Visualizzazione post con etichetta Dun Karm Psaila. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta Dun Karm Psaila. Mostra tutti i post

lunedì 17 aprile 2017

Skiet

Il-jum tal-lum, l-għada tal-Ġimgħa l-Kbira u lejlet l-Għid il-Kbir nistgħu ngħidu li huwa jum ta’ skiet. Illum il-qniepen tal-knejjes ma jdoqqux. Sewwasew ilhom minn nhar il-Ħamis filgħaxija ma jsemmgħu leħinhom, waqfu u f’ ċerti postijiet ħadet posthom iċ-ċuqlajta. Illum huwa jum li donnu s-skiet isaltan kullimkien. Dan is-skiet jinkiser illejla fid-daqq tal-glorja fejn il-ħbula tal-qniepen tal-knejjes tagħna jinħallu mill-għoqda li saritilhom jumejn ilu u jħabbru li l-Knisja tkun qed tiċċelebra l-qawmien ta’ Kristu mill-mewt.

Għalfejn jitwaqqfu l-qniepen?
Dejjem kelli kurżità għalfejn il-qniepen ma jindaqqux fil-Ġimgħa l-Kbira u f’ Sibt il-Għid. Min mhux midħla tal-Knisja jew ma jappartjenix fiha għandu mnejn lanqas jagħti każ b’ din il-ħaġa. Interessanti wkoll li f’ Ħamis ix-Xirka lanqas waqt il-konsagrazzjoni ma tindaqq il-qanpiena ċ-ċkejkna mill-abbati iżda hemm ċuqlajta tal-injam u tindaqq hi. Imma għalfejn il-qniepen ma jindaqqux?

L-ironija hi li l-qniepen jindaqqu wkoll biex titħabbar xi mewt. Għad hawn parroċċi li jdoqquhom meta xi membru tal-parroċċa jħalli din id-dinja. F’ mewt ta’ Papa, il-qniepen ta’ San Pietru fil-Vatikan jindaqqu f’ mota li tħabbar il-mewt u l-bieb ċentrali tal-Bażilika jingħalaq nofsu. F’ mewt bħal din, il-qniepen tal-knejjes tad-dinja kollha jindaqqu b’ luttu għall-kap tal-Knisja. Matul il-konklavi, il-qniepen tal-Vatikan ma jindaqqux iżda mal-ħatra ta’ Papa ġdid, wara d-daħna l-bajda miċ-ċumnija tal-kappella Sistina, il-qniepen tal-Vatikan jindaqqu f’ mota ta’ ferħ.

Iżda llum ma jindaqqux qniepen! U l-mistoqsija tiegħi bqajt ma sibtx tweġiba għaliha!

Storbju
Id-dinja tal-lum torrfilna ħajja mgħaġġla. Mal-għaġla tad-dinja hemm marbut anke l-istorbju. Hawn wisq xi jtellifilna l-konċentrazzjoni tagħna. Tant drajnieh l-istorbju li meta ma jkunx preżenti nħossu n-nuqqas tiegħu. Araw iż-żgħażagħ fejn ifittxu ħafna minnhom: xi post fejn jiltaqgħu, jiddevertu u jagħmlu l-istorbju. U aħna l-kbar se nitkażaw biż-żgħażagħ? Konna bħalhom aħna wkoll u konna nagħmlu bħalhom u forsi għadna nagħmlu bħalhom illum ukoll.

Is-suq ta' Porta Nolana f' Napli
Aħna l-Maltin bħan-nies kollha tal-Mediterran u aktar u aktar dawk tan-Nosfsinhar tal-Ewropa aħna xi ftit storbjużi. Ħalli naqsam magħkom riflessjoni personali. Jien għext xi snin ġewwa Napli. Kont immur fiċ-ċentru għal xi qadja. Kif kont noħroġ mill-istazzjon tal-metrò, imsejħa Circumvesuviana, u ngħaddi għal Porta Nolana, hemm tibda tisma’ għajat ta’ bejjiegħa. Hemm is-suq u kif ngħidu aħna l-Maltin, l-għajat nofs il-bejgħ! Wara xi snin Napli mort għal xi snin Bologna. X’ differenza. Hawn ma kontx ngħix wisq bogħod mis-suq li jarma fi Pjazza kbira nhar ta’ Ġimgħa. F’ suq mimli bejjiegħa u xerrejja, ma kontx nisma’ storbju daqs kemm jagħmel bejjiegħ wieħed f’ Napli. Hija kwistjoni ta’ abitudni? Hija drawwa li n-nies tgħajjat biex tbiegħ u biex tixtri? Tiskanta x’ differenza bejn żewġt ibliet Taljani bi ftit mijiet ta’ kilometri jifirduhom!

Skiet
Is-skiet tista’ tapprezzah meta ssibu għaliex meta tkun għaddej mgħaġġel bil-ħidma tiegħek, l-istorbju tant tidraħ li lanqas jibqa’ jdejqek. Iżda meta ssib ruħek fis-skiet tinduna kemm sirna ngħixu ħajja storbjuża.

Aħna drajna l-istrobju u kważi ma noqgħodux mingħajru. Kemm-il darba nkunu d-dar nagħmlu xi ħaġa u nixgħelu r-radju jew it-televiżjoni u nħalluhom mixgħulin minkejja li ma nkunux qed nagħtu każ x’ qed jiġi mxandar. L-importanti li ma nkunux fil-kwiet. Iżda mbagħad meta s-skiet infittxuh aħna stess u nsibuh hemm nibdew napprezzawh.

Dun Karm Psaila
Niftakar f’ poeżija ta’ Dun Karm Psaila. Din għandha isem interessanti għax il-Poeta Nazzjoanli tagħna taha żewġ ismijiet: “Żjara lil Ġesù” u “Tifkiriet”. Il-poeta hawn jirrakkuntalna meta warrab għal ftit mill-ġenn tal-ħajja u mar jimxi fil-kampanja, fis-skiet. Hemm sab kappella u daħal fiha. F’ dawk il-waqtiet siekta tant ġewh tifkiriet quddiem għajnejh. Ftakar fi ċkunitu, f’ommu u missieru u f’ bosta waqtiet minn ħajtu. Fis-skiet sab lilu nnifsu għaliex bl-għaġġla tal-ħajja spiss jiġrilna li anke lilna nfusna nitilfu, ninsew dak li aħna, dak li sawwarna biex aħna dak li aħna. Iżda s-skiet iġibna f’ tagħna. Dun Karm f’ din il-poeżija aktar nistħajlu pittur milli kittieb għaliex irnexxielu jpinġi l-ambjent li sab ruħu fih b’ mod eċċellenti. Mhux ta’ b’ xejn hu l-Poeta Nazzjonali!

Kemm għandna bżonnu s-skiet aħna wkoll! Illum huwa jum fejn donnha l-attività madwarna tkun anqas mis-soltu. Id-dinja tibqa’ ddur u l-ħajja tkompli sejra, iżda fl-arja donnha tinħass xi ħaġa differenti għad li kollox għadu l-istess bħalma kien is-Sibt li għadda. Iżda llum huwa Sibt il-Għid. Għalhekk ma jindaqqux il-qniepen tal-knejjes biex bis-skiet iħabbru d-difna ta’ Kristu u jfehmu lilna li għandna bżonn xi ftit waqtiet ta’ skiet ukoll, ħaġa li kważi sirna nibżgħu minnha, iżda ladarba nsibuha, anke jekk għal ftit, nibdew napprezzaw is-sbuħija tagħha. Iva is-skiet huwa sabih ukoll!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 15 ta' April 2017




sabato 14 gennaio 2017

Meta se ssir ġutizzja?

Il-monument ta' Dun Mikiel Xerri u sħabu
Fi tfuliti niftakarni nistudja poeżija ta’ Dun Karm Psaila iddedikata lill-martri u eroj Malti Dun Mikiel Xerri. Dun Karm jikteb li jħossu jistħi minnu nnifsu li Malta, dik l-art li Dun Mikiel Xerri ċarċar demmu għaliha, kienet hekk xħiħa miegħu, li lanqas daqxejn ta’ mafkar ma għamlet għalih. U għalhekk Dun Karm jgħid li jibki lil dan is-saċerdot Żebbuġi bħalu.

Il-karba ta’ Dun Karm Psaila instemgħet snin wara mewtu. Kien fi tmiem ix-xahar ta’ Lulju tas-sena 1986 li f’ misraħ l-Indipendenza fil-Belt Valletta inkixef monument lil Dun Mikiel Xerri u sħabu. Tassew li kienu għaddew 187 sena minn dik il-ġrajja, iżda aħjar tard milli qatt.

Qabel Dun Mikiel
Jiena, sewwasew bħal Dun Karm Psaila, inħossni nistħi wkoll. Jien ukoll nistħi minn patrijott ieħor, Malti bħalna, li wkoll ġie maqtul mill-barrani, u li l-ebda ħjiel ta’ mafkar ma għad għandu fuq din l-art ħelwa, minkejja li miet 234 sena qabel ma nqatel Dun Mikiel Xerri u sħabu. Qed ngħid għal Dun Gianello Cilia li kien maqtul mill-għadu Tork fil-forti Sant Iermu waqt l-Assedju l-Kbir meta dan is-saċerdot kien qiegħed jassisti spiritwalment lis-suldati Maltin u l-Kavallieri. Smajna ftit dwaru matul l-2015, meta ċċelebrajna l-450 anniversarju mill-Assedju l-kbir u kollox erġajna nsejna.

Dun Gianello Cilia
Il-kamp tal-Assedju l-Kbir
Nhar it-Tlieta, 18 ta' Mejju, 1565 dehret fuq ix-xefaq tal-baħar tagħna, il-flotta Ottomana mmexxija minn Pijali Paxà bħala Ammirall tal-flotta, Mustafà Paxà bħala Ġeneral tat-truppi u Dragut bħala Kmandant. L-Ottomani niżlu l-art b'40,000 suldat u tellgħu it-tined tagħhom fil-kampanja. L-ikbar numru ta’ tined kien fil-wita tal-Marsa u t-tarf ta’ Ħal Qormi. L-Ordni tal-Kavallieri ta' San Ġwann kien immexxi mill-Gran Mastru Jean Parisot de Valette. De Valette kellu biss madwar 9,000 suldat, li minnhom 592 kienu kavallieri u l-kumplament irġiel Maltin, fosthom għadd ta’ Qriema.

Billi l-art li tappartjeni l-parroċċa Qormija kienet tmiss mal-port il-kbir, il-kamp tal-assedju kien jaqa’ taħt it-tmexxija spiritwali tal-kappillan tal-Qriema. In-nies ta’ din l-akwata kienu mħeġġin biex iħallu darhom u jinġabru fil-Birgu u l-Isla, bliet imdawrin bis-swar, filwaqt li s-suldati kienu baqgħu f’ darhom biex ikunu qrib il-fortizza ta’ Sant Iermu, li kienet tinsab fil-periferija tal-parroċċa. Dawn is-suldati qalbiena kellhom it-treġġija spiritwali ta’ Dun Gianello Cilia li ħass li postu ma kienx wara s-swar tal-Birgu jew l-Isla imma ġewwa Sant Iermu, sewwasew fuq il-kamp tal-battalja. Il-Kappillan ma laqax l-offerta tal-barklor Gregorio Schembri biex jeħilsu minn fejn kien u jieħdu l-Birgu, iżda għażel li jibqa’ fit-taqtigħa jfarraġ lill-erwieħ sal-aħħar. Wara aktar minn xahar ta’ taqbid, nhar l- Erbgħa, 23 ta’ Ġunju, 1565 il-forti Sant Iermu waqa’ f’ idejn it-Torok. Meta t-Torok daħlu f’Sant Iermu, qatlu lil dawk il ftit li kienu għadhom ħajjin,  qabdu l-katavri tal-Kavallieri u l-Maltin, fetħulhom sidirhom forma ta’ salib u wara li rabtuhom mal-injam tefgħuhom fil-port lejn in-naħa tal-Birgu u l-Isla. Fost l-eroj ta’ Sant Iermu kien hemm il-Kappillan Cilia. Il-ġisem bla ħajja tal-Kappillan deher taħt is-swar tal-Birgu.

Se jibqa’ minsi?
Dun Gianello Cilia huwa mfakkar permezz ta’ arma ta’ kunjomu ġewwa s-sagristija tal-knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi. Ħaġa li hemm għal kull kappillan u arċipriet li mexxa din lil din il-parroċċa antika. Dan is-saċerdot għandu wkoll triq imsemmija għalih ġewwa Ħal Qormi wkoll. Xejn speċjali, hawn bosta Maltin li hemm xi triq imsemmija għalihom minkella li ma wettqux atti erojċi bħalma wettaq Dun Gianello. Allura dan sewwa? Jista’ wiċċna ma jiħmarx quddiem nuqqas bħal dan?

Iz-zuntier tal-knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi
 jonqsu monument xieraq lil Dun Gianello Cilia
Qabel Valletta 18
Jixraq li qabel ma l-belt kapitali tagħna tkun il-belt kulturali Ewropea, jissewwa dan in-nuqqas. Hemm bżonn li bosta entitajiet jagħrfu l-kobor ta’ dan is-saċerdot li, li kieku ried, seta’ ħeles mill-martirju, iżda għażel li jibqa’ fuq il-kamp tal-battalja, mhux jissielet lill-għadu imma jassisti spirtwalment lill-Insara.

Il-Knisja ta’ Malta għandha tħossha obbligata timbotta ’l quddiem il-ħsieb li jsir monument xieraq lil dan is-saċerdot ‘martri, maqtul waqt ħidmietu. Il-parroċċa ta’ San Ġorġ Ħal Qormi wkoll għandha tfakkar lil dan il-kappillan tagħha b’ mod xieraq u dejjiemi. Il-Kunsill Lokali Qormi ma jistax iħalli bniedem ta’ livell bħal dan jibqa’ jkun minsi. Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta għandu obbligu morali jfakkar lil dan l-eroj li miet fil-konfini tiegħu. U l-kumitat Valletta 18 ma jista’ jagħmel xejn? Bi sforz kollettiv nistgħu naslu u nirranġaw din il-qagħda anomala.

Ejjew inneħħu din l-ingustizzja li ilha aktar minn 450 sena, iz-zuntier tal-knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi jonqsu monument xieraq lil dan il-kappillan martri.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 14 ta' Jannar 2017




sabato 4 giugno 2016

Żgħożija

Iż-żgħożija tirrapreżenta dik il-fażi f’ ħajjitna li tgħaqqad l-adolexxenza mal-ħajja adulta. Ma nistgħux nispeċifikaw eżatt meta tibda din il-fażi fil-ħajja tal-bniedem u lanqas nistgħu ngħidu sewwasew meta tintemm, imma bejn wieħed u ieħor tibda għall-ħabta tal-14 jew 15-il sena u tibqa’ sejra sa wara nofs l-għoxrinijiet. L-adolexxenza hija fażi tranżitorja ta’ żviluppi psikoloġici u fiżiċi, filwaqt li l-bniedem ta’ 18-il sena jibda jitqies bħala legalment adult, xorta f’ dik l-età inkun għadna fl-eqqel taż-żgħożija, allura nistgħu ngħidu li bniedem isir adult meta jilħaq il-maturità u din ma tnaqqas xejn miż-żgħożija. Mela jekk nużaw dan il-kejl ma nistgħux nagħtu punt fiss meta tibda ż-żgħożija u lanqas nistgħu ngħidu meta din tiġi fi tmiemha għaliex kull persuna hija differenti mill-oħra kemm fl-iżvilupp mentali u fiżiku fik ukoll fl-akwist tal-maturità.

Żgħażagħ attivi
Bla dubju ta’ xejn iż-żgħażagħ huma l-aktar bnedmin attivi. Huma l-aktar persuni avventurużi, l-aktar kurjużi, l-aktar involuti fi gruppi ta’ kull tip. Is-saħħa fiżika u l-enerġija ta’ dawn is-snin bil-fors li jagħmlu liż-żgħażagħ attivi, dejjem sejrin u donnhom ma jgħejjew qatt. Kull fejn hemm xi grupp attiv għandek issib iż-żgħażagħ.

Billi ż-żagħażagħ ikunu għadhom ma laħqux il-maturità assoluta, ġieli nisimgħu b’ xi praspura minn tagħhom. L-agħar ħaġa hija jekk in-nuqqas ta’ maturità tbiddel attività fi bluha li tipperikola ħajjet iż-żgħażagħ stess jew ħajjet persuni oħra. Sfortunatament ġieli smajna b’ telf ta’ xi ħajja fl-eqqel tagħha minħabba nuqqas ta’ maturità.

Qalb kbira
Iż-żgħażagħ huma ġeneralment nies ġenerużi u qalbhom tajba. Araw meta ssir xi attività b’ risq xi istituzzjoni tal-karità, kif dejjem tkun iffullata biż-żgħażagħ jgħinu f’ kull sens tal-kelma, kemm mil-lat finanzjaru kif ukoll bħala loġistika u organizazzjoni. Qed tiġini f’ moħħi l-mixja li ssir ta’ kull sena mill-Mellieħa sal-Isla b’ risq waħda mill-istituzjonijiet ta’ benevolenza lokali. Din tiġbed lejha eluf ta’ żgħażagħ li bejn Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira jħallsu miżata u jimxu 30 kilometru. Bla ma nidħol fl-argument jekk dan huwiex il-lejl ideali biex issir din il-mixja, jkollna nammettu li l-maġġoranza tal-parteċipanti fiha jkunu persuni ta’ bejn il-15 u t-35 sena. Biex ngħid id-dritt ukoll, kieku din il-mixja ma ssirx dakinhar, niddubita kemm minn dawk iż-żgħażagħ imorru jagħmlu l-visti tas-seba’ knejjes minflok!

Ladarba qegħdin insemmu l-Knisja tajjeb ukoll niffukaw fuq il-fatt li bosta żgħażagħ ma għadhomx imorru fiha imbagħad jekk il-parroċċa jew id-djoċesi jew xi għaqda tkun sejra torganizza xi attività missjunarja barra l-pajjiż, issibhom min ta’ quddiem biex jgħinu. Ma joqgħodux jaħsbu kemm ser jiswa l-biljett tal-ajru jew li l-vaganzi tas-sajf mhux ser jgħadduhom f’ xatt il-baħar, ma jinkwietawx li se jmorru f’ art li l-ikel għalihom se jkun differenti minn dak li jkunu mdorrijin bih u forsi jkun ħażin ukoll. Jiġu jaqgħu u jqumu li aktarx se jkollhom jorqdu fuq saqqu iebes jekk mhux ukoll fl-art. Xejn ma jqisu imma jmorru għal din il-biċċ



a xogħol bil-qalb kollha. Hemm xi wħud li meta jagħmlu l-ewwel esperjenza bħal din jibqgħu jagħmluha kull sajf. Dawn huma ż-żgħażagħ!

Żagħżugħ ta’ dejjem
Il-poeta nazzjonali tagħna, Dun Karm Psaila għandu poeżija ddedikata lill-baħar li ġġib l-isem “Żagħażugħ ta’ dejjem”. Wara li jgħidilna li s-snin jgħaddu fuq kollox u fuq kollox iħallu l-marka tagħhom, idur fuq il-baħar  u jgħidlu: Fuq wiċċek biss, ja baħar, żagħżugħ ta’ dejjem, jgħaddu s-snin bil-mija, bl-eluf u bl-għaxat eluf, u qatt ma jonqxu l-għelma tax-xjuħija; fik il-milja tal-ħajja, qalbek tħabbat  bla hedu u sidrek magħha, jofrogħ u jimla, u tgħoddlok il-mewġa fuq ix-xtut it-taħbit tagħha.
Tabilħaqq kliem mill-isbaħ iżda isbaħ hija r-riflessjoni. Tassew li kollox jiqdiem imma l-baħar jibqa’ dak li jkun: żagħżugħ ta’ dejjem.

Hemm persuni li minkejja li jkunu qabżu l-faxxa tal-età taż-żgħożija xorta jibqgħu għaddejjin bl-attivitajiet tagħhom daqs li kieku għadhom żgħażagħ. Bħall-baħar, il-bniedem jista’ jkun żagħżugħ ta’ dejjem. Mhux għax il-marki tan-natura ma jkunux jidhru fuq dak li jkun iżda għax ikun għadu żagħżugħ fil-qalb. Mela nistgħu nsibu żgħażagħ ta’ sittin jew sebgħin sena, dawn huma żagħażagħ ta’ dejjem, dawk li minkejja l-età jibqgħu attivi. Tassew li s-snin jgħaddu u kull ma jmur jibdew itellfu mill-effiċjenza u l-flessibiltà tal-persuna, imma r-rieda ma twaqqafiex l-ineffiċjenza jew xi privazzjoni fiżika oħra.

Aġġettivi
Spiss nisimgħu kliem xi ftit jew wisq dispreġġjattiv dwar iż-żgħażagħ; traskurati, bla moħħ, injoranti u ma nafx x’ iktar. Forsi jkun hemm każi fejn dawn l-aġġettivi jkunu f’ posthom u forsi hemm fejn ikunu xi ftit eseġerati. Allura huwa dmir tagħna, aħna li l-età taż-żgħożija għaddiet minn fuqna, li nikkoreġu dak li naraw ħażin fiż-żagħżagħ. Ma ninsewx li lilna xi ħadd kien ikkoreġiena wkoll meta konna għadna fiż-żgoħżija.


Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 4 ta' Ġunju 2016



sabato 2 maggio 2015

KODIĊI

Kodiċi
Immaġina li ma tafx taqra bil-Malti, anzi ma tafx l-alfabett Latin. Kieku għalik dak li għandek f idejk bħalissa huwa biss mazz karti imċappsa b’ linka sewda, imma għax taf l-alfabett Latin u għax tgħallimt l-ilsien Malti, dak il-mazz karti li għandek quddiemek huwa gazzetta li se twassallek xi tagħrif ġdid jew se tkompli tkabbarlek dak li diġa taf. Dan kollu jista’ jseħħ għax qegħdin nużaw l-istess kodiċi, l-istess ilsien.

Kliem li ma nafux
Mejlaq
Ma jfissirx li billi qegħdin nużaw l-istess ilsien allura nistgħu nifhmu kull ma jintqal. Nagħmlu mod ikunu qegħdin jitkellmu żewġ ħaddiema, nagħtu każ mastrudaxxi. Dawn għandhom mnejn jibdew jużaw kliem li minkejja li huwa Malti bħal dak li qiegħed ninqeda bih jien biex nikteb u bħal dak li qiegħed tuża inti biex taqra, ma nifhmuhx għax ma jkunx fil-kodiċi tagħna. Jekk f’ ħanut ta’ mastrudaxxa nisimgħu ‘l min jgħid “Ġibli l-mejlaq” għandna mnejn naħsbu li hemm xi ħaddiem kunjomu Meilaq f’ dak il-ħanut. Fis-sew mejlaq huwa għodda jew aħjar ġebla li tintuża biex jinstannu l-furmaturi fuqha. Darba kont qed nippassiġġa ma’ xi ħbieb tiegħi ħdejn il-baħar u wieħed minna qalilna: “Naslu sa ħdejn dik il-ħanżira u nduru lura.” Ħadd minna ma kien fehem sa fejn ried jasal biex idur lura għax għalina ‘ħanżira’ hija il-mara tal-ħanżir, l-annimal li nsibu fir-razzett. Imma dakinhar tgħallima li fik il-blokka tal-ħadid midfuna nofsha fl-art li tinuża biex magħha jintrabtu iċ-ċimi tal-vapuri tissejjaħ ħanżira. Dawn il-każi inkunu fihom meta nisimgħu kliem li ma jkunx fil-kodiċi tagħna.

Jiġri wkoll li biż-żmien l-ilsien jevolvi, jinbidel u fih jidħlu bosta kliem ġodda. Kliem ieħor jintesa u jiġi mwarrab. Lil min għadek tisma’ llum jgħid li se jmur sal-misraħ? Illum kulħadd il-pjazza jmur. U meta nsiefru ma għandiex immorru l-mitjar imma nitilqu mill-ajurport. U lit-tali persuna għamlulu monument minflok mafkar. Ma nistgħux nibqgħu nużaw kliem arkajku għax nispiċċaw ma jifhimna ħadd. Dan il-kliem ħareġ mill-kodiċi tal-Malti tal-lum.

Poeżiji antiki
Il-cantilena
Patri Mikiel Fsadni kien dak li flimkien ma’ Godfrey Wettinger sab l-aktar poeżija antika miktuba bil-Malti; il-Cantilena ta’ Pietru Caxaru. Fittixtha fuq l-internet, u kont ixxurtjat li sibtha, mhux biss miktubha imma wkoll hemm filmat waqt li qegħda tinqara. Meta tisma’ lil xi ħadd jaqraha ma tifhimx b’liema ilsien hija miktuba. Għax il-kliem Malti nbidel u l-kodiċi li kienu jużaw il-Maltin fil-qedem llum intilef. Ladarba dħalt fil-muża tal-poeżija antika ta’ Malta, wara l-Cantilena fittixt it-tieni l-aktar poeżija Maltija antika, dik ta’ Ġan Franġisk Bonamico; Mejju ġie bil-ward u zahar. Bejn il-kitba ta’ Caxaru u dik ta’ Bonamico hemm madwar mitejn sena. Il-kliem fis-sunett ta’ Bonamico minkejja li ma huwiex Malti tal-lum imma jinftiehem sewwa. U dan huwa kodiċi ta’ 400 sena ilu.

Il-moda tal-kliem
Il-kliem nistħajlu bħall-ħwejjeġ jew iż-żraben, jinbidel maż-żmien skont il-moda. Illum donnu ma għadiex moda li tmut, imma saret moda li tgħaddi għall-ħajja ta’ dejjem, tmur tiltaqa’ mal-Mulej, tħalli dan il-wied ta’ dmugħ, tmur fid-dar tas-sema jew tħalli din id-dinja. Dawn huma frażijiet li daħlu fil-kodiċi ta’ kif nitkellmu llum. Ma' dawn il-frażijiet daħlu bosta kliem Ingliż. Ħadd ma jmur f’ ħanut tal-ikel u jordna dawra laħam bil-patata moqlija, imma ngħid għalija jekk mmur ir-restaurant, nordna steak biċ-chips.

B’daqshekk ma rridx noħodha kontra Dun Karm. Il-poeta nazzjonali tagħna, fil-poeżija ‘Għaliex’  jgħidilna “Għaliex tarmih l-ilsien li tatek ommok, u titlef għaqlek wara lsien barrani?” Ħażin jekk narmu dak li jidentifikana bħala Maltin, imma nistgħu nżommu l-progress u l-evoluzzjoni tal-lingwa? Fejn jidħlu termini ta’ teknoloġija illum nużaw l-Ingliż. Ngħidu li nużaw il-keyboard u l-mouse tal-kompjuter. It-Taljani il-keyboard isejħulha tastiera imma l-mouse ma jsejħulux topo imma jibqa' mouse. L-istess apparat it-Taljani jsejħulu computer. Il-Fanċiżi mod ieħor. L-apparat isejħulu ordinateur, il-mouse isejħulu souris u l-keyboard isejħulha Clavier d'ordinateur. L-Ispanjoli il-mouse tal-komjuter isejħulu ratón, li tfisser ġurdien. Dan huwa kollu kliem fil-kodiċi tekniku.

Liema Kodiċi?
Jekk ikollok tistaqsi lin-nies fiex jaħsbu meta jisimgħu l-kelma “Kodiċi” żgur li l-parti l-kbira minnhom isemmulek il-ktieb ta’ Dan Brown: “The Da Vinci Code”. Bir-raġun għax dan huwa ktieb li biegħ miljuni ta’ kopji. Għaliex? Il-kittieb għaraf juża il-kodiċi tal-poplu. Kliem mexxej li jifhmu kulħadd u xejn jew ftit kliem tekniku, kapitli qosra jinqraw fi ftit ħin u fuq kollox qanqal il-kurżità. Issa ħalliha li l-istorja hija waħda fittizja u bla ebda bażi storika, imma n-nies sabet fil-ktieb ta’ Brown l-istess kodiċi li tuża hi.

Semmejt erba’ kittieba, Caxaru, Bonamico, Psaila u Brown. Dawn kollha użaw il-kodiċi taz-zmien li fihom għexu. Jien ukoll ippruvjat nuża l-kodiċi li nużaw aħna l-Maltin tat-tielet millenju. Min jaf jekk xi ħadd jaqra dan li ktibt mitejn sena oħra jkunx jista’ jifhem il-kodiċi li nużaw illum?


Fr Renò Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 2 ta' Mejju 2015




venerdì 26 settembre 2014

Il-Ħakem u l-ħakkiem

Fix-xahar ta’ Settembru, aħna l-Maltin niċċelebraw żewġ festi nazzjonali, fit-8, jum il-Vitorja u fil-21, jum l-Indipendenza. F’ dawn il-jumejn partikolari, bħal fil-jiem nazzjonali l-oħra, fi tmiem il-quddies inkantaw l-Innu Nazzjonali Malti. Dan nistgħu nagħmluh għax l-Innu Malti huwa wkoll talba, ħaġa li niddubita jekk issibiex f’innu nazzjonali ieħor fid-dinja.

Min jaħkimha
Spiss nisimgħu lil min jgħid li l-Innu Malti għandu jinbidillu l-kliem “ min jaħkimha”. Xi wħud isosstnu li dan għandu jsir “min imexxiha”. Imma nistgħu naqbdu u nbiddlu dak li rridu aħna? Jekk nazzardaw nibdlu kelma waħda mill-kliem oriġinali li kiteb Dun Karm Psaila inkunu qisna qbadna xi statwa jew xi pittura ta’ artist kbir u bl-iskuża tar-restawr, biddilna kif għoġob lilna għax ngħidu li l-ħtiġijiet jew il-gosti tal-lum huma differenti minn dawk ta’ meta kienet saret dik l-opra tal-arti. Kieku nagħmlu hekk inkunu qegħdin nagħmlu bħal dak li kellu ż-żarbun iweġġgħu u minflok xtara żarbun ieħor, qata’ s-swaba ta’ saqajh barra biex iż-żarbun jibqa’ jiġieh.

Tifsir tal-kelma
Mikiel Anton Vassalli
Il-kelma “ħakem”, li minnha ġejja wkoll il-kelma “ħakkiem” jew “min jaħkimha” għandna t-tendenza li nassoċċjawha ma’ dik li hija tiranija jew oppressjoni. Fil-verità it-tifsira tagħha ma hijiex hekk. Fil-Miklem Malti ta’ Erin Saracino-Inglott il-kelma “Ħākem” ġejja mill-Għarbi u l-istudjuż Franċiż François-Louis-Marcelin Beaussier jgħid li din il-kelma tfisser “juge, gouverneur, chef de village, espèce de maire” jiġifieri imħallef, gvernatur, kap ta’ raħal, tip ta’ sindku. Saracino-Inglott ikompli jgħidilna li t-terminu storiku huwa titlu għoli ta’ kap amministratur tal-gżira ta’ Malta mogħti mir-re fiż-żmien l-antik […]. Jgħidilna wkoll li skont Vassalli, “Ħākem” tfisser “Filosofo, uomo saggio e prudente, giudice, presidente dei giudici, […] e siccome anticamente il governo e la somma potestà si affidava ai filosofi ad agli uomini savi, cosi questi deputati a governare venivano chiamati Ħākem”.  Ħassieb, raġel għaref u prudenti, imħallef, president tal-imħallfin. U għax qabel il-gvern u l-poter kollu kien ikun mogħti f’ idejn il-ħassieba u irġiel għorrief, dawn id-deputati li jigvernaw kienu jissejħu Ħākem.

Meta niflu sewwa
Jekk niflu sewwa dawn il-ftit tifsiriet nindunaw li bl-ebda mod il-kelma Ħākem ma hija marbuta ma’ xi tip ta’ tmexxija ħażina, ma moħqrija, oppressjoni jew tiranija, hija biss kelma oħra għall-mexxej. Bażikament Saracino-Inglott jibqa’ fuq dak li jgħidilna Mikiel Anton Vassalli dwar il-kelma Ħākem, imma meta jitratta l-kelma “Ħakkiem”, jgħidilna li Vassalli u oħrajn ma jniżżluhiex fid-dizzjunarji tagħhom, huwa juża ton differenti għat-tifsira tagħha. Il-Miklem fost oħrajn  jgħidilna li din il-kelma tfisser min iżomm taħt ir-rieda tiegħu, ġen[eralment] bi dnewwa lil ħaddieħor speċ[jalment] ġens barrani, u jagħmel minnu dak li jaqbel lilu. Il-lessikografu issa jibda jitfa’ ftit sens ta’ oppressjoni. Imma tajjeb inżommu wkoll quddiem għajnejna il-perjodu li kiteb fih Vassalli u l-perjodu li fih inkiteb il-Miklem Malti. Vassalli għex  bejn l-1764 u l-1829 u Saracino-Inglott bejn l-1904 u l-1983 bil-Miklem Malti joħroġ fl-1975. Għandu mnejn li t-tifsira tal-kelma “Ħakkiem” inbniet matul is-snin u żvijat mill-oriġinal “Ħākem”.

Dun Karm
Il-kittieb tal-Innu Malti għex bejn l-1871 u l-1961. Nistgħu ngħidu li bejn wieħed u ieħor kien kontemporanju ta’ Saraċino-Inglott u għalhekk it-tifsira negattiva tal-kelma “ħakma” nimmaġina li kien jafha. Ma rridux ninsew lanqas li l-Innu Malti inkiteb fl-1920, jiġifieri 55 sena qabel ma kien ippubblikat il-Miklem.
Dun Karm Psaila
Imma anke jekk it-tifsira ta’ “ħakkiem” kellha s-sens negattiv, qatt ma nista’ nimmaġina li Dun Karm kiteb innu forma ta’ talba fejn jitlob għal min ikun qiegħed jgħakkes jew imexxi b’ mod ħażin lill-gżejjer tagħna. Jiena nemmen li Psaila, meta kiteb il-kliem “min jaħkimha”, kellu f’ moħħu lil min imexxi, min jikmanda lil Malta, kellu f’ moħħu is-sens ta’ “Ħākem” bħalma kellu Vassalli. Anke jekk naraw it-traduzzjoni ta’ dan l-innu f’ ilsna barranin insibu li din il-kelma bl-Ingliż hija “rules”, bit-Taljan “governa” u bil-Franċiż “dirigeants”. F’ dawn l-ilsna bl-ebda mod ma jintuża nom li juri tiranija jew oppressjoni.

Jien u int
Irridu inkunu jien u int li kull meta nisimgħu l-kliem tal-innu nazzjonali tagħna, fil-kliem “min jaħkimha” ikollna f’ moħħna lil min imexxiha. Il-mexxejja mhux biss politiċi imma kull tip ta’ mexxej li lkoll flimkien imexxu lil dinl-art ħelwa, l-omm li tatna isimha.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon tas-Sibt 27 ta' Settembru 2014




venerdì 20 settembre 2013

Kull mibdi mitmum

Aħna l-Maltin għandna qawl li spiss ngħiduh imma għandna mnejn ftit li xejn nifhmuh. Tassew li kull bidu għandu t-tmiem tiegħu imma t-tmiem irid ifisser ukoll bidla. It-tmiem ma jistax ikun bħall-bidu, kollox jinbidel, kollox jintemm.

Bħal film
Mistoqsija li spiss jagħmel il-bniedem hija għalfejn teżisti l-mewt. Għalfejn il-bniedem ma jibqax jgħix? Il-bniedem maħluq biex jgħix u mhux biex imut. Hija mistoqsija li bosta ħassieba ppruvaw jagħtu tweġiba għaliha. Frażi li nħobb nuża waqt l-omelija tal-funerali hija din: Il-ħajja hija vjaġġ mhux destinazzjoni, għalija il-ħajja hija bħal film: jibda, jirrakkonta storja imma f’ħin jew ieħor irid jintemm. Tassew li t-tmiem ta’ ħajja ta’ bniedem tnikkitna bil-bosta iktar minn tmiem ta’ film anke jekk il-film ibikki lil xi wħud minħabba l-istorja li jkun irrakkonta. Darba wieħed professor qalli li tarbija tat-twelid hija potenzjalment katavru. Tabilħaqq għax kull katavru kien xi darba tarbija u kull tarbija trid tintemm f’ katavru xi darba. Bdejt b’ argument naqra iebes, il-mewt, imma hija ħaġa li trid tmissna lkoll kemm aħna llum jew għada.

Spiċċa s-sajf
Malli tgħaddi Santa Marija bosta jibdew jgħidu li s-sajf ikun wasal fi tmiemu, li s-sajf ikun spiċċa. Tassew li tmiem dan l-istaġun ikun jonqsu aktar minn xahar, imma billi issa anke t-temp jibda kultant jagħtina xi sorpriża, allura moħħna jibda jitħejja għall-istaġun li jkun imiss. U din is-sena sorpriża tajba tana t-temp fil-ġimgħa ta’ wara Santa Marija.
Bosta ħaddiema jkollhom il-vaganzi f’ nofs ix-xahar ta’ Awwissu. Ladarba jispiċċaw dawn il-jiem u l-ħaddiema jerġgħu lura lejn il-postijiet tax-xogħol, għalihom ikun spiċċa s-sajf. It-tfal tal-iskola wkoll wara l-jiem ta’ ġiri u tgawdija iridu jibdew jaħsbu għal sena skolastika oħra. L-istudenti universitarji wkoll jibdew iħejju rwieħhom sabiex ikomplu l-istudji tagħhom, dawk li jkunu bdew xi xogħol fis-sajf, issa jkollhom iħalluh biex isibu posthom fl-awli tal-università. Kull mibdi mitmun, anke s-sajf jispiċċa u jgħaddu tliet staġuni oħra u jerġa jiġi sajf ieħor, imma mhux l-istess wieħed, għax dan beda u ntemm.

Ma jiġix lura
Ma’ tmiem is-sajf jiġu wkoll fi tmiemhom il-ġranet f’ xatt il-baħar, l-iljieli taħt il-kwiekeb tas-sena, jintemmu l-barbeques u jispiċċaw il-festi tal-qaddisin li tant huma popolari ġewwa pajjiżna. Kien waqt il-festa ta’ San Duminku tal-Birgu li nżilt fil-pjazza ta’ din il-belt. Iltqajt ma’ xi ħbieb tiegħi li stednuni nidħol magħhom fil-Każin ta’ San Lawrenz biex nixorbu xi ħaġa. Barra l-każin il-kliem waqa’ fuq kif kienet il-pjazza qabel il-gwerra. Isemma’ t-torri tal-arloġġ, intqal li triq il-Mina l-Kbira kienet idjaq milli hija llum, li quddiem il-Każin ta’ fuq it-triq kienet ogħla milli hi llum, li l-bini fil-ġenb tal-pjazza ma kienx jeżisti u li triq il-Kardinal kienet biss bini. Stajt nilmaħ fuq wiċċ dawk li kienu jitkellmu bħal nostalġija, bħal dispjaċir għal dak li spiċċa, għal dak li issa ntemm u jiġri x’ jiġri ma jerġax lura.

San Gejtanu
La l-kliem ġie fuq il-festi nixtieq insemmi fatt li ħasad lil bosta Maltin, kemm dilettanti tal-festi kif ukoll dawk li ma humiex. Nafu x’ digrazzja kienet sejra sseħħ fil-Ħamrun fil-festa ta’ San Gejtanu ta’ din is-sena. Kieku l-vara tal-qaddis ma sabitx idejn pronti li jżommuha kienet tispiċċa frak. Tassew li kull mibdi mitmum, imma ejjew nevitaw li oġġett jintemm qabel il-waqt! Jien minix mill-Ħamrun u għalhekk ma għandu l-ebda dritt nissuġġerixxi, immaqdar jew infaħħar. Imma kieku seħħet disgrazzja kien jiddispjaċini għall-mewt minkejja li minix Ħamruniż għax opra ta’ Karlu Darmanin illum ma tistax terġa’ issir. Attenti ħbieb!

Bla bidu u bla tmiem
Waħda mill-poeżija li konna nistudjaw fl-ewwel klassi tas-sekondarja kienet dik ta’ Dun Karm Psaila bl-isem “Int Alla Ħanin”. L-ewwel vers ta’ din il-poeżija jgħid “Bla bidu, Bla tmiem”. Ta’ tfal żgħar konna nitgħallmul-poeżija bl-amment sabiex jekk toħroġ fl-eżami nkunu nafuha. Minkejja li l-għalliem kien jipprova jfisser il-ħsieb tal-poeżija, il-moħħ kien ikun għadu tari wisq biex jifhem il-bidu u t-tmiem. Kellhom jgħaddu bosta snin biex fhimt li kull mibdi mitmum, kull ħaġa li tkun maħluqa trid tasal f’ punt li tisipċċa. Imma Alla le. Alla la għandu bidu u lanqas għandu tmiem. Moħħ l-ebda bniedem ma jista’ jifhem dil-ħaġa. Kieku Alla kellu bidu kien ikun magħmul minn xi ħadd ieħor u għalhekk ma kien ikun Alla xejn. Kieku Alla jispiċċa ma kien ikun Alla xejn. F’ dan il-każ il-qawl Malti ma jgħoddx għax ma hemmx bidu u għalhekk ma jistax ikun hemm tmiem. Imma ejjew inħallu dawn it-temi f’ idejn it-teoloġi.

Kull mibdi mitmum, kull jum jisbaħ biex wara li jgħaddi jħalli post għal-lejl, il-lejl jintemm u jagħmel wisa’ għall-jum tal-għada, mhux l-istess jum tal-bieraħ imma jum ġdid għal kollox. Hekk kollox fid-dinja, u aħna kuljum nintemmu u ninbidlu. L-importanti li ninbidlu għall-aħjar.


Fr Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tad-19 ta' Settembru 2013