Visualizzazione post con etichetta zghazagh. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta zghazagh. Mostra tutti i post

venerdì 16 agosto 2019

Il-bully



Fi ċkuniti il-kelma “Bully” kienet tfisser xi ħadd li jkun għamel suċċess, xi persuna li tkun kisbet xi unur jew xi ħadd li jkun wettaq xi opra tajba. Għadna sal-lum nirreferu għal xi persuna bħal dawn billi ngħidu; “Dak bully!” Din il-kelma konna nużawha bħalma konna nużaw il-kelma “Champion”. Il-kelma bully nużawha wkoll meta nkunu rridu nuru li qbilna ma’ xi argument jew mistoqsija. Pereżempju jekk xi ħadd jistaqsini jekk nistgħux niltaqgħu fl-erbgħa u jien ngħidlu li ma nistax, dak li jkun jistaqsini nistgħux mela niltaqgħu fil-ħamsa, jien nista’ nwieġbu billi ngħidlu: “Bully”, jiġifieri kollox sew, qbilna dwar il-ħin.

Iżda llum, minkejja li din il-kelma għadha tintuża minn xi wħud fis-sens li tkellimt dwaru hawn fuq, sirna aktar konxi xi tfisser sewwa meta bniedem ikun il-bully. Ilna għexieren ta’ snin li sirna konxi li fid-dinja jeżistu persuni li jħobbu jintimidaw lil ħaddieħor, li jagħmlu ħajjet ħaddieħor infern, li jħobbu jdaħħqu minn fuq dahar il-proxxmu. Dan l-atteġġjament huwa l-bullying.

Fost it-tfal
Il-bullying fosti t-tfal hija ħaġa komuni ħafna. It-tfal huma l-aktar vulnerabbli u suġġetti għal din il-ħaġa għaliex ikunu għadhom ma jafux jiddefendu lilhom innfushom. Il-bullying jista’ jsir b’modi differenti, minn bullying bil-kliem jew billi dak li jkun jiġi rredikulat quddiem il-ħbieb jew jista’ jkun ukoll b’atti fiżiċi fejn tifel jew tifla jissawtu. Għalhekk l-edukaturi għandhom dejjem ikunu b’għajnejhom miftuħin beraħ għal xi każi bħal dawn. Il-ġenituri wkoll għandhom joqgħodu attenti u jaraw li uliedhom ma jkunux qegħdin jagħmlu xi bidliet kbar fl-istil ta’ ħajjithom. Mhux diffiċli biex il-ġenituri jindunaw b’xi bidliet f’uliedhom. Jekk jaraw dan il-fenomenu għandhom jieħdu azzjoni mill-ewwel billi jkellmu lill-għalliema ta’ uliedhom. Imma l-bullying mhux bilfors ikun qed isir fl-iskola, għandu mnejn ikun qed iseħħ f’xi għaqda li l-ulied ikunu qed jattendi, bħal ngħidu aħna xi club tal-futbol jew xi għaqda oħra.

Fost il-kbar ukoll
Fost iż-żgħażagħ ukoll insibu bullying. Il-mod ta’ bullying fost din il-faxxa ta’ persuni jinbidel minn dak li jsir fosti t-tfal. Fost il-bullying issa nibdew insibu l-bullying fuq il-mezzi ġodda ta’ teknoloġija li għandna llum, hekk imsejjaħ cyberbullying. Is-cyberbullying jista’ jsir permezz ta’ sms fuq il-mobile, fuq il-komputer jew it-tablet. Cyberbullying iseħħ meta xi ħadd ixerred kontentut falz jew imbarazzanti dwar xi persuna fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni li għandna llum il-ġurnata. Informazzjoni privata dwar xi persuna li titpoġġa f’qagħda xejn pjaċevoli jew umiljanti. Dawn l-atti jistgħu jsiru fuq il-media soċali bħal Facebook, Instagram jew Twitter, billi jixxerdu SMS jew jintbagħtu e mails.

Billi llum il-mezzi tal-media soċjali huma użati anke mit-tfal, allura hawnhekk il-problema tal-bullying  fuq dawn il-mezzi tinstab ukoll fosti ż-żgħar. Il-bullying, kemm fiżiku, verbali kif ukoll fuq il-mezzi tal-media huma atti li jmorru kontra l-liġi u għalhekk wieħed għandu jirrapporta lill-pulizija mill-ewwel meta jnduna b’xi att bħal dawn. Ma għandniex nitraskuraw jew inħallu għal għada għax il-konsegwenzi tal-bullying jistgħu jkunu kbar. Il-korp tal-puluzija ta’ Malta għandu sezzjoni li tispeċjalizza u tħadem kontra dawn l-atti. Din hija s-Cyber Crime Unit li taħdem anke ma’ entitajiet barra minn Malta sabiex tiġġieled dawn l-atti li jistgħu jkissru li dak li jkun.

Dwar xiex?
Għandna mnejn nistaqsu dwar xiex jista’ jsir bullying. Bniedem li jkun bully jista jaqbad ma’ ħaddieħor fuq kollox, fuq it-twemmin politiku ta’ dak li jkun, fuq l-orjenatmanet sesswali, dwar il-qagħada soċjali ta’ dak li jkun, dwar il-mod ta’ ilbies li jilbes, dwar postijiet li jifrekwenta. Ġieli smajna b’każi fejn persuni soffrew bullying għax kienu jifrekwentaw xi għaqda tal-Knisja jew reliġjuża, smajna wkoll b’bullying fuq persuni għax għandhom twemmin politiku differenti minn dak ta’ sħabhom. Il-persuni omosesswali huma fost dawk li l-aktar li jsoffru bullying u spiss nisimgħu b’atti ta’ bullying kontriehom li xejn ma jagħmlu unur lil min iwettaqhom.

Il-bullying iġib miegħu bosta u bosta waġgħat u jinvolvi mhux biss lill-persuna li tirċievi dan l-att imma anke lil dawk l-aktar qrib ta’ din il-persuna. Il-bullying jista’ wkoll iġib miegħu fatalitajiet. Għalhekk tajjeb li min jibda jġarrab xi tip ta’ bullying, ikun kif kun, għandu jitkellem mill-ewwel. Mhux faċli għax il-bully jipprova jirredikola lill-vittma, imma dak li jkun għandu jsib bniedem li jafdah biex jigwidah u jirrapporta dan l-att kriminali. Il-ġenituri wkoll għandhom joqgħodu b’għajnehom miftuħin beraħ u jekk ikollhom xi suspett jaraw sewwa jekk hemm xi każ ta’ bullying fuq uliedhom.

Nagħalaq billi naqsam magħkom ħsieb: Jekk veru trid tkun “bully” iġġieled il-bullying!

Fr Reno Muscat



Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  17 ta' Awwissu 2019

sabato 11 giugno 2016

Reġgħu waslu l-festi

Kull meta joqrob dan iż-żmien tas-sena bla ma rrid nibda naħseb aktar fuq il-festi li  jsiru f’ kull parroċċa tagħna matul ix-xhur li ġejjin. Ta’ kull sena, f’ dawn iż-żminijiet, nikteb xi artiklu dwar dawn il-festi u billi dawn huma avvenimenti vasti, kull sena nsib x’ nikteb, dejjem differenti minn dak li nkun ktibt fis-snin ta’ qabel. Mela għalina ħa naraw din is-sena biex ħiereġ!

Festi fuq it-televiżjoni
Minn mindu f’ Malta daħal il-pluraliżmu fil-qasam tax-xandir, u aktar u aktar fix-xandir viżiv, bdejna naraw programmi dwar il-festi. Kull stazzjon televiżiv nistgħu ngħidu li xi sena jew oħra xandar sensiela dwar il-festi parrokkjali Maltin. Ma rridx noqgħod nidħol fil-mertu tal-kwalità ta’ dawn il-programmi imma żgur li kienu programmi popolari u mfittxijin minn ħafna Maltin, mhux biss dawk li għal xi raġuni jew oħra ma jkunux jistgħu imorru l-festa, iżda anke minn dawk li jkunu attendew il-festi. Bit-teknoloġija tal-live streeming dawn il-programmi bdew ikunu segwiti wkoll minn bosta emigranti Maltin.

Ma rridx insemmi ismijiet ta’ programmi u lanqas nagħmel paraguni, imma nħossni nkun qed nonqos jekk ma ngħaddix kumment dwar il-programm li rajna s-sena l-oħra li kien iġib l-isem “Il-Festa”. Kuntrarjament għall-programmi tal-festi li rajna matul is-snin ta’ qabel, dan il-programm mhux wasslilna l-festa tar-raħal kif tidher imma studja bir-reqqa l-elementi essenzjali li jikkomponu l-festa Maltija. Dan il-programm ħares lejn il-festa mil-lenti antropoloġika, studja l-ħtieġa tal-festa fil-ħajja tal-poplu Malti, fil-ħajja tal-parroċċa, fil-ħajja tal-individwu li s-sena kollha jirsisti u jaħdem għal dik il-ġimgħa.

Sehem kulħadd
Il-festi tagħna jinkludu faxxa wiesgħa ta’ nies. Il-festa ma ssirx jekk ma jkunx hemm min jorganizzaha u jekk ikun hemm min jorganizzaha u ma jkunx hemm min jipparteċipa fiha tkun festa mejta. Għalhekk il-festa tagħna hija festa ta’ kulħadd; tal-kappillan li jieħu ħsieb parti kbira tal-organizazzjoni, tas-sagristan li jieħu ħsieb l-armar tal-knisja; tal-kumitati tal-armar li jieħdu ħsieb iżejnu t-toroq tar-raħal jew belt, tal-każin tal-banda li jirsisti biex kull sena jferraħ lill-parruċċani bid-daqq, tax-xiħ jew xiħa li jmorru bilqegħda fuq il-bank tal-knisja biex jisimgħu l-prietka tat-tridu jew il-paniġierku u wara joħorġu bilqegħda fuq bank fil-pjazza biex jaraw il-briju ta’ barra, taż-żgħażagħ li mimlijin entużjażmu, normalment, jifirħu huma u jferrħu lill-oħrajn.

Kulħadd huwa importanti fil-festa u kulħadd għadnu postu. Ma hemm ħadd li jista’ jgħid li ma hemmx post għalih, ma hemm ħadd li jista’ jgħid li ma jogħġbu xejn fil-festa Maltija għax din hija vetrina b’ għażla kbira ta’ kultura, artiġjanat, ikel, drawwiet u mitt ħaġa oħra.

La semmejt iż-żgħażagħ
Matthew Bartolo
Justin Saliba
Ladarba semmejt liż-żgħażagħ fil-festa, nixtieq minn hawn insellem il-memorja ta’ żewġ żgħażagħ attivi ħafna fil-festi tagħna li mietu ħabta u sabta. Qed nirreferi Justin Saliba ta’ 33 sena li minkejja li twieled l-Awstralja u f’ Malta kien jgħix Santa Venera, kien attiv ħafna għall-festa ta’ San Ġorġ f’ Ħal Qormi, minn fejn kienet sewwasew il-familja tiegħu u għal Matthew Bartolo, ta’ 17-il sena, imwieled Ħal Għargħur imma ta’ ftit snin mar joqgħod Ħal Kirkop, li tilef ħajtu f’ inċident fuq il-post tax-xogħol. Id-dilettanti tal-festi ħassew għafsa ta’ qalb meta semgħu bil-mewt ta’ dawn iż-żewġ żgħażagħ, imwiet li graw ftit ġranet bogħod minn xulxin. Mijiet marru l-funerali tagħhom u ħafna bkewhom. Il-firda dejjem kerha, imma mewt fuq iż-żgħażugħ hija kerha ħafna aktar għaliex iż-żgħżugħ huwa r-raġel ta’ għada, huwa l-mexxej tal-futur u minkejja n-nuqqasijiet kollha, frott l-esperjenza limitata, iż-żgħażagħ huma l-akbar mutur tal-festi f’ pajjiżna.

Attenti għall-Malti
Jekk il-festi Maltin huma għal qalbi, daqstant ieħor huwa l-ilsien ta’ pajjiżna. Kemm-il darba ktibt dwar dawn is-suġġetti u nibqa’ nikteb għax jiddispjaċini jekk nara li xi wieħed minnhom sejjer lura. Illum sejjer ngħaqqadhom flimkien. Fil-festi tagħna jkunu ppubblikati mijiet ta’ kotba, programmi tal-festa. Fihom insibu ħafna messaġġi u artikli. Sfortunatament ġieli rajna kitbiet b’ Malti mhux miktub sewwa. Tassew li l-programm tal-festa ma huwiex xi ktieb tal-grammatika imma jkun xieraq li jkun miktub kemm jista’ jkun bla żbalji. Illum hawn bosta qarrejja tal-provi f’ pajjiżna. Żgur li min joħroġ ktieb tal-festa jkun jixtieq li dan ikun ta’ livell għoli. Mela sibu min jikkoreġi l-Malti li jkun fih għax Malti miktub b’ ħafna żbalji ma jgħollix wisq il-livell. Biex ix-xogħol isir sewwa jrid il-ħin u ż-żmien, mela jaqbel li dan ix-xogħol jibda jinħaseb minn kmieni għax qattusa għaġġelija frieħ għomja tagħmel!

Kemm truf għandhom il-festi ta’ pajjiżna, kemm hemm x’ wieħed jgħid jew jikteb dwarhom. X’ patrimonju enormi hemm mistur wara dik il-ġimgħa ċelebrazzjonijiet. Kemm xogħol, kemm snajja, kemm imħabba!


Fr Reno Muscat


Artiklu li deher f' In-Nazzjon 11 ta' Ġunju 2016





giovedì 6 giugno 2013

Soċjetà li qed tinbidel b'għaġla

Ngħaddi ħin twil bilqegħda fuq l-iskrivanija, naqra, infittex jew nikteb. Illum ersaqt qrib tat-tieqa għax ridt noħroġ ftit u naqta’ ftit minn quddiem il-kompjuter. Allura ridt nara x’temp hu ħalli nadatta dak li se nilbes. It-tieqa ta’ kamarti niftaħha kull filgħodu, l-ewwel ħaġa li nagħmel malli nqum imma ftit li xejn noqgħod nifli dak li jkun għaddej lil hinn mill-ħoġor tagħha. Imma llejla ħarsti waqgħet fuq is-siġar li hemm fit-triq fejn noqgħod. Sa ftit jiem ilu kienu zkuk, illum mimlijin weraq. Jidher li r-rebbiegħa qiegħda fl-aqwa tagħha. Indunajt bil-bidla li saret fit-triq, donnha triq oħra u mhux dik li noqgħod fiha u li ngħaddi minnha kuljum. Donnha minn ġot-tieqa derhet mod ieħor. F’ kelma waħda indunajt bil-bidla.

Bidliet fina u fl-oħrajn

F’ ħajjitna ngħaddu minn bosta bidliet li xi wħud nindunaw bihom u oħrajn jgħaddu bla ma nintebħu bihom. M’ilux kont il-Birgu u xi ħbieb tiegħi stednuni nidħol nieħu flixkun birra magħhom. Dħalt u poġġejt bilqegħda madwar il-mejda tagħhom. Wara ftit nara bniedem isellimli mill-mejda ta’ maġenbna. Sellimtlu aktar bħala edukazzjoni milli għal xi ħaġa oħra. Huwa intebaħ li ma kontx għaraftu, u tassew li ma għaraftux. Qam u resaq lejja u beda jkellimni. Għaraft leħnu u mbagħad għaraft lilu. Konna noħorġu flimkien xi 25 sena ilu. Għidtlu li ma għaraftux għax kien tqawwa. Hu pront pront weġibni li ma għandix għax ngħid għax lili jiftakarni daqs nofs dak li jien illum! Nispera li ma ħax għalih b’ hekk. Le ma ħax għax ftit jiem wara erġajna iltqajna fuq tal-linja u tkellimna fit-tul. X’ bidla! Lanqas tagħraf bniedem minħabba l-bidla li tkun saret fih.
Kultant inkun Malta u nara n-neputijiet u ngħid f’qalbi:  “Ara naqra n-neputija kemm kibret, qisu l-bieraħ mort għaliha u għal ommha bil-karozza tiegħi biex mill-isptar noħodhom id-dar.” Nara n-neputi u ngħid: “Ara naqra daqs xiex sar, daqsi mit-tul (mhux mill-wisa’), qisu l-bieraħ niftakru għand ommi, għadu tarbija fil-playpen, jitqatel magħha biex jipprova joħroġ minnha u meta kien jaqta’ qalbu li jista xi darba jissupera dak l-ostaklu kien jintefa jgerrem l-ilqugħ ta’ dik il-playpen.” Bidliet li jekk ma nieqfux u nirriflettu fuqhom lanqas nintebħu bihom.

Bidla fil-Knisja
Dan l-aħħar kellna bidla fit-tmexxija tal-Knisja. Din kienet bidla li indunajna biha u għadna nħossu l-effett tagħha, l-aktar aħna li ngħixu Ruma qrib tal-Vatikan. Kull nhar ta’ Erbgħa minn kmieni filgħodu jibdew jaslu eluf ta’ nies biex jattendu għall-udjenza ġenerali. L-istess isir kull nhar ta’ Ħadd, mijiet ta’ eluf jiġu Ruma biex jassistu għall-udjenza jew għall-Angelus mal-papa Franġisku. Bidla kbira. Rigward din il-bidla ma nistax ma nsemmix punt. Hija bidla li tidher, imma fiha wkoll bidla li ma tidhirx. Il-kappillan tal-parroċċa tiegħi qalli li kien hemm persuna li tiddikjara lilha nnifisha atea, ma temminx b’ Alla, imma hija ħbieb tal-kappillan tagħna. Ftit jiem ilu din il-persuna iltaqgħet mal-kapillan u qaltlu; “Qis li meta tkun qiegħed tbierek id-djar fit-triq tiegħi, ħabbatli għax irrid inbierek jien ukoll.” Il-kappillan qalilna li din il-persuna tant inġibdet mill-kariżma tal-Papa Bergoglio li qiegħda terġa lura lejn il-fidi li darba kellha. Bidla oħra li jalla jkollna ħafna bħalha.

Bidla fil-mentalità
L-Italja u Malta bidlu l-gvern. Naraw bidliet fil-mentalitajiet tal-votanti. Illum ma għadux iż-żmien li bniedem jitwieled f’ partit politiku u jibqa’ fih sakemm imut. Dan rajnieh sewwa f’ pajjiżna fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet u rajnieħ kemm-il darba fil-pajjiż ġar tagħna. Bidla; dak li jrid il-bniedem. Il-ġenerazzjoni tal-lum ma taħsibx aktar fuq l-istat tal-welfare, fuq kemm il-pajjiż jista’ jkun aħjar għax lanqas timmaġina li xi darba dak li għandha f’idejna llum ma kienx jeżisti. Il-ġenerazzjoni tal-lum ma timmaġinax kif kienet id-dinja qabel ma twieldet hi. Il-ġenerazzjoni żagħżugħa ta’ Malta, per eżempju, ma timmaġinax li s-servizzi li ngawdu llum f’pajjiżna huma frott tal-gvernijiet kollha li mexxew lill-artna tul-dawn l-aħħar ħamsin sena, tul kemm Malta ilha stat. Illum din il-ġenerazzjoni tgħożż dak li għandna imma tħares lejn xi ħaġa oħra. Tħares lejn il-libertà tal-kult, li kulħadd ikollu dritt jemmen dak li jrid. Tiddefendi l-libertà dwar l-orjentament sesswali tal-individwu. Tiġġieled għall-ambjent. Tirsisti għall-paċi fid-dinja. Ħamsin sena ilu dawn l-issues ma kienux fuq l-aġenda tal-pajjiż, kien hemm issues aktar importanti. Illum li pajjiżna laħaq livell ta’ ħajja għoli, nistgħu inpoġġu dawn il-punti fuq l-aġenda politika tagħna.  Saret bidla fil-mentalità. Naħseb ma nkunx qiegħed niżbalja jekk ngħid li dawn l-issues għenu ħafna fil-bidla politika li seħħet f’ pajjiżna aktar kmieni din is-sena.

Bidliet fit-temp

Illum irrid inbiddel ukoll il-gwardarobba. Il-ħwejjeġ tax-xitwa nitfagħhom fuq u nniżel dawk tal-mezzu temp fl-ixkaffa tan-nofs fejn nilħaqhom b’mod aktar faċli. Bidla oħra li rridu jew ma rridux ikollna ngħaddu minnha ta’ kull sena: il-qalba mix-xitwa għas-sajf u mis-sajf għax-xitwa. Għalkemm illum anke it-temp inbidel  u minkejja li wasalna fuq l-għatba tas-sajf. Donnu t-temp għadu ma jafx eżatt x ser jagħmel. Ħarsa lejn l-Italja naraw li lejn l-aħħar ta’ Mejju t-temperatura varjat minn taħt iz-zero n-naħa ta’ fuq għal iktar minn għoxrin grad fil-parti ta’ isfel.

Nistgħu nibqgħu sejrin għax ħajjitna kollha bidliet, kull jum li jgħaddi minn fuqna jibdilna, jkabbarna, jimmaturana. Għalkemm ma għadiex moda din il-kelma xorta se nużaha – kull jum li jgħaddi minn fuqna jxejjaħna. Kont ser nagħmel bidla oħra – fil bidu ktibt li kont ser noħroġ ftit imma ara intfajt nikteb u bqajt hawn ġew, kont sejjer nibdel il-ħsieb. Le, le, se nitfa’ l-ħwejjeġ fuqi u nitlaq nagħmel passejn. Kif ngħidu: biex inbiddel ftit l-arja.


Fr Reno Muscat OP
In-Nazzjon 6 ta' Ġunju 2013