Madwar għoxrin sena
ilu kont Sqallija u waqt li kont għaddej bil-karozza qrib Enna rajt tabella li turi
t-triq li twassal għal Agira. Minkejja li
m' iniex
Żebbuġi, dlonk ftakart f'
San Filep u dak il-ħin waħħaltha f' moħħi li xi darba, aktar ’il quddiem, inżur dan il-post. Ġejt lura Malta u x-xewqa li nżur Agira donnha battiet. Minkejja li wara dik iż-żjara mort
kemm-il darba ġewwa
Sqallija, ix-xewqa li kont fassalt f' moħħi baqgħet fl-arja.
Darba, waqt it-tberik tal-familji fil-parroċċa tagħna, kont qrib il-kappella tal-Madonna tal-Anġli u lmaħt poster iħabbar jum ġewwa Agira organizzat mill-Każin tal-Banda 12th May. Dak il-ħin stess reġgħet tħeġġet ix-xewqa li kienet nibtet fiha tant snin qabel. Irranġajt l-affarijiet li kelli nirranġa u bbukkjajt biex is-Sibt 7 ta' Mejju mmur ġurnata Agira mal-pellegrini l-oħra.
Wasal il-jum
Minn qabel is-sebħ iltqajna sabiex
għall-ħabta
tal-5.00am tlaqna lejn Sqallija bil-catamaran. Kif wasalna Pozzallo sibna
l-coach tistenniena, irkibna u tlaqna lejn il-post tant marbut mal-qaddis
patrun tagħna Filippu. Triq twila 180 kilometru, bejn wieħed u ieħor id-doppju tad-distanza bejn
Malta u Sqallija! F’ nofs it-triq waqafna nieħdu kafè u xi ħaġa x’ nieklu u
komplejna triqitna lejn id-destinazzjoni tagħna.
Wasalna f’ xil-10.30am u hemmhekk sibna lil min jistenniena. Dlonk dħalna fil-knisja ddedikata lil San Filep. Morna quddiem ir-relikwarju tant sabiħ u għażiż li fih il-fdalijiet tal-qaddis u wara nżilna fil-kripta fejn jingħad li miet San Filep. Iż-żagħżugħ Danilo Alleruzzo ħa ħsieb idawwarna kull rokna tal-knisja u jfissrilna dak li konna qed naraw. Fil-11.00 qaddisna l-quddiesa ta’ San Filep u wara tlaqna mill-knisja lejn il-comune biex niltaqgħu mas-Sindku ta’ Agira. Mill-knisja sal-uffiċju tal-kunsill hemm telgħa wieqfa u trid pompa tajba biex titlagħha. Mat-triq waqafna naraw in-niċċa fejn hemm il-ġebla ta’ San Filep u l-knisja ta’ Sant’ Antnin ta’ Padova. Bis-saħħa ta’ dawn il-waqfiet stajna nserrħu ftit riġlejna. Bil-għajnuna ta’ Alla u ta’ San Filep wasalna wkoll u hemmhekk laqgħetna s-Sindku ta’ Agira l-Onorevoli Maria Gaetana Greco. Hija introduċietna mal-kumplament tal-kunsill u wara saru diskorsi qosra minnha u mill-President tal-każin, Dr Mariella Mizzi.
Mill-uffiċċju tal-comune, gwidati dejjem minn Danilo, morna nżuru l-għar
fejn kien jgħix San Filep. Hemmhekk wara li dan iż-żgħażugħ fissrilna sewwa
l-istorja tal-għar u rrakkontalna xi stejjer marbutin ma’ San Filep, għidna
l-kurunella u tlaqna lejn ir-ristorant biex nieklu. Morna nieklu fir-ristorant
Al Ritrovo, ġewwa Via Vittorio Emanuele. Konna fjakkajna u kif ngħidu aħna
l-Maltin, xkora vojta ma tieqafx. U jekk l-ixkora tagħna kienet vojta, hemmhekk
ma damitx wisq biex tintela’. Kilna ikla tajba u ħadd ma garr la mill-kwalitàu
lanqas mill-kwantità. Wara l-ikel sellimna lil dawk il-persuni minn Agira li kienu
magħna u tlaqna lejn l-istabilimenti ta’ Porte di Catania. Ix-xiri għalina
l-Maltin huwa sagru daqs ma nafx xiex, iżda l-ħin li kien hemm għax-xiri ma
kienx twil wisq, iżda xorta min ried jixtri xi ħaġa xtraha. Qbadna t-triq lura
lejn il-port ta’ Pozzallo biex għall-ħabta tad-9.30pm tlaqna lejn Malta,
kuntenti li kollox mar b’ wiċċ il-ġid.
Min mar?
Ma kontx naf x’ faxxa ta’ nies ser ikun hemm għal din iż-żjara ġewwa Agira,
imma meta rajt il-grupp kollu intbaħt x’ varjetà ta’ nies kien hemm fih. Tfal,
żgħażagħ adulti u anzjani. Indunajt li kien hemm min għalih din iż-żjara kienet
appuntament anwali u jistenna minn sena għal oħra biex imur sa Agira jsellem
lil Filippu u lill-ħbieb tiegħu hemmhekk. Kien hemm min għalih li jmur Agira
qisu sejjer il-Belt Valletta, jaf ħafna nies, jaf it-toroq tal-post u nsomma
jaf sewwa l-lokal għax mar kemm-il darba. Kien hemm oħrajn, bħali, li għalihom
kollox kien ġdid. B’ taħlita bħal din ma tistax tiddejjaq għax bejn mistoqsija
ta’ min mar l-ewwel darba u bejn it-tweġibiet ta’ dawk li issa saru midħla ta’
Agira, il-ġurnata tgħaddi bħal ħolma.
Laqgħa bejn il-ħbieb
Bosta persuni minn Agira stennew bil-ħerqa l-wasla tagħna. Bosta Żebbuġin
tgħannqu ma’ sħabhom ta’ Agira hekk kif wasalna hemm u nżilna mill-coach. Dlonk
indunajt li bejn Agira u Ħaż-Żebbuġ mhux ġemellaġġ biss hemm, iżda hemm rabta
ta’ ħbiberija bejn bosta persuni. Dan il-fatt komplejt nikonfermah waqt l-ikel.
Ħafna bdew jiġu r-ristorant fejn konna sabiex jiltaqgħu ma’ ħbiebhom Żebbuġin.
L-akkoljenza ta’ dawn il-persuni hija xi ħaġa li ma tistax titniżżel bil-kitba.
Tgħanniq, bews u bdil ta’ rigali jixhdu dan li qed ngħid. Persuna li żgur
nibqa’ niftakar huwa Ninetto Caramanna. Waqt l-ikel kont ħdejh u ndunajt li jaf
lil Ħaż-Żebbuġ aktar milli nafu jien. Dan il-jum ġewwa Agira ma kienx biss pellegrinaġġ,
ma kienx biss ġita imma kien laqgħa bejn ħbieb kbar li għandhom ħafna komuni
bejnithom imma l-aktar ħaġa li hemm komuni hija l-imħabba lejn San Filep.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher fil-programm tat-12 th May Band and Social Club, Ħaż-Żebbuġ. Festa San Filep 2016
Nessun commento:
Posta un commento