It-tieni
parti
Il-ġimgħa l-oħra bdejt nagħtikom xi tagħrif
dwar relikwija li nsibu fil-katidral ta’ Perugia l-Italja, relikwija li jingħad
li hija ċ-ċurkett taż-żwieġ li San Ġużepp kien ta lil Marija. Rajna l-istorja
kif wasal sal-post fejn qiegħed illum. Illum inkomplu naraw aktar dwar dan
iċ-ċurkett.
Iċ-Ċurkett Imqaddes
F'konformità mal-ħajja umli ta' Marija u Ġużeppi, is-Santo Anello mhuwiex xi ċurkett elaborat miksi b'ġojjelli. Huwa ċurkett magħmul minn ħaġra semi prezjuża sabiħa li tidher bajda daqs il-ħalib fid-dawl tax-xemx. It-tip ta’ ħaġra hija Kalċedonja (Chalcedony). Il-Katidral ta’ San Lawrenz ta’ Perugia rrapporta li analiżi ġemoloġika fl-2004 iddeterminat li ċ-ċurkett huwa tal-ħaġar Kalċedonja u “meta wieħed iqis il-karatteristiċi kollha, jidher li probabilment imur lura għall-ewwel seklu, u aktar iva milli le ġej mill-Lvant .”
Lura f’Perugia, mill-1517, dan iċ-ċurkett
Imqaddes, jew aħjar is-Santo Anello, inżamm fl-istess relikwarju tad-deheb u
tal-fidda mfassal apposta għalih mill-arġentiera Federico del Roscetto u ibnu
Cesarino. Ir-relikwarju qisu ostensorju, b'tinqix, figuri u ornamenti. Huwa
fost l-isbaħ opri ta' xogħlijiet tal-arġentiera Rinaxximentali Taljani.
Iċ-Ċurkett Imqaddes jidher imdendel ġewwa r-relikwarju
ma’ kuruna tal-fidda ndurata bid-deheb li saret fl-1716. Matul il-biċċa l-kbira
tas-sena, ir-relikwarju ikun merugħ f'żewġ kaxxaforti tal-ħadid u tal-injam 'il
fuq mill-artal tal-kappella u jibqa’ wara l-purtieri. Minħabba l-protezzjoni
kbira, jeħtieġu 14-il ċavetta biex jinfetaħ il-kaxxaforti. Iċ-ċwievet tiegħu
jinżammu minn erba’ istituzzjonijiet differenti, reliġjużi u muniċipali. Meta
ċ-Ċurkett Imqaddes ikun għall-qima, ir-relikwarju jitbaxxa fuq l-artal permezz
ta’ apparat li ġie nstallat fis-seklu 18. Din il-wirja uffiċjali taċ-Ċurkett
Imqaddes issir darbtejn fis-sena f’okkażjonijiet uffiċjali. L-ewwel
darba hija bejn id-29 u t-30 ta’ Lulju, id-data li s-Santo Anello ġie trasferit
mill-kappella fil-palazz għall-kappella fil-katidral fl-1488. It-tieni darba tkun fit-12 ta’ Settembru,
it-tifkira tal-Isem Imqaddes ta’ Marija. L-ewwel dati għandhom x'jaqsmu
maż-żewġ viżjonijiet tal-Beata Anna Katarina, li seħħew fid-29 ta' Lulju u
fit-3 ta' Awwissu. Lejn l-aħħar ta’ Lulju, gruppi kbar ta’ koppji, miżżewġin
jew li dalwaqt se jiżżewġu, jiġu biex iqimu ċ-ċurkett. Il-koppji jitħallew
imissu ċ-ċrieket tat-tieġ tagħhom mas-Santo Anello biex jirċievu barka fuq
iż-żwieġ tagħhom. Il-Beata Anna Katarina milli jidher kienet rat dan iseħħ
fil-viżjonijiet tagħha! Iċ-Ċurkett Imqaddes kultant jintwera xi drabi
oħra marbuta ma’ avvenimenti partikolari tal-Knisja ta’ Perugia.
Fl-aħħar nett
Il-katidral jgħid li dan
iċ-ċurkett sar “simbolu” li jirreferi għall-okkażjoni storika taż-żwieġ ta’
Ġużeppi u Marija, benniena u kustodja tal-misteru tal-Inkarnazzjoni tal-Iben
ta’ Alla, għal min jemmen, għajn ta’ grazzja u barka. Għalhekk il-katidral ta’
Perugia, f’kontinwità mat-tradizzjoni nobbli li akkumpanjat il-protezzjoni ta’
dan il-ġojjell matul is-sekli, iżommu b’għożża kbira u joffrih għall-qima,
f’okkażjonijiet speċjali, bħala tifkira
tas-sehem tal-għaqda ta’ Marija u Ġużeppi fil-misteru tal-Inkarnazzjoni, kif
ukoll bħala sinjal ta’ fedeltà matrimonjali, li tagħmel kull żwieġ is-simbolu
tal-imħabba ta’ Alla għall-umanità, għajn ta’ frott u ta’ ħajja.
Imma veru?
Żgur li ħafna jistaqsu dwar kemm
tabilħaqq dan iċ-ċurkett huwa awtentiku, kemm verament huwa dak li kien intuża
minn Ġużeppi meta żżewweġ lil Marija. Temmen jew ma temminx xejn ma jnaqqas
il-fidi tiegħek, din mhux xi domma ta’ fidi. Biss li huwa żgur hu li hemm
devozzjoni qawwija lejh u hemm ukoll dak li kienet kitbet dwaru l-Beata Anna
Katarina Emmerich, li semmejna fl-artiklu tal-ġimgħa l-oħra.
Il-mistoqsija tibqa’ dejjem:
“Imma dan huwa veru l-liżar li fih tkeffen Ġesù?” Il-fidi tagħna ma għandhiex
tkun ibbażata fuq affarijiet li naraw b’għajnejna jew immissu b’idejna. Dawn
jistgħu biss jgħinuna fil-fidi tagħna imma qatt ma għandhom ikunu l-bażi
tat-twemmin. Niftakru dejjem x’kien qal il-kittieb u l-ekonomista Stuard Chase:
“Għal dawk li jemmnu, m’hemmx bżonn ta’ prova. Għal dawk li ma jemmnux, l-ebda
prova mhi biżżejjed."
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 16 ta' Settembru 2023
Nessun commento:
Posta un commento