Visualizzazione post con etichetta drawwiet. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta drawwiet. Mostra tutti i post

sabato 6 novembre 2021

Fix-xahar tal-erwieħ


Novembru huwa x-xahar li l-Knisja Kattolika tiddedikah lill-erwieħ, lil dawk li mietu qabilna. L-ewwel jum tax-xahar ikun iddedikat lill-qaddisin kollha, u biex wieħed ikun qaddis irid ikun temm il-vjaġġ tiegħu fuq din l-art, u t-tieni jum ikun marbut mal-mejtin, mal-erwieħ li għalqu għajnejhom darba għal dejjem. Biss ix-xahar kollu huwa marbut ma’ dawk li ġew imsejħa mill-Mulej u għalhekk iċ-ċimiterji jkunu aktar frekwentati. 

Biża’

Il-biża’ mill-mewt u milll-mejtin hija universali b’hekk insibuha f’ħafna mill-kulturi u fin-nies madwar id-dinja. Xi wħud jemmnu li l-mejjet għandu l-abbiltà li jintervjeni fil-ħajja tal-ħajjin biex jirranġa jew ipatti għad-dnubiet imwettqa meta kien ħaj jew biex tgħinu jeħles mill-Purgatorju billi jitolbu għalih. Il-Knisja ppruvat tħeġġeġ dan id-drawwa billi waqqfet ġurnata speċifika biex tagħmel dan, sewwasew fit-2 ta’ Novembru, l-hekk imsejjaħ Għid tal-Imwiet.

Il-lewn assoċjat mal-mewt minn dejjem kien l-iswed. Dan il-kulur huwa l-oppost tal-abjad li jfisser dawl li jġib il-ferħ. Il-Konċilju Vatikan II li sar fis-snin sittin tas-seklu li għadda, ħeġġeġ li fil-liturġija tal-funerali jibda jintuża l-lewn vjola li wkoll ifisser sogħba, niket u penitenza. Fil-fatt il-vjola huwa l-lewn liturġiku li jintuża fl-Avvent u fir-Randan, żmien li ma mhuwiex ta’ ferħ.

Imma għaliex din il-biża’ tal-bniedem mill-mewt?

Il-fatt li ħaġa ma tkun taf xejn dwarha normalment tbeżżgħek. Tifel jew tifla fl-ewwel jum tal-iskola ħafna drabi jibku għax ikunu ser jinfirdu minn dawk li jgħixu magħhom u jħossuhom żguri fil-kumpanija tagħhom. Fl-iskola ma jkunux jafu x’ser isibu, ma’ min ser jiltaqgħu, kif ser tkun il-ġurnata u għalhekk jinbet il-biża’. L-istess il-mewt. Ħafna drabi dak li jkun mhux jibża’ mill-mejjet imma jibża’ mill-fatt li hu wkoll xi darba jrid ikun bħal dik il-persuna li tkun ħelset minn dan il-wied ta’ dmugħ. Tassew ironija din li nsejħu l-ħajja wied ta’ dmugħ imbagħad ħadd ma jixtieq jitlaq minnu minkejja li ngħidu li huwa wied ta’ dmugħ!

Funerali

Ladarba qed insemmu dan ix-xahar u l-erwieħ, tajjeb insemmu xi ħaġa dwar il-funerali minkejja li dawn ma jsirux biss f’Novembru imma maul is-sena kollha. Tajjeb inżommu f’rasna li funeral huwa biss tislima xierqa li min “ġabar l-għodda” u mar jistrieħ. Allura dan ma għandux ikun spettaklu imma ritwal reliġjuż. Ġieli min ikun qed jorganizza funeral ta’ xi ħadd għażiż għalih, bix-xewqa li jagħti l-aqwa tislima aħħarija lil dak li jkun, jinsa dan u għalhekk nispiċċaw b’funerali li aktar tista’ ssejħilhom spettaklu milli tislima ta’ waqt ta’ niket.

Ġieli jkun hemm funerali li fihom fuq iz-zuntier tal-knisja tindaqq xi diska jew innu li l-mejjet jew mejta kienu jħobbu. Imma dak li hemm fit-tebut ser jisma’ d-diska? Nisperaw li jkun diġà qed jisma’ l-kori tal-anġli! Rajna aktar minn hekk u ma nixtieqx nikkummenta għax ma rridx li xi ħadd jieħu fastidu bil-kitba tiegħi.

Drawwa li kienet inqatgħet għal kollox kienet il-ġarr tat-tebut bil-karru miġbud miż-żwiemel. Għal bosta snin dawn il-karrijiet inqatgħu għal kollox imma minn xi snin ilu reġgħu ngħataw permess jintużaw. Imma llum, fis-sena 2021, kemm hu prattiku li tuża ż-żwiemel għal funeral? Ladarba hemm il-karozzi x’sens fiha li terġa’ taqla l-karru tal-mejtin miġbud miż-żiemel u tużah? Jekk dak li jkun jifhem li funeral huwa att liturġiku, żgur li ma jgħaddix minn moħħu l-ħsieb tal-karru funebri miġbud miż-żwiemel.

Ironija

Ippermettuli nsejjaħ ironija drawwa li nsibu f’pajjiżna. Biex ngħid id-dritt ma nafx hux pajjiżna biss, imma ejjew ngħidu li hija drawwa Maltija. Minkejja l-biża’ kollha mill-mewt u mill-mejtin, għad li ma nieħdux gost nitkellmu fuq suġġett bħal dan li jista’ jkun ukoll makabru, fix-xahar ta’ Novembru nsibu ħelu msejjaħ “Għadam tal-mejtin!” Naħseb ilkoll nafu għal liema ħelu qed nirreferi, dawk il-pasti qishom figolli, forma ta’ għadam miksijin b’ġelu abjad. Ikolli ngħid li għad li l-mewt tbeżża’, dan il-ħelu jħobbuh il-maġġoranza tal-Maltin.

Ironija oħra li nara hija meta xi individwi waqt li jmorru jżuru l-oqbra tal-għeżież tagħhom, jinsew li jkunu qegħdin f’post sagru, post fuq kollox komuni li fih ma tkunx waħdek. Għalhekk jistona diskors b’vuċi għolja jew għajat. Meta tmur iċ-ċimiterju baxxi s-sound!

Illum fettilli nikteb xi ħaġa li żgur li ma hijiex sabiħa jew ferriħija, imma hija realtà li lkoll kemm aħna, irridu jew ma rridux, illum jew għada rridu ngħaddu minnha. Huwa għalhekk li Novembru jfakkarna fl-erwieħ għax xi darba aħna wkoll irridu nsibu rwieħna hemm, ma’ qrabatna, ħbiebna u oħrajn li temmew il-mixja tagħhom fuq din l-art qabilna.

Fr Reno Muscat

Dan  l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  6 ta' Novembru 2021



venerdì 2 giugno 2017

Drawwiet

Aħna l-Maltin għandna ħafna drawwiet li ma humiex wisq differenti minn dawk Taljani. Din hija ħaġa mill-aktar naturali għaliex il-qagħda ġeografika tagħna hija dik li hi u allura l-influwenza Taljana bilfors tkun kbira f’ pajjiżna. Forsi l-aktar drawwiet li ħadna mill-ġirien tagħna huma dawk marbutin mal-fidi. Bil-fors għaliex snin ilu l-kleru kollu b’ xi mod jew ieħor kien iżur l-Italja, jew bi studju jew b’ xi xogħol jew għal vakanza. Ddan kien iġib miegħu d-drawwiet u billi l-influwenza tal-Knisja fuq il-poplu kienet akbar mill-lum, id-drawwiet impurtati ġew mifruxin bla dewmien.

Issa li dħalna fix-xahar ta’ Ġunju nixtieq naqsam magħkom xi drawwiet li rajthom f’ dan ix-xahar ġewwa l-Italja li għandna mnejn ħadniehom mingħandhom.

Il-pavaljun tal-gallarija
Meta kont ngħix Napli, kont noqgħod fit-triq tal-parroċċa. It-triq kienet waħda dejqa li taqsam il-kwartier minn naħa sa oħra. Id-djar, ħafna minnhom għandhom entratura komuni, taraġ komuni u mbagħad id-djar fuq tlieta, erba’ jew ħames sulari. Illum djar bħal dawn insejħulhom flats, dari kienu jissejħu kerrejjiet. L-isem ma jibdel xejn minhom, jibqgħu dawk li huma! Issa billi l-bejt ikun maqsum bejn il-familji kollha tal-kerrejja, ma jkunx hemm post biżżejjed għall-inxir tal-ħwejjeġ, u għalhekk kulħadd jorganizza biċċtejn saratizz jew biċċtejn ħadida mal-gallarija u jorbot il-ħbula tal-inxir magħhom. Hemmhekk dak li jkun inixxef il-ħasla bla ma joqgħod jitla’ dak it-taraġ kollu. Din il-ħaġa konna u għadna nsibuha f’ xi postijiet f’ Malta wkoll.

Issa meta kien ikun hemm il-purċissjoni tal-Qalb ta’ Ġesù li toħroġ mill-parroċċa, il-ħwejjeġ minxurin mal-gallarija jagħmlu ikrah. Anke jekk dak li jkun ma jkollux ħwejjeġ minxura, il-ħbula xorta jibqgħu hemm. Illum l-inxir b’ dan il-mod sar kważi attrazzjoni turistika ta’ Napli. Intant għall-purċissjoni bis-sagrament il-ħbula tal-inxir jitgħattew bi tvalja jew purtiera sabiħa. Dan kien ifakkarni fil-faldrappa jew pavaljun li aħna l-Maltin inħobbu ndendlu mal-galalrijiet jew twieqi ta’ djarna meta tkun il-festa jew meta tgħaddi xi purċissjoni. Tgħid mhux minn Napli ġiet din id-drawwa?

F’ Corpus
Image result for napoli forcellaIl-festa tal-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù bdiet propju wara miraklu Ewkaristiku li ġara fl-Italja, sewwasew ġewwa Bolsena, mhux wisq bogħod minn Ruma u qrib ħafna ta’ Orvieto. Din id-devozzjoni ma damitx ma nxterdet mhux mal-Italja biss iżda mad-dinja kollha. Issa fl-Italja waqt il-purċissjoni bis-sagrament in-nies kienet toħroġ il-qsari mill-btieħi tagħha u tpoġġihom fit-triq min fejn tkun ser tgħaddi l-purċissjoni. Kienet ukoll toħroġ it-twapet u tpoġġihom f’ nofs ta’ triq biex minn fuqhom jgħaddi s-saċerdot bl-Ewkaristija.
Din il-ħaġa konna narawha f’ kull purċissjoni Ewkaristika f’ pajjiżna u hemm fejn għadna narawha wkoll. Żgur li din id-drawwa waslet Malta mill-Italja.

Evoluzzjoni
It-tqegħid tal-fjuri u t-tapiti ingħaqdet fi drawwa waħda. F’ xi postijiet ġewwa l-Italja bdew isiru dawk li jissejħu l-infiorata, tapit tal-fjuri. Hemm bosta rħula li jagħmlu dan ix-xogħol sabiħ li jirrikjedi sengħa, ħin u paċenzja.

Infiorata popolari ħafna hija dik li ssir f’ Genzano, qrib Ruma. Dan l-avveniment jinvolvi lil dawk kollha li joqgħodu f’ dan il-post li jieħdu sehem fid-diversi attivitajiet li jinvolvi. Fil-jum ta’ Corpus, Via Belardi, it-triq priċipali f’ dan il-lokal, tinkesa b’ disinn jew aħjar tapit ta’ fjuri. Dan it-tapit ikun fih elfejn metru kwadri miksijin b’ madwar 350,000 fjura ta’ madwar 20 tip differenti, li jiffurmaw 13-il kwadru li juru xeni reliġjużi, li kull wieħed ikun fih 7 metri wisa’ b’ 14-il metru tul. Ix-xogħol fuq din l-infiorata jibda qabel. Grupp ta’ nies jibdew jaqilgħu l-petali tal-fjuri u jaħżnuhom fl-għerien għall-frisk. Kull kulur jinżamm għalih biex hekk ikunu jistgħu jsiru x-xeni bihom. L-aktar fjuri użati huma l-qronfol u l-ward, iżda mhux biss, kif għidtilkom hemm madwar 20 tip ta’ fjura differenti. Ladarba dan ix-xogħol ikun lest ikun jonqos l-aktar ħaġa importanti, it-tqegħid tal-petali f’ posthom. Jitħażżu d-disinni u x-xeni bil-ġibs mal-art u jibda x-xogħol artistiku. Issa billi hemm ilwien li ma jinstabux fil-fjuri, jiġu użati xi prodotti oħra bħal kafè jew ross jew xi ċereali oħrajn, imma kollox naturali.

Tistgħu timmaġinaw il-fwieħa ħelwa li jkun hemm fir-raħal meta l-infiorata tkun lesta!


Din id-drawwa ilha ssir aktar minn 200 sena u llum daħlet fil-kalendarju tal-post. Bosta Taljani, kif ukoll barranin iżuru dan il-post biex jitgħaxqu bil-ġmiel naturali tiegħu, jaraw din l-opra tal-arti u jgawdu ftit il-Castelli Romani. L-għada jitnaddaf kollox u qisu qatt ma kien xejn!

Din id-drawwa ġieli rajnieha f’ xi rħula f’ Malta wkoll u hija wkoll frott ta’ ħbiberiji ta’ xi rħula Maltin ma’ dawk Taljani. Min jaf il quddiem għadx ikollna xi infiorata famuża bħal dik ta’ Genzano?


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 3 ta' Ġunju 2017