Visualizzazione post con etichetta Pariġi. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta Pariġi. Mostra tutti i post

sabato 16 ottobre 2021

L-ingravata

Kien hemm żmien li dak li jkun biex juri li huwa ta’ ċertu livell soċjali kien jilbes l-ingravata. Kien hemm żmien li l-irġiel ma kinux jitħallew jidħlu l-qorti mingħajr ingravata. Kien hemm żmien meta l-għalliema, il-ħaddiema tal-banek, it-tobba, in-nutara, l-avukati u l-professjonisti kollha kienu jilbsu l-ingravata. Xogħolhom hekk kien jitlob. L-ingravata kienet tintlibes min-nies komuni f’xi okkażjoni speċjali, xi tieġ tal-familja jew xi preċett jew griżma ta’ xi ħadd mill-ulied. L-ingravata kienet parti mill-uniformi tal-iskola għas-subien u ġieli anke għall-bniet. Jekk bniedem komuni kien ikun liebes il-ġlekk u l-ingravata f’jiem mhux ta’ xi okkażjoni kien ikun hemm min jaħseb li għandu jidher il-qorti u kien hemm min iwaqqa’ għaċ-ċajt lil min jilbes l-ingravata mhux għal xi okkażjoni. Spiss kienu jgħidu lil dak li jkun: “Qisek ħadt porga!” Illum l-istorja nbiddlet, l-ilbies tal-ingravata naqas minn dawk ta’ jitqiesu tal-alta soċjetà kif ukoll mill-professjonisti. L-ilbies casual sar komuni fuq kulħadd u aċċettat minn kulħadd u kullimkien.

Imma qatt ħsibtu kif oriġinat din l-imbierka ngravata?


Ftit storja

Suldat Ruman b'faxxa ma' għonqu
Nistgħu ngħidu li l-ewwel tip ta’ ingravata kienet tintlibes mill-membri tal-leġujni fl-armata tal-Imperu Ruman. Din kienet tkun faxxa tad-drapp ta’ diversi lwien li kienet tintrabat madwar l-għonq tal-leġjunarji u biha kienu jgħattu mniffsejhom meta jkun ir-riħ. Din kienet isservi biex jipproteġu mniffsejhom mit-trab l-aktar f’artijiet xotti fejn l-għabra qatt ma kienet tkun nieqsa u spiss kienet tikkawża xi infezzjoni fil-grieżmejn tal-leġjuni Rumani.

L-ingravata kif nafuha llum nistgħu ngħidu li taf il-bidu tagħha lill-gwerra tat-tletin sena li seħħet bejn l-1618 u l-1848. Din il-gwerra kienet twila u mifruxa mal-Ewropa. Suldati Kroati kienu qed jaqdu l-missjoni militari tagħhom fi Franza. Fl-uniformi tagħhom dawn is-suldati kellhom maktur imdawwar madwar għonqhom marbut b’għoqda fuq quddiem. Din il-ħaġa ġibdet l-attenzjoni tal-Pariġini. Dak il-maktur beda jissejjaħ mill-poplu ta’ Pariġi bħala “Crovat”, korruzzjoni tal-kelma “Kroat”. Minn hawn twieldet il-kelma Franċiża “cravate” kif tissejjaħ l-ingravata f’dan l-ilsien.

Is-Sultan ta’ Franza, Luwiġi XIV għoġbitu din il-moda, biex ngħidu hekk u beda jilbes “cravate” tal-biżżilla madwar għonqu madwar is-sena 1646, meta l-gwerra li semmejna kienet għadha lanqas intemmet u meta hu kien għad kellu biss seba’ snin. Din il-ħaġa nxerdet u saret moda mal-aristokrazija u n-nobbli ta’ Franza kollha. Minn hawn il-moda ta’ faxxa drapp madar l-għonq infirxet mal-alta soċjetà tal-Ewropa kollha u bdejna naraw ingravajjet ta’ stili u materjali differetni. Issa l-ingravata saret simbolu ta’ klassi. Tajjeb ngħidu li dak iż-żmien l-ingravata ma kinitx tintlibes biss min-nobbli rġiel imma anke minn dawk nisa, ovvjament dawk li kienu jilbsu n-nisa kellhom disinn differenti  minn dawk li kienu jxiddu żwieġhom. Meta qed insemmu l-ingravata tas-seklu XVII ma rridux nimmaġinaw l-ingravajjet tal-lum. Dawn kienu jieħdu ħin twil  biex jintibsu u jiġu jidhru sbieħ.

Tipi

Il-mixja minn dak il-maktur madwar għonq is-suldati Kroati sal-ingravata tal-lum rat bosta tibdiliet u mudelli. Illum naraw ingravajjet lesti, kemm wieħed jixtri u jilbes. Ingravata normalment tista’ tkun jew ta’ lewn wieħed, tista’ tkun irrigata, tista’ tkun bit-tikek jew inkella tista’ tkun b’xi disinji fuqha. Normalment dawn huma l-erba’ tipi ta’ ingravajjet li nsibu, biss nistgħu nsibu xi ħaġa oħra wkoll.

L-ingravata ta’ lewn iswed ġeneralment turi li dak li jilbisha jkun għaddej minn żmien ta’ luttu, ingravata bir-riġi ħafna drabi hija parti minn xi uniformi aktarx ta’ xi skola jew xi għaqda jew regiment. Il-moda tidħol ukoll fl-ingravata. Ġieli tkun moda ngravata dejqa u ġieli tkun moda waħda wiesgħa. Alla ħares ma jkun hekk għax kieku dak li jkun ma jixtrix! Ingravata jista’ jkollha fuqha xi arma ta’ xi għoqda jew każin. Illum bosta jħobbu jirrakkmaw l-arma tal-għaqda. Fost l-aktar komuni f’pajjiżna nsibu l-għaqdiet tal-banda li jkollhom ingravajjet bil-lewn li jxejru u l-arma tal-każin irrakkmata fuqha.

Kurżitajiet

L-aktar ingravata
għalja  fid-dinja
Aħna l-Maltin ngħidu li skont li tħallas tiekol u dan il-qawl jgħodd ukoll fejn tidħol l-ingravata. Tassew li wieħed jista’ jixtri waħda bi prezzijiet raġjonevoli, imma hemm ukoll dak li jiswew fuq li jiswew. L-akar ingravata għalja fid-dinja tiswa $220,000, Sewwa qrajt, sewwa qrajt! Mitejn u għoxrin elf Dollaru Amerikan. Nistħajlek tistaqsi għafejn din l-ingravata tiswa tant! Hija ngravata li fiha 150 gramma deheb u 271 djamant. Minn issa ’l quddiem żgur li ma tgħidux aktar li n-nisa biss huma vanitużi!

Ta’ kull sena tiġi ċċelebrata l-ġurnata ddedikata lill-ingravata. Dan il-jum beda mill-Kroazja, sewwasew minn fejn bdiet l-ingravata tal-lum u bosta pajjiżi madwar id-dinja jiċċelebrawh. Bla dubju l-aktar li jiċċelebrawh huwa fil-Kroazja u fi Franza. Dan ikun kull 18 ta’ Ottubru.

Tiskanta din in-naqra ta’ faxxa drapp imsejħa ngravata kemm hemm storja warajha!

Fr Reno  Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 16 ta' Ottubru 2021






mercoledì 3 luglio 2019

Notre Dame


Nhar il-15 ta’ April li għadda id-dinja donnha tbikkmet, bħal waqfet tħares lejn ikona internazzjonali li kienet qegħda tinħaraq. Qed ngħid għall-katidral iddedikat lill-Madonna ġewwa Pariġi, il-belt kapitali ta’ Franza. Personalment inħoss li d-dinja ħasset l-istess sentiment li kienet ġarrbet fil-11 ta’ Settembru tas-sena 2002 meta saru attakki terroristiċi fuq il-World Trade Centre fi New York. Fl-2002 id-dinja daħlet f’era ġdida. Il-11 ta’ Settembru ta’ dik is-sena għad ikun immarkat bħala bidu ta’ żmien ġdid fl-istorja tal-bniedem. Għaddew kważi 17-il sena minn dik il-ġrajja. Tul dawn is-snin id-dinja nbidlet għal kollox. Ma rridx ninftiehem li n-nar li ħakem il-katidral Pariġin kien attentat terroristiku bħal dak tat-Twin Towers imma rrid nirreferi għas-sentiment li l-bniedem iħoss quddiem il-qerda ta’ xi monument jew binja li tkun saret ikona, saret xi ħaġa għażiża u marbuta mal-essere uman. Min kien imur New York u ma jittawwalx lit-torrijiet? U min kien imur Pariġi u ma jmurx jara ftit il-katidral maestuż ta’ din il-belt?

Naqra storja 
Notre Dame ta' Pariġi qabel il-15 ta' April 2019
Il-katidral tal-belt kapitali Franċiża jissejjaħ il-Katidral ta’ Notre Dame jew sempliċiment Notre Dame li tfisser “Is-Sinjura tagħna”, kif isejħu lill-Madonna l-Franċiżi. Dan il-katidral minn dejjem kien meqjus bħala wieħed mill-aqwa xogħolijiet tal-bini Gotiku Franċiż u huwa fost l-akbar knejjes fid-dinja kif ukoll fost l-aktar magħrufin.

Fis-sena 1160 il-katidral ta’ Pariġi sar il-knisja parrokkjali tal-familji rjali tal-Ewropa. L-isqof ħass li l-bini tal-katidral ma kienx denju għal dan it-titlu prestiġġjuż u għalhekk ħaseb li jwaqqgħu u jibni wieħed isbaħ u akbar. Il-bini tal-katidral ta’ Notre Dame beda fl-1163 fi żmien ir-renju ta’ Luwiġi VII. Minkejja li l-artal maġġur kien ikkonsagrat fl-1182, il-knisja kien fadlilha bosta xogħol xi jsir fiha, xogħol li baqa’ sejjer sa madwar is-sena 1240.

F’dan il-katidral saru bosta ċelebrazzjonijiet importanti fosthom l-inkurunazzjoni illeġittima tar-Re Enriku VI tal- Ingliterra kif ukoll l-inkurunazzjoni ta’ Napuljun Bonaparte bħala Imperatur tal-Franċiżi. Fih sar ukoll il-proċess ta’ Santa Ġovanna d’ Arco. Fih saru wkoll il-funerali ta’ bosta personaġġi famużi.
Fl-1548 għadd ta’ Protestanti Franċiżi daħlu fil-katidral u għamlu bosta ħsarat fl-opri tal-arti għax għalihom dawn kienu meqjusin bħala idolatrija. Matul it-tmexxija ta’ Luwiġi XIV u Luwiġi XV il-katridral sarulu għadd ta’ tibdiliet bil-għan li jiġi modernizzat bħal bosta katidrali Ewropej oħrajn. Fl-1793, żmien ir-Revoluzzjoni Franċiża dan il-katidral ittieħed mir-Revoluzzjonarji u beda jservi bħala tempju għall-qima tar-raġuni. F’dak iż-żmien bosta opri li kien fih tkissru jew insterqu. Fuq l-artali minflok il-Madonna bdiet tidher ix-xbieha tas-Sinjura Libertà –kunċett li kienu jxerrdu r-Revoluzzjonarji Franċiżi. Wara dan kollu l-knisja ntużat bħala maħżen għall-ikel.

Fl-1845 inbeda r-restawr tal-katidral li kien reġa’ għadda f’idejn il-Knisja Kattolika. Dan ir-restawr ħa 25 sena minħabba l-ħsara kbira li kienet saret fih. Matul it-tieni gwerra dinjija dan il-katidral sofra ħafna ħsarat. Ħafna mit-twieqi li kellhom stained glass tkissru. Wara l-gwerra dawn reġgħu saru imma ma baqgħux juru xeni mill-Bibbja bħalma kienu qabel imma sempliċiment disinji kkuluriti.
Il-Papa San Ġwanni Pawlu II żar dan il-katidral fit-30 ta’ Mejju 1980 filwaqt li l-Papa Benedettu XVI żaru fit-12 ta’ Settembru tas-sena 2012.

Noqgħodu attenti
Notre Dame taħt in-nar
Il-ħruq li seħħ fil-katidral ta’ Pariġi għandu jiftaħ għajnejn id-dinja. Qegħdin attenti għal xi att terroistiku imma issa nistgħu nindunaw li opra tal-arti tista’ tinqered anke minħabba nuqqas ta’ attenzjoni jew prekawzjoni. Meta jkun qed isir xi restawr bosta drabi jintużaw kimiċi li jekk wieħed jaljena naqra rasu jistgħu jitħalltu flimkien u joħolqu reazzjoni kimika li ġġib aktar ħsara milli ġid. Għalhekk fejn ikun hemm dawn il-kimiċi għandu jkun hemm apparat adegwat għal kull emerġenza li tista’ tinħoloq. Inutli nibku wara li tkun saret il-froġa. Forsi l-katidral ta’ Pariġi jerġa’ jitla’ kif kien imma mhux kull opra tal-arti tista’ tieħu post oħra li tkun inqerdet. Illum qegħdin nisimgħu b’ħafna restawri anke f’pajjiżna. Tajjeb li dak li seħħ fi Franza jpoġġina konxji ta’ x’jista’ jiġri anke f’Malta. Pajjiżna, minkejja ċ-ċokon tiegħu, jista’ jiftaħar li huwa d-dar ta’ xi opri tal-arti mill-aqwa, xogħol ta’ artisti ta’ fama dinjija. Ejjew ma nipperikolawx dan il-patrimonju. Ftit ħsieb kull ma wieħed ikun irid biex ikun b’moħħu mistrieħ. Ftit nuqqas ta’ ħsieb jista’ jissarraf f’diżgrazzja.

Mill-ġdid f’Pariġi
Wara l-ħsara li ġarrab dan il-katidral, aktar kmieni din is-sena, kien hemm min issuġġerixxa li jerġa’ jinbena imma fuq stil differenti. Personalment ma qbiltx li jsir dan. Aktar tard ħarġet il-konferma li Notre Dame sejjer jerġa’ jingħata d-dinjità tiegħu sewwasew kif kien qabel inħakem min-nar. Hekk naħseb li hu xieraq.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'Ín-Nazzjon -  29 ta' Ġunju 2019





mercoledì 9 agosto 2017

Il-Midalja Mirakoluża

Jingħad li Santa Bernardetta kellha devozzjoni kbira lejn il-Midalja Mirakoluża u din kienet iġġorrha dejjem fuqha. Ejjew naraw ftit kif inbdiet din id-devozzjoni.

Katarina Labouré
Kollox beda bid-dehra li seħħet ġewwa l-kunvent tas-sorijiet tal-karità ta’ San Vinċenz de Paule, li hemm ġewwa Rue du Bac, Pariġi fi Franza fl-1830.

Katarina Labouré kienet novizza fil-kunvnet ta’ Rue du Bac. Dan il-kunvent kien tas-sorijiet Ulied tal-karità, imwaqqfin minn San Vinċenż de Paule biex jassistu lill-foqra u lill-morda. Katarina twieldet fit-2 ta’ Mejju tas-sena 1806 ġewwa Fain-les-Moûtiers. Wara li temmet l-istudji tagħha hija ssieħbet ma’ dawn is-sorijiet f’ Jannar tas-sena 1830 u f’ April bdiet in-novizzjat fil-kunvent ta’ Rue du Bac fejn seħħet id-dehra.

Is-27 ta’ Novembru 1830, il-jum tad-dehra, kien is-Sibt, sewwasew lejlet l-ewwel Ħadd tal-Avvent. Għall-ħabta tal-ħamsa u nofs ta’ waranofsinhar, Sor Katarina kienet tinsab fil-kappella tal-kunvent tagħmel meditazzjoni. Ħin minnhom is-soru semgħet bħal ħoss ta’ tħaxwix, donnu li xi ħadd kien riesaq lejha u l-libsa ta’ dak ix-xi ħadd kienet qed tħaxwex.

Katarina dlonk dawret wiċċha lejn minn fejn semgħet il-ħoss iżda b’ għaġeb kbir tagħha, ħdejn il-kwadru ta’ San Ġużepp lemħet xbieha ta’ mara kollha dija. Minkejja d-dija, il-wiċċ tal-mara kien jidher sewwa. Hija kienet wieqfa fuq globu jew skont is-soru fuq nofs globu. Idejha kienu miftuħin ’l isfel minn qaddha u minnhom kienet ħierġa dija kbira, bħal raġġi mdawlin. Għajnejn il-mara kienu jħarsu lejn is-sema.

F’ ħin minnhom is-swaba tal-mara intlew bi ċrieket tal-ħaġar prezzjuż, xi wħud żgħar u oħrajn kbar. Dawn komplew jixħtu raġġi ta’ dawl. Is-soru issa ntebħet li dik il-mara ma kienet ħadd għajr il-Verġni Marija. Marija baxxiet għajnenha lejn is-soru u qaltilha li l-globu jirrapreżenta lid-dinja kollha b’ mod partikulari lil Franza u kull persuna u r-raggi kienu simboli tal-grazzji li tixħet fuq il-bnedmin li jitolbuha. Is-soru issa bdiet tara kliem miktuba bid-deheb: “O Marie, concue sans péché, priez pour nous qui avons recours à Vous” li bi lsienna tfisser “O Marija, imnissla mingħajr ħtija itlob għalina aħna li nirrikorru lejk”. Wara nstama’ leħen jgħid lis-soru “Agħmel kopja ta’ din il-midalja fuq dan il-mudell li qed nurik,  kull min iġib din il-midalja jirċievi grazzji kbar, speċjalment jekk jilbisha madwar għonqu. Il-grazzji jkunu abbundanti jekk jilbisha bil-fiduċja.” Imbagħad id-dehra donnha daret u hekk is-soru setgħet tara ix-xbieha minn wara. Fuq wara dehret l-ittra M mas-salib li kellu forma tal-ittra I. Taħt dawn dehru żewġt iqlub, waħda imdawra bix-xewk u l-oħra minfuda b’ sejf. Dan kollu kien imdawwar minn tnax-il stilla.

Fid-dehra s-soru rat li kien hemm xi ħaġar prezzjuż li ma kienx ileqq u għalhekk lejn tmiem id-dehra hija staqsiet x’ kienu u Marija weġbitha li dawk kienu l-grazzi li l-bnedmin jinsew jitolbuha. Aktar tard hija qalet  li din id-dehra riedet tfisser li l-Verġni Mbierka hija ġeneruża ħafna ma’ dawk li jirrikorru lejha u jitolbuha u kull meta Hija tagħti xi grazzja timtela bil-ferħ.

Minkejja li Sor Katarina ma rieditx ixxerred wisq l-aħbar tad-dehra li kellha, mill-banda l-oħra ma setgħetx tibqa’ siekta għax il-Madonna kienet afdatilha missjoni li xxerred id-devozzjoni lejn dak li rat billi tagħmel domna, jew kif kulħadd isejħilha midalja. Hija tkellmet mal-konfessur tagħha, Dun Aladel, u dan mar għand l-Arċisqof Hyacinthe-Louis de Quelen biex jirrakkontalu l-fatt kollu. Is-soru riedet tibqa’ anonima u għalhekk ma kienx possibli tinbeda inkjesta għax dik li rat id-dehra ma kinitx lesta tixhed imma kienet qed twassal il-messaġġ permess tal-konfessur tagħha biss. Sentejn wara, jiġifieri fl-1832, il-midalja tad-dehra tal-Madonna ġewwa l-kunvent tas-sorijiet ta’ Rue du Bac f’ Pariġi inħadmet u bdiet titqassam u tinxtered. Sor Katarina kienet waħda minn tal-bidu li rat il-midalja.
Fi ftit xhur id-devozzjoni lejn din id-domna inxterdet ma’ Pariġi kollha u ma damitx wisq ma bdiet tinfirex mad-dinja kollha wkoll. Il-wegħda ta’ Marija li min iġorrha fuqu, speċjalment min idendilha madwar għaonqu jirċievi grazzi kbar ma kinitx wegħda fiergħa. Bdew jinqalgħu grazzi kbar u jsiru anke mirakli bl-interċessjoni ta’ din il-midalja tant li bdiet tissejjaħ “Il-Midalja Mirakoluża”. Sas-sena 1833 kienu tqassmu aktar minn ħamsin elf midalja mirakoluża.

Meta d-devozzjoni lejn din id-domna tant infirxet, inbdiet inkjesta kanonika. Meta l-inkjesta rat il-karattru u studjat sewwa il-ħajja tas-soru, qablet li taċċetta li dik id-dehra kienet waħda sopranaturali.
Sor Katarina mietet fil-31 ta’ Diċembru 1876. Indifnet fil-kappella tal-kunvent ta’ Rue de Bac u ġisimha baqa’ bla tħassir. Fid-19 ta’ Lulju 1931 hija kienet iddikjarata venerabbli mill-papa Piju XI filwaqt li l-istess Papa iddikjaraha Beata fit-28 ta’ Mejju ta’ sentejn wara. Fis-27 ta’ Lulju tas-sena 1947 kienet ikkanonizzata mill-Papa Piju XII.

Il-Papa Ljun XIII fl-1894 waqqaf il-festa tal-Verġni Marija tal-Midalja Mirakloluża li ssir  fil-Knisja Kattolika nhar is-27 ta’ Novembru.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa "Il-Warda ta' Massabielle" - Festa Madonna ta' Lourdes, San Ġwann, 2017