani li nsibu fl-Amerika Latina, devozzjon i li kellha l-bidu tagħha fid-9 ta’ Diċembru, l-għada tal-Kunċizzjoni.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'Il-Mument -  9 ta' Diċembru 2018


sabato 13 ottobre 2018

Rużarju


Ix-xahar ta’ Ottubru huwa magħruf ma’ ħafna bħala x-xahar tar-Rużarju. Nhar is-7 ta’ dan ix-xahar niċċelebraw il-festa tal-Madonna tar-Rużarju. Forsi tajjeb inkunu nafu xi ħaġa dwar din it-talba kif ukoll dwar din il-festa.
Lazzaro Pisani - Madonna tar-Rużarju
Knisja Arċipretatli Ħaż-Żebbuġ


Jingħad li fil-bidu tas-sekli XIII wieħed saċerdot Spanjol bl-isem ta’ Duminku kien jinsab Prouille fi Franza. Dan kellu dehra mingħand il-Madonna li tatu t-talba tar-Rużarju. Illum dak is-saċerdot huma magħruf bħala San Duminku li waqqaf l-Ordni tal-Predikaturi, Ordni li sal-lum, aktar minn 800 sena wara għadu jxerred id-devozzjoni lejn din it-talba Marjana. Forsi ftit huma dawk li jafu fejn jinsab dan ir-raħal. Dan jinsab qrib il-Belġju, raħal li llum fih ftit aktar minn tliet mitt ruħ, raħal ċkejken illum aħseb u ara fi żmien San Duminku! Madanakollu kien f’dan ir-raħal ċkejken li nbdiet it-talba tar-Rużarju.

Il-festa tal-Madonna tar-Rużarju indirettament hija wkoll marbuta mal-Ordni mwaqqaf minn San Duminku. Wara li l-Insara rebħu l-battalja ta’ Lepanto li seħħet fis-7 ta’ Ottubru 1571 u l-qawwiet Torok ċedew l-armi, dak il-jum kien iddikkjarat bħala l-festa tal-Madonna tar-Rebħa. Il-papa ta’ dak iż-żmien inzerta kien membru tal-Ordni tal-Predikaturi, Piju V, li ftit snin qabel, wara l-Assedju l-Kbir ta’ pajjiżna, fl-1565, kien għen bil-kbir għall-bini tal-Belt Valletta. Dan il-papa kien talab lill-Insara kollha biex dakinhar tal-battalja ta’ Lepanto jgħidu r-Rużarju bil-qalb sabiex tintrebaħ din il-battalja li seta’ jkollha effett ikrah fuq l-Ewropa kemm-il darba tintilef. Ma damitx wisq li l-festa tal-Madonna tar-Rebħa għaliex inbidlilha l-isem u bdiet tissejjaħ il-Madonna tar-Rużarju għax ħafna attribwew din ir-rebħa għar-Rużarju li ntqal mill-Insara kollha dakinhar.

La għidna fejn jinsab Prouille tajjeb ngħidu wkoll fejn insibu Lepanto. Illum Lepanto ma għadux jismu hekk imma jġib l-isem ta’ Nafpaktos. Huwa port fil-Punent tal-Greċja li għandu madwar għoxrin elf abitant. Illum ma għadx għadnu l-importanza li kellu snin ilu u aktar sar attrazzjoni turistika minħabba l-fdalijiet li fih milli port ta’ attività marittima.

F’Malta id-devozzjoni lejn il-Madonna tar-Rużarju hija mifruxa fil-parroċċi kollha u nistgħu ngħidu li kważi f’kull parroċċa ssir il-festa ta’ din il-Madonna taħt dan it-titlu. Bosta knejjes għandhom ukoll artal iddedikat lilha, ħafna drabi f’xi kappellun. Dan il-fatt juri l-antikità tad-devozzjoni għaliex l-artali laterali tan-navi ħafna drabi jkunu nbnew wara l-kappelluni fil-knejjes antiki tagħna. Barra minn hekk għandna bosta fratellanzi tal-Madonna tar-Rużarju. Illum li l-fratellanzi nistgħu ngħidu tilfu l-iskop li għalih twaqqfu, madanakollu xorta għadek ssib membri fihom li jistinkaw biex kull sena jagħmlu festa xierqa lill-patruna tal-fratellanza tagħhom.

Devozzjoni partikolari lejn din il-Madonna nibtet qrib Napli, sewwasew Pompei. Il-festa tal-Madonna ta’ Pompei tiġi ċċelebrata fit-8 ta’ Mejju imma hija wkoll il-Madonna tar-Rużarju. U biex inkunu qed ngħidu kollox anke l-Madonna ta’ Fatima hija magħrufa bħala l-Madonna tar-Rużarju ta’ Fatima u l-festa tagħha niċċelebrawha fit-13 ta’ Mejju.

Din id-devozzjoni ma hijex xi waħda moderna imma għandha ’l fuq minn 450 sena. F’pajjiża hija qawwija u għalhekk insibu bosta kwadri ta’ artisti, kemm lokali kif ukoll barranin kif ukoll statwi tal-Madonna taħt dan it-titlu. L-ewwel statwa tal-Madonna tar-Rużarju f’Malta saret minn Melchiorre Gafà u waslet Malta fl-1661 billi l-artist ħadimha Ruma. Din tinsab fil-knisja tad-Dumnikani tar-Rabat. Fuqha saru bosta statwi oħrajn tal-Madonna tar-Rużarju, u mhux biss!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 14 ta' Ottubru 2018


sabato 11 agosto 2018

Wara t-tazza tad-dinja


Ħallejt il-logħob tat-tazza tad-dinja jintemm biex ktibt dak li ġie f’moħħi propju fil-ftuħ ta’ dan il-kampjonat mondjali. Forsi qed taħsbu li ġieni xi ħsieb sportiv imma mhux hekk kien. Nhar ta’ Ħadd nipprova kemm jsita’ jkun il-ktiba tiegħi nagħtiha laqta xi ftit jew wisq spiritwali għax nemmen li f’dan il-jum jixraq hekk. Għal ħsibijiet oħra għandi postijiet oħra fejn niktibhom u nxandarhom! U nistħajjilkom tgħidlu… “kemm se jdum ġej biha. Aqlagħha jekk għandek! Xi ħsieb ġiek fil-ftuħ tat-tazza tad-dinja?”

Il-kosagrazzjoni tar-Russja
Fl-1917 il-Madonna dehret lil tlett itfal rgħajja f’Cova da Iria fir-raħal ta’ Fatima fil-Portugall. F’waħda mis-sitt dehriet hija talbet li r-Russja tkun ikkonsagrata lilha. Minn dik is-sena stess seħħew bidliet u taqlibiet kbar fir-Russja. Fl-Imperu Russu bdiet ir-revoluzzjoni li temmet it-tmexxija taz-Tzar u daħlet il-ħakma Komunista. Il-belt kapitali Russa ma baqgħet San Pietru Burgu imma reġgħet saret Moska kif kienet ftit aktar minn mitejn sena qabel. Anke isem din il-belt inbidel u minflok isem ta’ qaddis ħa isem ta’ mexxej: Leningrad, il-belt ta’ Lenin, fl-1924 mal-mewt ta’ dan il-mexxej. Bdiet tinbena l-Unjoni Sovjetika, supertpotenza li kienet għadha teżisti sa ftit ilu.

Kien f’dan l-ambjent li nhar il-Ġimgħa, 13 ta’ Lulju 1917, il-Madonna talbet li dan il-pajjiż jiġi kkonsagrat lil qalb bla tebgħa tagħha. Bosta jistaqsu: Imma din il-konsagrazzjoni saret jew le?

Il-Papa Piju XII u Papa Pawlu VI
Bosta jsostnu li meta l-Papa Piju XII fil-31 ta’ Ottubru 1942, jiġifieri fl-eqqel tat-tieni gwerra dinjija, ikkonsagra d-dinja kollha lill-Qalb ta’ Marija, kien qiegħed jikkonsagra lir-Russja wkoll. Biss dan l-istess papa għaxar snin wara, proprju fis-7 ta’ Lulju 1952 ikkonsagra lir-Russja lill-Qalb bla tebgħa ta’ Marija. Fl-Ittra Appostolika tiegħu li ġġib l-isem Sacro Vergente anno, jgħid ċar u tond: “. . . bħalma xi snin ilu ikkonsagrajna l-bnedmin kollha lill-Qalb bla tebgħa tal-Verġni Marija, Omm Alla, illum qegħdin nikkonsagraw b’mod speċjali u nafdaw il-popli kollha tar-Russja lil din l-istess Qalb bla Tebgħa. . .” (Epist. apost. Sacro vergente anno paragrafu 9)
Nhar il-21 ta’ Novembru 1964, waqt sezzjoni tal-Konċilju Vatikan II il-Papa Pawlu VI mill-ġdid ikkonsagra lir-Russja lill-Qalb ta’ Marija.

Ġwanni Pawli II u Franġisku
San Ġwanni Pawlu II wkoll ikkonsagra lir-Russja lill-Qalb ta’ Marija aktar minn darba. Sewwasew sena wara l-attentat fuq ħajtu, fit-13 ta’ Mejju 1982, Papa Wojtyla żar Fatima u hemm ikkonsagra lid-dinja kollha, fosthom ir-Russja, lil Marija, iżda billi ħafna isqfijiet ma kinux irċevew l-invit fil-ħin u għalhekk ma attendewx, bosta jsostnu li l-konsagrazzjoni ma tgħoddx. Ta’ din il-fehma kienet ukoll Sor Luċija Santos, waħda li kienet rat lill-Madonna fl-1917. F’Ottubru tal-1983 Papa Ġwanni Pawlu flimkien mal-isqfijiet miġburin f’sinodu reġa’ ġedded din il-konsagazzjoni. Din id-darba anke Sor Luċija qablet li kienet twettqet xewqet il-Madonna. Din is-soru ħarġet din l-istqarrija fid-29 ta’ Awwissu 1989 u qalet li fi ftit żmien se jkun hemm avvenimenti li juru li l-konsagrazzjoni saret. Fid-9 ta’ Novembru tal-istess sena twaqqa l-ħajt ta’ Berlin u f’Diċembru 1991 intemmet l-Unjoni Sovjetika.

Wara dan kollu d-dinja kienet ikkonsagrata mill-ġdid lil Marija fl-1984 mill-Papa Pollakk u fl-2013 mill-Papa Franġisku. Madanakollu għad hawn min issostni li t-talba li għamelt Marija f’Fatima għadha ma ġietx mismugħha!

Kemm mar il bogħod moħħi waqt il-ftuħ tat-tazza tad-dinja!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' Il-Mument - 12 ta' Awwissu 2018





venerdì 27 luglio 2018

Turiżmu reliġjuż


Illum il-ġurnata s-safar sar bil-wisq aktar popolari milli kien sa ftit għexieren ta’ snin ilu. Is-sistema ta’ kif taqta’ biljett tal-ajru, issib lukanda fejn toqgħod, tikri karozza biex ikollok biex tiġri u tmur fejn trid illum saret waħda faċli grazzi għat-teknoloġija li għandna f’idejna. Madanakollu xorta baqa’ lok għal turiżmu organizzat fi gruppi, dawk li jissejħu tours. Dawn il-gruppi huma komdi għal min ikun irid isiefer bla ma joqgħod iħabbel rasu għal xejn għaliex il-programm tagħhom ikun lest mill-agenziji li jorganizzaw il-ġiti. Popolari ħafna huma dawk il-ġiti marbutin ma’ xi post fejn hemm devozzjoni lejn xi qaddis jew qaddisa. Dan jista’ jitqies bħala turiżmu reliġjuż. Fejn immorru aħna l-Maltin?

Lourdes
Lourdes
Żgur li wieħed mill-aktar postijiet popolari magħna l-Maltin fejn jidħol it-turiżmu reliġjuż huwa Lourdes fi Franza. Eluf ta’ pellegrini minn Malta jżuru dan il-post ta’ kull sena. Għaċ-ċokon ta’ artna, il-persentaġġ ta’ Maltin f’Loures ta’ kull sena huwa għoli ħafna. Ġieli nisimgħu kritika dwar dan il-post u nisimgħu min jgħid li hemm wisq negozju, wisq ħwienet, wisq xi jtellef mill-qdusija tal-lokal. Tabilħaqq li r-raħal huwa mimli ħwienet, lukandi u dak kollu li jistenna li jsib vjaġġatur waqt il-vjaġġ, biss il-qofol ta’ Lourdes huwa l-parti fejn hemm is-santwarju, fejn hemm l-għar li fih Bernardina Soubirous rat lill-Madonna. Mix-xatba tas-santwarju ’l ġewwa hemm dinja differenti għal kollox minn dik li hemm barra. Għalhekk niżbaljaw meta ngħidu li Lourdes huwa negozju biss; f’Lourdes issib is-sagru u ssib ukoll dak li jista’ jkollok bżonn kif ukoll issib dak li jħajrek tixtri. U la qed insemmu x-xiri, ħaġa li aħna l-Maltin ma ngħaddux mingħajrha meta nsiefru, tajjeb ngħidu li l-ilma ta’ Lourdes ma jinxtarax. Min irid jista’ jixtri l-flixkun u jimlih bl-ilma li huwa b’xejn.

Post Marjan ieħor
Fatima
Fatima wkoll huwa post ta’ turiżmu reliġjuż li bosta Maltin ġieli żaruh jew għandhom ix-xewqa li jżuruh. Billi dan il-post jinsab fil-Portugall il-vjaġġ huwa itwal minn dak lejn Lourdes u għandu mnejn għalhekk il-pellegrini Maltin fih huma inqas. Illum Fatima wkoll hija mimlija bi ħwienet ta’ souvenirs, ristoranti u lukandi. Sa ftit snin ilu ma kinitx hekk, illum differenti. Madanakollu xorta ma tlaħħaqx ma’ Lourdes fejn jidħol negozju. Dan il-post huwa wieħed trankwill ħafna, post fejn issib ħin tirrilassa fiżikament, mentalment u spiritwalment. Post li għadu qed jikber u jiżviluppa. Forsi l-qagħda geografika tiegħu tillimitah milli xi darba jilqa’ fih il-miljuni ta’ pellegrini li jżuru Lourdes.

Fil-Bożnija
Medjugorje
Minkejja li l-Knisja għadha ma approvatx id-dehriet Marjani ta’ Medjugorje, xorta waħda dan ir-raħal fil-Bożnija-Ħersegovina jiġbed lejh bosta Nsara fosthom għadd mhux ħażin ta’ Maltin. Dan ir-raħal darba kien mitluf u minsi. Ħadd għajr il-poplu tar-raħal jew tal-irħula qrib tiegħuma kienu jafu bih. Raħal ċkejken ħafna, nieqes minn kull neċessità. Illum fih inbnew lukandi, infetħu ħwienet ta’ kull xorta u fi ftit kliem nistgħu ngħidu li żviluppa, forsi anke b’rata xi ftit mgħaġġla żżejjed. It-turiżmu reliġjuż hawnhekk idawwar ir-rota ekonomika mhux biss tar-raħal iżda ta’ xi rħula qrib li fihom xi attrazzjoni partikolari. Minkejja li l-post għadu ma huwiex fuq il-livell ta’ Lourdes jew Fatima, xorta huwa post fejn jinġabru eluf kbar ta’ pellegrini minn madwar id-dinja kollha. Kull sena lejn il-bidu ta’ Awwissu jsir il-festival taż-żgħażagħ, esperjenza tal-blieh, biex nużaw kelma li jifhmu sewwa ż-żgħażagħ.  Wieħed mill-iżvantaġġi ta’ dan il-post huwa l-munita. Hawn ma jużawx l-ewro imma għandhom il-munita tagħhom, madanakollu bl-ewro tinqeda wkoll.

Fl-Italja
Assisi
Ruma minn dejjem kienet destinazzjoni preferita mal-pellegrini mid-dinja kollha u għalhekk miljuni jżuruha ta’ kull sena. Dak li jkun jista’ jgħaqqad vjaġġ f’Ruma ma’ xi postijiet oħra relattivament qrib biex ikompli jsebbaħ iż-żjara tiegħu f’dan il-post meraviljuż. Għalkemm mhux wisq qrib, wieħed jista’ jżur Padova, il-post ta’ Sant Antnin. Hemm madwar 500 kilometru bejn iż-żewġt ibliet u jekk wieħed jiddeċiedi li jsuqha aħajr jaħseb biex jgħaddi lejl fil-belt. Eqreb lejn Ruma, fl-Umbria, insibu Assisi, r-raħal ta’ San Franġisk u Santa Kjara  kif ukoll Cassia ir-raħal ta’ Santa Rita. Dawn huma postijiet li wieħed faċli jasal għalihom bil-ferrovija; Assisi aktar minn Cassia. Lanciano fejn seħħ il-miraklu Ewkaristiku wkoll huwa aċċessibbli minn Ruma. Loreto tista’ tkun żjara ta’ ġurnata meta wieħed ikun fil-kapitali Taljana. Irrid insemmi Pompei f’Napli. Hawn ukoll wieħed minn Ruma jista’ jasal fih faċilment billi jinżel bil-ferrovija sa Napli u minn hemm jaqbad ferrovija oħra. Ma nistax nagħlaq bla ma nsemmi qaddis ieħor Taljan li sar jiġbed lejh bosta pellegrini: Padre Piju. Dan twieled Pietralcina u għex f’San Giovanni Rotondo. Ma humiex żewġ postijiet wisq qrib u l-aħjar wieħed jippjana jumejn għalihom għax f’jum wieħed diffiċli jintlaħqu t-tnejn li huma.

Illum dorna dawara ma’ xi postijiet li fihom isiru pellegrinaġġi, postijiet popolari magħna l-Maltin, postijiet li ta’ min wieħed iżurhom.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 28 ta' Lulju 2018