Illum il-ġurnata
qegħdin nisimgħu spiss dawn iż-żewġ kelmiet, li fihom infushom ifissru mexxejja
tal-opinjoni, biss is-sens veru tal-kliem imur wisq iżjed fil-font minn
sempliċimnet mexxej ta’ opinjoni. Fejn jidħol in-negozju l-opinion leader huwa importanti ħafna. Importanti wkoll għal kull
soċjetà attiva, bħal ma huma l-partiti politiċi, il-Knisja, l-għaqdiet
nazzjonali kemm governattivi u kemm dawk li mhumiex. Kull soċjetà għandha bżonn
relazzjoni tajba mal-opinion leaders
għaliex dawn jistgħu jkunulha tal-aqwa reklam.
X’ inhuma sewwasew?
Paul Felix Lazarsfeld |
It-teorija tal-opinion leader twieldet minn Paul Felix
Lazarsfeld u sħabu. Dan is-soċjologu, imwieled fl-Awstrija fl-1901, li mar jgħix
ġewwa l-Istati Uniti, ra b’għajnejh it-tixrid tal-media; ir-radju u aktar tard
it-televiżjoni. Inċidentalment fl-istess sena li fiha twieled Lazarsfeld,
it-Taljan Guglielmo Marconi sab is-sistema kif wieħed jista’ jitrażmetti bla wire, dak li aktar tard kellu jkun
ir-radju. Fl-1926 l-Iskoċċiż John Logie Baird uffiċjalment għamel l-ewwel
trasmissjoni viżiva bla wire, dak li
kellu jkun it-televiżjoni. Tajjeb ngħidu li r-radju dam 38 sena biex laħaq il-50
miljun semmiegħ filwaqt li t-televiżjoni ħa 13-il sena biex laħaq il-50 miljun
telespettatur. Dan il-fatt juri kemm il-bniedem kull ma jmur beda dejjem aktar
isegwi l-mezzi ta’ komunikazzjoni. Lazarsfeld ħareġ bit-teorija
tal-komunikazzjoni fuq żewġ livelli, (two-step
flow of communication). L-ewwel livell huwa dak il-messaġġ li toħloq il-m
edia u l-effett li jħalli fuq min jisma’ jew jara. Dan il-messaġġ jiġi biex
ngħidu hekk assorbit mis-semmiegħ u jibda jemmen dak il-messaġġ. It-tieni
livell ta’ komunikazzjoni hu li dan it-tali jibda jxandar ma’ sħabu dak li jkun
sama’, emmen u assorba mill-mezzi tax-xandir. Dan it-tali huwa l-opinion leader. Mexxej tal-opinjoni
għaliex imexxi l-opinjoni tiegħu lill-oħrajn. Mexxej tal-opinjoni għaliex huwa
afdat mill-oħrajn, huwa stmat u huwa miżmum bħala bniedem li ta’ min jorbot
fuqu; dak li l-Inglizi jgħidu you can
bank on.
Qabel u llum
Kien hemm żmien
meta l-opinion leaders kienu meqjusin
biss dawk li jkollhom ċertu livell ta’ edukazzjoni, dawk li jkunu waslu
sal-università, il-politiku, it-tabib, in-nutar, l-avukat u l-kappillan. Qabel
il-kelma ta’ dawn kienet tiswa daqs l-evanġelju. Dak li jgħidu huma kien meqjus
bħala l-verità u s-sewwa. Illum il-ġurnata l-affari nbidlet. Illum qegħdin
ngħixu f’ dinja tal-karozza tal-linja, dinja tax-xarabank, fejn kulħadd jista’
jgħid li jrid anke jekk dak li jkun qed jgħid ma jkollu l-ebda bażi ta’ realtà.
Sfortunatament ħafna drabi huma dawn it-talin li l-aktar jagħmlu ħoss minkejja
li ma jkunu qed jgħidu xejn sew. Sewwa jgħid il-qawl Ingliż: empty vessels make most sound.
Bil-mezzi
tax-xandir, l-opinion leader huwa dak
is-semmiegħ li jisma’ u jinterpreta s-sinifikat u l-kontenut tal-messaġġ.
Il-fatt li l-opinion leader huwa
bniedem ta’ stima, jispiċċa biex ikollu s-segwaċi, għalhekk dan jista’ jkun anke
fatt perikoluż għax jekk l-opinion leader
ma jifhimx sewwa xi kunċett jista’ jaqleb ta’ taħt fuq il-messaġġ.
Min hu l-opinion leader?
Ħalli nġib ftit
eżempji ta’ min jista’ jkun opinion
leader illum. Jekk jien naħdem fuq il-kompjuter u jkolli problema, mhux
sejjer nistaqsi lil Salvu tal-ħaxix kif ser insolviha imma mmur fil-ħanut
tal-kompjuters insib lil Glenn, biss jekk irrid inkun naf kif qed taħsibha
n-nies dwar xi liġi li qed jiddiskuti l-parlament ma nistaqsix lil Glenn imma
mmur direttament nistaqsi lil Salvu. Indirettament dawn it-tnejn għalija huma opinion leaders u dak li jgħiduli nemmnu
iżda dejjem skont iċ-ċirkostanza li nkun fiha. Jekk Silvia dejjem ikollha
ħwejjeġ nodfa u jfuħu, Mary lilha tistaqsi xi prodott tuża. Fuq skala akbar
taħdem is-sistema fejn jidħol ix-xandir.
Stakeholders
L-opinion leader jaffettwa l-opinjoni ta’
ħaddieħor. Fin-negozju l-opinion leader
jaffettwa l-opinjoni tal-istakeholder.
Min hu stakeholder? Stakeholder huwa dak it-tali li jkollu
l-intenzjoni jixtri xi ħaġa. Mhux bilfors tkun xi ħaġa kbira, imma ħaġa tkun li
tkun. Stakeholder hu x-xerrej ta’ dar
jew ta’ karozza imma mhux biss, stakeholder
hija l-mara tad-dar li tagħmel ix-xirja u tagħżel bott piżelli ta’ ditta u mhux
ta’ oħra, sewwasew kif ix-xerrej tad-dar jixtri dar u mhux oħra u x-xerrej ta’
karozza jagħżel mudell u mhux ieħor. Ix-xerrej ikun sama’ xi ħaġa dwar dak li
jkun ser jixtri. Id-differenza bejn l-eżempji li ġibt hija li bott piżelli
tixtrih kuljum u jekk dak ta’ ditta ma għoġbokx, malajr tibdel, biss dar jew
karozza mhux bott piżelli! F’ kelma waħda aħna lkoll stakeholders għaliex ilkoll nixtru u lkoll inkunu b’ xi mod jew
ieħor influenzati minn xi ħadd li xtara qabilna, dak li nqisuh bħala opinion leader.
Għalhekk
l-entitajiet u l-gruppi tajjeb jieħdu aktar bis-serjetà ir-rwol tal-opinion leader u jagħrfu li kif qal Lazarsfeld
li llum b’ xi mod kulħadd jista’ jkun mexxej tal-opinjoni.
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento