sabato 11 giugno 2016

Reġgħu waslu l-festi

Kull meta joqrob dan iż-żmien tas-sena bla ma rrid nibda naħseb aktar fuq il-festi li  jsiru f’ kull parroċċa tagħna matul ix-xhur li ġejjin. Ta’ kull sena, f’ dawn iż-żminijiet, nikteb xi artiklu dwar dawn il-festi u billi dawn huma avvenimenti vasti, kull sena nsib x’ nikteb, dejjem differenti minn dak li nkun ktibt fis-snin ta’ qabel. Mela għalina ħa naraw din is-sena biex ħiereġ!

Festi fuq it-televiżjoni
Minn mindu f’ Malta daħal il-pluraliżmu fil-qasam tax-xandir, u aktar u aktar fix-xandir viżiv, bdejna naraw programmi dwar il-festi. Kull stazzjon televiżiv nistgħu ngħidu li xi sena jew oħra xandar sensiela dwar il-festi parrokkjali Maltin. Ma rridx noqgħod nidħol fil-mertu tal-kwalità ta’ dawn il-programmi imma żgur li kienu programmi popolari u mfittxijin minn ħafna Maltin, mhux biss dawk li għal xi raġuni jew oħra ma jkunux jistgħu imorru l-festa, iżda anke minn dawk li jkunu attendew il-festi. Bit-teknoloġija tal-live streeming dawn il-programmi bdew ikunu segwiti wkoll minn bosta emigranti Maltin.

Ma rridx insemmi ismijiet ta’ programmi u lanqas nagħmel paraguni, imma nħossni nkun qed nonqos jekk ma ngħaddix kumment dwar il-programm li rajna s-sena l-oħra li kien iġib l-isem “Il-Festa”. Kuntrarjament għall-programmi tal-festi li rajna matul is-snin ta’ qabel, dan il-programm mhux wasslilna l-festa tar-raħal kif tidher imma studja bir-reqqa l-elementi essenzjali li jikkomponu l-festa Maltija. Dan il-programm ħares lejn il-festa mil-lenti antropoloġika, studja l-ħtieġa tal-festa fil-ħajja tal-poplu Malti, fil-ħajja tal-parroċċa, fil-ħajja tal-individwu li s-sena kollha jirsisti u jaħdem għal dik il-ġimgħa.

Sehem kulħadd
Il-festi tagħna jinkludu faxxa wiesgħa ta’ nies. Il-festa ma ssirx jekk ma jkunx hemm min jorganizzaha u jekk ikun hemm min jorganizzaha u ma jkunx hemm min jipparteċipa fiha tkun festa mejta. Għalhekk il-festa tagħna hija festa ta’ kulħadd; tal-kappillan li jieħu ħsieb parti kbira tal-organizazzjoni, tas-sagristan li jieħu ħsieb l-armar tal-knisja; tal-kumitati tal-armar li jieħdu ħsieb iżejnu t-toroq tar-raħal jew belt, tal-każin tal-banda li jirsisti biex kull sena jferraħ lill-parruċċani bid-daqq, tax-xiħ jew xiħa li jmorru bilqegħda fuq il-bank tal-knisja biex jisimgħu l-prietka tat-tridu jew il-paniġierku u wara joħorġu bilqegħda fuq bank fil-pjazza biex jaraw il-briju ta’ barra, taż-żgħażagħ li mimlijin entużjażmu, normalment, jifirħu huma u jferrħu lill-oħrajn.

Kulħadd huwa importanti fil-festa u kulħadd għadnu postu. Ma hemm ħadd li jista’ jgħid li ma hemmx post għalih, ma hemm ħadd li jista’ jgħid li ma jogħġbu xejn fil-festa Maltija għax din hija vetrina b’ għażla kbira ta’ kultura, artiġjanat, ikel, drawwiet u mitt ħaġa oħra.

La semmejt iż-żgħażagħ
Matthew Bartolo
Justin Saliba
Ladarba semmejt liż-żgħażagħ fil-festa, nixtieq minn hawn insellem il-memorja ta’ żewġ żgħażagħ attivi ħafna fil-festi tagħna li mietu ħabta u sabta. Qed nirreferi Justin Saliba ta’ 33 sena li minkejja li twieled l-Awstralja u f’ Malta kien jgħix Santa Venera, kien attiv ħafna għall-festa ta’ San Ġorġ f’ Ħal Qormi, minn fejn kienet sewwasew il-familja tiegħu u għal Matthew Bartolo, ta’ 17-il sena, imwieled Ħal Għargħur imma ta’ ftit snin mar joqgħod Ħal Kirkop, li tilef ħajtu f’ inċident fuq il-post tax-xogħol. Id-dilettanti tal-festi ħassew għafsa ta’ qalb meta semgħu bil-mewt ta’ dawn iż-żewġ żgħażagħ, imwiet li graw ftit ġranet bogħod minn xulxin. Mijiet marru l-funerali tagħhom u ħafna bkewhom. Il-firda dejjem kerha, imma mewt fuq iż-żgħażugħ hija kerha ħafna aktar għaliex iż-żgħżugħ huwa r-raġel ta’ għada, huwa l-mexxej tal-futur u minkejja n-nuqqasijiet kollha, frott l-esperjenza limitata, iż-żgħażagħ huma l-akbar mutur tal-festi f’ pajjiżna.

Attenti għall-Malti
Jekk il-festi Maltin huma għal qalbi, daqstant ieħor huwa l-ilsien ta’ pajjiżna. Kemm-il darba ktibt dwar dawn is-suġġetti u nibqa’ nikteb għax jiddispjaċini jekk nara li xi wieħed minnhom sejjer lura. Illum sejjer ngħaqqadhom flimkien. Fil-festi tagħna jkunu ppubblikati mijiet ta’ kotba, programmi tal-festa. Fihom insibu ħafna messaġġi u artikli. Sfortunatament ġieli rajna kitbiet b’ Malti mhux miktub sewwa. Tassew li l-programm tal-festa ma huwiex xi ktieb tal-grammatika imma jkun xieraq li jkun miktub kemm jista’ jkun bla żbalji. Illum hawn bosta qarrejja tal-provi f’ pajjiżna. Żgur li min joħroġ ktieb tal-festa jkun jixtieq li dan ikun ta’ livell għoli. Mela sibu min jikkoreġi l-Malti li jkun fih għax Malti miktub b’ ħafna żbalji ma jgħollix wisq il-livell. Biex ix-xogħol isir sewwa jrid il-ħin u ż-żmien, mela jaqbel li dan ix-xogħol jibda jinħaseb minn kmieni għax qattusa għaġġelija frieħ għomja tagħmel!

Kemm truf għandhom il-festi ta’ pajjiżna, kemm hemm x’ wieħed jgħid jew jikteb dwarhom. X’ patrimonju enormi hemm mistur wara dik il-ġimgħa ċelebrazzjonijiet. Kemm xogħol, kemm snajja, kemm imħabba!


Fr Reno Muscat


Artiklu li deher f' In-Nazzjon 11 ta' Ġunju 2016





Nessun commento:

Posta un commento